Jista' l-Ministru jipprovdi dokumentazzjoni li tixhed il-prezz li bih inxtara l-fuel, meta nxtara mill-gvern u li fuqu nħadem il-prezz tal-fuels għall-użu mill-konsumatur b'effett mit-2 t'April 2012,u jgħid x'inhu d-dħul preċiż tal-gvern b'effett mill-istess data?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-reviżżjoni fil-prezzijiet tal-Petrol u Diesel li ġew fis-seħħ mit 2 t’April 2012 ġew bbażati fuq il-prezzijiet medja tal-Platts għax-xahar ta’ Marzu. Dan huwa l-istess prezz medju li l-istess suppliers tal-korporazzjoni jibbazaw il-fattura għaż-żewg prodotti msemmija.
Prezz medju (għoli) għax-xahar ta’ Marzu kien ta’ USD 1,159.70/MT għall-Petrol, filwaqt li d-Diesel kien USD 1,057.61. Minbarra l-prezzijiet ikkwotati l-Korporazzjoni Enemalta tħallas ukoll premium addizzjonali li jkun ġie miftiehem waqt il-proċess ta’ l-agudikazzjoni li din id-darba kien ta’ +USD 14.75/MT għal Petrol u + USD 1.68/MT għad-Diesel. Dawn il-premiums huma għola minn dawk li kellna fil-kuntratt ta’ qabel minħabba il-backwardation li teżisti fis-suq bħalissa. L-għoli tal-fuels u żieda fid-domanda taż-żejt minn pajjiżi bħal Ġappun (minħabba l-inċident nukleari Fukushima) kkawża splużżjoni fil-prezzijiet tal-ġar taż-zejt bil-vapuri (freight). Per eżempju l-kuntratt tad-Diesel li skada f’Diċembru 2011 kien hemm skont ta’ USD 6.00/MT u issa hemm premium ta’ USD 1,68/MT. Il-prezz jinkludi ukoll aġġustament relatatt ma varjazzjoni ta densita waqt id-delivery tal-prodott vs il-prodott veru.
Fil-każ tal-Petrol il-prezz medju għax-xahar ta’ Marzu kien 8.5% għola mill-prezz medju għax-xahar ta’ Frar li kien USD 1,068.92/MT, filwaqt li għad-Diesel il-prezz medju f’Marzu kien ta’ 8.3% għola mix-xahar ta’ Jannar li kien USD 977.37/MT
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi il-komponenti ta’ Duties u Taxes fir-rigward tal-prezzijiet tal-Petrol u d-Diesel li ġew fis-seħħ nhar 2 t’April 2012.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Żejtun - Triq San Girgor - problema ta' ilma
Question
Jista' l-Ministru jara li ħsara li ilha magħrufa mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi Triq San Girgor kantuniera ma' Triq San Piju X ż-Żejtun quddiem ħanut tal-fjuri tiġi solvuta minħabba li l-ilma qed joħroġ minn taħt it-triq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jippreżenta organigramma tal-awtoritajiet/entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu fis-setturi:
a) tar-riċerka u l-iżvilupp;
b) standards; u
ċ) copyright?
Mingħajr ma jindika l-ismijiet tal-persuni li jokkupaw il-karigi rispettivi, jista' jindika ħdejn kull kariga l-iskala pubblika jew l-ekwivalenza tal-iskala pubblika għal kull kariga?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi is-setturi indikati minnu ma jaqgħux taħt il-portefoll tal-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm kien il-prezz medju internazzjonali ta' kull barmil żejt kull xahar minn Jannar 2005 sal-aħħar ta' Marzu 2012? Kemm kien il-prezz kull xahar tal-petrol (mingħajr ċomb), tad-diesel u tal-pitrolju, kif stabbilit mill-gvern minn Jannar 2005 sal-aħħar ta' Marzu 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf illi l-prezzijiet medji internazzjonali ta' kull barmil żejt kull xahar minn Jannar 2005 sal-aħħar ta' Marzu 2012, qedjitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-prezzijiet kwotati ta’ l-ICE Brent jirrapreżentaw il-medja tal-prezz li jgħalaq kuljum fil-futures market.
Il-prezz kull xahar tal-petrol (mingħajr ċomb), tad-diesel u tal-pitrolju, kif stabbilit mill-gvern minn Jannar 2005 sal-aħħar ta' Marzu 2012, ukoll qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatgħalha d-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru tar-residenza kif inhu ndikat f’din il-Mistoqsija Parlamentari ma jeżistix. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant iktar informazzjoni tal-persuna biex din tkun tista’ tiġi kkuntatjata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32373 u jindika l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fuq kemm-il bord qed iservi bħalissa ta’ entitajiet li għandhom f’xi mod jew ieħor sehem tal-gvern kif ukoll xi konsulenzi li jista’ qed jipprovdi lill-Ministeru u/jew xi entitajiet governattivi u/jew parastatali wkoll? X’inhu l-ħlas flimkien ma' benefiċċji oħrajn f’kull każ partikolari u b’seħħ minn meta bdew dawn il-ħatriet individwalment? Għandu xi arranġamenti kuntrattwali f’xi każijiet partikolari?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Fid-dawl tal-fatt li l-Ministru ftit ilu ħabbar li hemm nies żejda jaħdmu mal-Korporazzjoni Enemalta:
a) jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata bl-ammonti ta' nies li ddaħlu jaħdmu mal-korporazzjoni fl-aħħar sena, n-nomenklatura tagħhom u l-grad (skala);
b) jista' jgħid ukoll għaliex dawn il-vacancies ma ntlewx internament u għalfejn ma sarx retraining ta' ħaddiema eżistenti;
ċ) jista' jgħid kemm minn dawn l-impjegati bbenefikaw minn skemi ta' rtirar kmieni minn mal-kumpaniji oħra bħal Air Malta jew Go (Maltacom) eċċ.; u
d) jista' jispjega għalfejn dawn il-vacanies sal-lum mhux kollha qegħdin jew ġew imniżżla fuq il-website tal-korporazzjoni kif inhi l-prassi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li fis-sena 2011 il-Korporazzjoni Enemalta impjegat 29 persuna. In-nomenklatura u l-iskala tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li għal kull vacancy li kien hemm, l-ewwel ħarġet sejħa interna. F’xi sejħiet minnhom kien hemm ammont zgħir ta’ persuni li applikaw, li kienu jikkwakifikaw u li ntagħżlu għall-pożizzjoni li applikaw għaliha. Għall-kumplament ħarġet sejħa mil-ETC.
Is-sejħiet maħruġa mill-Korporazzjoni jitpoġġew fuq il-portal tal-istess Korporazzjoni, kif inhu miftiehem mal-Unions.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar fiex jikkonsisti każ li seħħ fid-Dipartiment tal-VAT u li skont kif kien ikkwotat il-Ministru tal-Finanzi fil-gazzetta KullĦadd tal-Ħadd 18 ta' Marzu 2011, xi żmien ilu l-istess Dipartiment tal-VAT għaddih għall-investigazzjoni tal-Pulizija?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-allegazzjoni tikkonċerna l-avviċinament ta’ uffiċjal pubbliku li ġie offrut 100 ewro biex iħaffef proċess.
Dan l-istess uffiċjal informa lis-superjuri tiegħu fid-dipartiment li minnufih irreferew din l-allegazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Air Malta — konsulenti li jagħtu pariri lit-Task Force
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32740 u jgħid min kienu l-persuni li ġew imqabbda skont mistoqsija parlamentari 24972 mingħajr ma jagħti kemm tħallsu? Jista' jgħid jekk il-ħlas sarx mill-gvern jew inkella mill-Air Malta stess?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiġi msoffi ilma tad-drenaġġ li jkun ta' kwalità tajba biżżejjed biex ikun jista' jintuża għal skopijiet agrikoli? Kif inhu mistenni li dan l-ilma jitwassal għand il-bdiewa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma huwa li jipprovdi madwar 19,200 metru kubu kuljum għall-użu sekondarju fostu għall-skopijiet agrikoli. Dan l-ilma se jitwassal permezz ta’ pompi u pajpijiet mgħoddija apposta minn postijiet pubbliċi minn fejn il-bdiewa u/jew min irid juża dan it-tip ta’ ilma ta’ kwalitá superjuri jistgħu jieħdu permezz ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni awtomatika b’cards pre-paid.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma — rwejjaħ qawwija tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' rwejjaħ qawwija ta' drenaġġ u gass li qed toħroġ mill-main sewers ta' Triq Valletta f'Ħal Qormi quddiem din id-dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'xi ħinijiet waqt il-ġurnata u li qed tikkawża inkonvenjent għar-residenti? Tista' l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tgħid x'qed iwassal għal din il-problema?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta l-ilma għamlet diversi visti fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-imsemmija triq u ma sabet xejn irregolari.
L-aħħar spezzjoni saret fil-preżenza ta’ l-ispettur tas-sanita u tal-konsumatur li qed jirraporta. L-ispettur tas-sanita irrakommanda lill-konsumatur sabiex jivverifika sew jekk is-sistema tad-drenaġġ tal-propjeta’ tiegħu hix sew.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Spiża fuq salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30341, 30163 u 27925 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-ispiża tas-salarji u perkaċċi li l-gvern iħallas lill-awtoritajiet? Jistgħu dawn ikunu preżentati separatament skont il-gradi sa mis-sena 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33237, 33053, 32719, 32510 u 32251 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Private Jet għas-safar tal-Prim Ministru, Ministru u Segretarji Parlamentari
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32687, jista' l-Ministru jgħid għalfejn ir-rimbors ma kienx totali? Jista' jgħid x'inhi s-somma totali allokata għal dawn ir-rimborsi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammont mhux rimborsibbli jirreferi għall-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn 7 ta’ Novembru 2011. Dak inhar attendejt għall-laqgħa tal-EURO GROUP u nżilt lura l-għada filgħodu biex inkun nista’ nattendi l-Parlament peress li kien hemm Vot ta’ fiduċja fil-Gvern. Peress li m’attandejtx għall-laqgħa tal-ECOFIN li saret dak inhar, in-nefqa ma kienitx rimborsibbli.
Malta Enterprise — porġetti ta' espansjoni f'Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il intrapriża f’Għawdex il-Malta Enterprise għenet fi proġetti ta’ espansjoni fl-2011? Kemm mistenni li jiġġeneraw impjiegi fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom? Kemm huwa l-investiment totali tagħhom? Kemm minn dan l-investiment huwa barrani? X’għajnuna tathom il-Malta Enterprise? F’liema setturi joperaw dawn l-intrapriżi? Kemm-il ċertifikat ta’ krediti ta’ taxxa ngħataw lin-negozji Għawdxin li jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema? Kemm investew dawn il-kumpaniji u kemm-il impjieg ġdid se joħolqu fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi espansjonijiet li saru f’Għawdex matul is-sena 2011, saru permezz tal-iskemi, Investment Tax Credits, Microinvest u ERDF u kienu kollha minn kumpaniji lokali.
Inħargu 175 ċertifikat taħt l-iskema Microinvest, miftuħa għal negozji li jimpjegaw inqas minn 10 persuni. L-investiment totali kien ta’ €1,749,857.22, u kien hemm 10 persuni mpjegati ġodda. L-iskema Microinvest hija miftuħa għas-setturi kollha u għalhekk il-benefiċjarji joperaw f’setturi varji.
Kumpanija waħda lokali mis-settur tal-manifattura ibbenefikat mill-iskema Investment Tax Credits għal valur ta’ €43,637, filwaqt li 16 -il kumpanija ibbenefikaw mill-iskemi ERDF u bejniethom investew €909,599.20. Dawn l-iskemi mhumiex marbutin ma impjieg u kienu ukoll miftuħa għal-setturi varji.