Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25969 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jinforma lill-Kamra li l-ebda bastiment tas-sajd ma ġie miċħud pontoon, minn dawk li kienu maħsuba biex jiġu allokati permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti d-dati ta’ meta dawn ġew allokati u l-perjodu ta’ żmien rispettiv?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25871, peress li Infrastructure Malta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija u jgħid x’qed jiġri fi Triq il-Fortizza tal-Mosta, irrispettivament minn min qed jagħmel ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll għalfejn sal-bidu ta’ Marzu 2025, kien għadu għaddej xogħol f’din it-triq u t-triq reġgħet inqalgħet u kellu jerġa’ jingħata t-tarmak mill-ġdid?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal mistoqsija parlamentari 25871, niġbdilha l-attenzjoni li f’din il-mistoqsija l-Interpellant staqsiet dwar Triq il-Fortizza, il-Mosta, ċjoè Fortress Street u mhux għal Triq il-Fortizza tal-Mosta. Dawn huwa żewġ toroq differenti.
Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħol fi Triq il-Fortizza tal-Mosta qed isir biex jikkumplimenta passaġġ segregat għall-mobilità attiva b’kontinwita’ ma’ dak preżenti, li nħoloq u ntlaqa’ tajjeb ħafna fi Vjal Ragusa, u qablu fi Triq id-Difiża Ċivili, l-Mosta. Ix-xogħol huwa riorganizzazjoni ta’ l-ispazju eżistenti biex jakkomoda b’mod sigur, il-mezzi kollha tat-traġit, kemm dawk ta’ mobilita’ attiva, kif ukoll ta’ transport.
Il-Fgura — Triq is-Summiena, Triq l-Għasfur tal-Bejt u Triq il-Pitirros - Xogħlijiet - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26354 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25874, rigward xogħol infrastrutturali li sar fi Triq is-Summiena, Triq l-Għasfur tal-Bejt u Triq il-Pitirros, il-Fgura, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-ispiża ta' €285,000 ser titħallas minn Infrastructure Malta u kemm ser iħallas il-Kunsill Lokali tal-Fgura?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ kejl u ċertifikazzjoni tax-xogħol kollu li sar mill-aġenzija f’dawn it-toroq, u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għalissa.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25039 u 25524 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idumu għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq San Ġwann, il-Belt Valletta u kemm ser jiġu jiswew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija mistennija li jitlestew fi żmien għaxar ġimgħat u huma stmati li jiswew €180,000.
Sidien ta’ karozzi tal-kiri — Regoli għal on-street parking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux regoli partikolari li jridu jiġu osservati minn sidien ta’ karozzi tal-kiri għal dak li jikkonċerna on-street parking? Jekk iva, kif qegħdin jiġu mħarrsa dawn l-istess regoli?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolamenti dwar il-parkeġġ fit-toroq minn sidien ta’ karozzi tal-kiri huma regolati mill-Liġi Sussidjarja 499.68. L-Awtorità tikkonferma li dawn ir-regolamenti qed jiġu infurzati kif meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25751 u jgħid kemm ilu li nbeda x-xogħol fuq il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea ta' moll ġdid u xogħol ieħor ġewwa Ras Ħanżir u għaliex il-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol twaqqaf issa? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħlijiet saru s’issa u kemm ġew jiswew, x’xogħlijiet fadal isiru u kemm hu stmat li se jiġu jiswew? Jista’ jgħid meta hu maħsub li t-tender biex isiru l-kumplament tax-xogħlijiet terġa’ toħroġ mill-ġdid? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-proġett ser jitlesta kollu kemm hu u jekk humiex ser jintilfu xi fondi mill-EU?
MEYR
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-proġett ta’ Ras Ħanżir beda fis-7 ta’ Diċembru 2022. Il-kuntratt tax-xogħol twaqqaf minħabba l-fatt li l-progress tax-xogħol ma’ kienx sodisfaċenti u kien hemm numru ta’ deadlines li ma kienux qed jintlaħqu mill-kuntrattu li waqggħu l-implimentazzjoni tal-proġett lura. Għalhekk, għal fini ta’ governanza tajba, u proprju biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta’ telf ta’ fondi ewropej, ittieħdet id-deċiżjoni li jitwaqqaf u jiġi ppublikat tender ġdid biex jitkompla x-xogħol minn kuntrattur/i differenti.
Ix-xogħol li laħaq sar kien primarjament jikkonisti fi’ twaqqiegħ ta’ strutturi eżistenti u skavar, parti mir-reklamazzjoni tal-art u soil improvement ta' parti mill-pedamenti.
Bħalissa Infrastructure Malta qiegħdha fil-proċess li twettaq l-obbligi tagħha marbuta mat-terminazzjoni, li jinkludi kalkoli u ċertifikazzjoni tal-valur tax-xogħol li sar.
B’mod generali fadal li jsir il-kumplament tax-xogħol fuq il-pedamenti (soil improvement), bini tal-moll, tkomplija tar-reklamazzjoni tal-art, konsolidazzjoni, trienek u servizzi, paviment u binjiet.
L-aġenzija qiegħdha taħdem fuq is-sejħa għall-offerti ġdida. Il-kuntratt ġie tterminat issa proprju biex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex isir il-proċess tas-sejħa l-ġdida u x-xogħol mingħajr xkiel għal dawk li huma fondi ewropej li ġew allokati għal dan il-proġett.
Siġġiewi — Proġett taz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola
Question
Jista’ l-Ministru jagħti data speċifika ta’ meta se jitlesta l-proġett taz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett taz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.
Ħal Tarxien — Triq tal-Barrani - Akkumulu tal-ilma tax-xita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ser isiru biex fi Triq tal-Barrani fil-parti faċċata tal-ftuħ lejn Ħal Tarxien ma jibqax l-akkumulu tal-ilma li jkun hemm kull darba li tagħmel ix-xita b’ċerta abbundanza?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din iż-żona s-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita kienet limitata fil-gradilja mat-triq. Dawn inżammu kollha u x-xogħlijiet li saru riċenti fit-Triq tal-Barrani kienu jinkludu il-bini ta’ numru ta’ collection water chambers fil-bankini li jferrgħu fil-ġibjun biswit mat-triq. Ukoll f’din t-triq inbena culvert għall-ġbir ta’ l-ilma u jonqos biss xogħol ta' asfalt. Bil-bini ta’ dan il-culvert, il-problema tnaqset drastikament.
Il-Belt, Valletta — Roundabout quddiem l-Berġa ta’ Kastilja
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-art madwar ir-roundabout preċiż quddiem l-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt, Valletta, tiġi msewwija billi ilha hekk numru ta’ ġimgħat?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fuq il-kotba tal-RSSL li għandhom impjieg kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-servizz pubbliku? Jista’ jagħti wkoll il-pakkett finanzjarju ta’ kull impjegat; l-iskala jew titlu tal-impjieg; jekk il-kuntratt hux definit jew indefinit; l-etajiet tal-impjegati, kif ukoll kemm minnhom huma ex impjegati tal-AirMalta?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi — Triq l-Imdina - Rapporti dwar traffic ligħts
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25767 u 25873, u peress li l-Ministru qed jitlob li nispeċifika dwar rapport partikolari, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd 9 ta' Frar 2025 kienx hemm rapporti dwar traffic lights ma jiffunzjonawx fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi, u jekk iva, mingħajr ma jiżvela ebda dettalji ta' ċittadini privati, jgħid biss:
i. x'ħin daħal dan ir-rapport;
ii. x'ħin ittieħdet l-azzjoni neċessarja minn Transport Malta; u
iii. x'kienet dik l-azzjoni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta irċeviet rapport dakinhar stess filgħodu lit-traffic lights in kwistjoni kienu bla dawl. Transport Malta ħadet l-azzjonijiet neċessarja immedjatament u infurmat lill-Enemalta, li dakinhar stess solvew il-problema teknika li kien hemm u l-lights reġgħu inxtegħlu.
Sadanitant, jidher ċar għal liema każ qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant u nappellalu mill-ġdid sabiex ma jippolitiċizzax inċidenti bħal dawn f’din il-Kamra u 'lil hinn.
Il-Fgura — Triq is-Summiena, Triq l-Għasfur tal-Bejt u Triq il-Pitirros - Xogħlijiet - Nefqa
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25874, rigward xogħol infrastrutturali li sar fi Triq is-Summiena, Triq l-Għasfur tal-Bejt u Triq il-Pitirros, il-Fgura, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-ispiża ta' €285,000 ser titħallas minn Infrastructure Malta u kemm ser iħallas il-Kunsill Lokali tal-Fgura?
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le?
Jista' jgħid ukoll:
(a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom?
(b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad?
(f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija numru 24821 u jgħid jekk ix-xogħol fi Triq il-Fortizza, il-Mosta, tlestiex u għal liema raġuni din it-triq reġgħet ingħalqet bejn it-13 u d-19 ta’ Jannar 2025? Jista’ jgħid ukoll meta beda x-xogħol kollu f’din it-triq, kemm ilu għaddej u meta se jitlesta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent mhux qed isiru xogħlijiet mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi fi Triq il-Fortizza, Mosta.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru biex tiġi identifikata rotta alternattiva jew rotta aktar adegwata mill-Mellieħa għall-bypass ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll jekk u meta dan se jitlesta?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ssir Triq iż-Żurrieq, f'Birżebbuġa? Jista’ jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jibdew u meta huwa ppjanat li jitlestew ix-xogħlijiet u x’tip ta' interventi ser isiru f'din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ma ġietx mitluba taħdem fuq din it-triq bħala parti mix-xogħlijiet neċessarji f’Birżebbuġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ssir l-aħħar parti ta' Triq Dun Ġorġ Zammit, f'Birżebbuġa? Jista’ jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jibdew u meta huwa ppjanat li jitlestew ix-xogħlijiet u x’tip ta' interventi ser isiru f'din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ma ġietx mitluba taħdem fuq din it-triq bħala parti mix-xogħlijiet neċessarji f’Birżebbuġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jissewwa l-isprall fi Triq il-Karmnu, fl-Imqabba u meta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għandu talba mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba biex jissewwa dan l-isprall. Diġà saret spezzjoni u bħalissa t-talba qed tiġi evalwata ħalli tkun tista’ ssir il-manutenzjoni meħtieġa mill-iktar fis possibbli.