Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina Xeralto

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li l-mediċina 'Xeralto' tingħata lil aktar pazjenti mill-ewwel 10,000 ruħ u kif se jseħħ dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2698.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — CEOs

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 392, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari fl-intier tagħha u ċjoè jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv qed jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Birżebbuġa – ftuħ ta’ berġa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se tinfetaħ berġa fil-lokalità ta' Birżebbuġa? Fejn hi proposta li ssir din il-berġa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2911.

Ministeru għas-Saħħa – Dikjarazzjoni tal-Assi għas-sena 2016

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3317.

Fibromyalgia Clinic – servizzi offruti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-użu prinċipali tal-Fibromyalgia Clinic huwiex biss il-kollezzjoni ta' data u l-użu ta' formoli li juru l-pain-scale? Jekk le, jista' jgħid x'inhuma s-servizzi offruti fil-Fibromyalgia Clinic?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pazjenti fil-bidu jiġu eżaminati f’Mater Dei minn Rheumatologist li flimkien mat-tim multidixxiplinarju (Clinical Nurse Specialist, Physiotherapist, Occupational Therapist) jindirizza l-bżonnijiet tal-pazjent u jsir pjan ta’ ġestjoni. Meta l-kawża tal-pazjent tiġi kkontrollata​​ biżżejjed, jiġi mistieden biex jiġi rivedut fil-klinika tal-Fibromyalgia fiċ-ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fejn hemm żewġ tobba speċjalizzati , li kienu preżenti minn meta fetħet il-klinika u li huma mħarrġa biex jimmaniġġaw il-Fibromyalgia. Dawn ikomplu jsegwu l-pazjenti għal 4 żjarat oħra. Il-pazjent jista' jiġi riferut lura lill-MDH Rheumatology jew lil kwalunkwe membru ieħor tat-tim multidixxiplinarju.

Fibromyalgia/Myalgic Encephalomyelitis — Diskussjoni parlamentari

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata diskussjoni parlamentari fuq il-fatt li l-Fibromyalgia jew il-Myalgic Encephalomyelitis għandhom jiġu kkunsidrati bħala diżabilità? Jekk le, x'inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x’jitla' fuq l-aġenda tal-Kumitat Permanenti Parlamentari tas-Saħħa huwa kompitu tal-istess Chairman tal-Kumitat.

Kawżi tal-imwiet f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u din is-sena sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jistgħu l-kawżi tal-mewt juru speċifikament dawk kawżati minn inċidenti tat-traffiku, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, omiċidji, suwiċidji, u kawżi oħra li jidhirlu li huma pertinenti, filwaqt li l-imwiet minn kawżi naturali juru kemm kienu dawk kawżati minn attakki tal-qalb, dijabete, kanċer, u mard jew kundizzjonijiet oħra li jidhirlu għandhom ikunu inklużi? Jista' wkoll jissepara din l-informazzjoni skont firxa ta' etajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017 sl-2020. Statistiċi tal-2021 ikunu għadhom ma ħarġux.

Sptar Mater Dei – Hip replacement

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2897 u jgħid kemm saru operazzjonijiet għall-hip replacement fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list għall-hip replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti li qed jistennew għal hip replacement għal aktar miż-żmien stipulat fil-Patient Charter huma 132 persuna.

Sptar Mater Dei – operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2898 u jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3170.

Sptar tal-Onkoloġija — kimoterapija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il tip ta' kimoterapija tingħata fl-Isptar tal-Onkoloġija ġewwa Malta? Minn dawn li semmejt, kemm minnhom jingħataw fl-Isptar ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant illi f’Malta, fl-Isptar tal-Onkoloġija tingħata 22 tip ta’ kimoterapija. Waqt li fl-Isptar ta' Għawdex tingħata 13-il tip u 4 tipi oħra orali.

Entonox gas

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2436, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gas Entonox kienx out of stock fil-perjodu Jannar 2021 u Settembru 2022 u kemm dam out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gas Entonox ma kienx out of stock fil- perjodu li semma hu.

Sptar Mater Dei – proċeduri tal-katarretti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2435, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kemm-il pazjent ġie affettwat wara li ġiet konfermata li kien hemm nuqqas ta' provvisti għall-operazzjonijiet tal-katarretti bejn l-1 ta' Ġunju u l-aħħar ta' Settembru 2022? Kemm damu biex saritilhom din il-proċedura minn meta kellhom ippjanat u jekk sarux kollha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Jannar u Settembru 2022 saru 2,421 operazzjonijiet tal- katarretti. Madwar 70 kas mill-medja ta’ 300 li jsiru kull xahar, bejn Ġunju u Settembru kellhom jiġu posposti. Il pazjenti li kellhom l-operazzjoni posposta jirċievu appuntament ieħor mil-aktar fis.

Formolarju tal-mediċini – żieda ta’ mediċini li jintużaw fil-qasam tal-psikjatrija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2451, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma ż-żewġ mediċini li qal se jidħlu fil-formolarju għall-użu fil-qasam tal-psikjatrija u meta se jidħlu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żewġ mediċini li se jidħlu fil-formolarju għall-użu fil-qasam tal-psikjatrija huma Aripiprazole u Olanzapine.

National Mental Health Strategy 2020-2030 — proġett ta’ sptar ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2450, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika l-pjan bid-dati għall-bidu u t-twettiq tal-proġett tal-isptar akut għas-saħħa mentali u jinkludi stima ta' nefqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-isptar akut għas-saħħa mentali se jikkonsisti fi 8 swali b’total ta’ 120 sodda. L-isptar se jinbena fuq medda ta’ 10,000 metru kwadru u se joffri spazji miftuħa u faċilitajiet ta’ parkeġġ. Infakkru wkoll illi kif diġà informajtu f’seduta oħra, f’Awwissu ta’ din is-sena ġie awarded il-kuntratt għat-tfassil tat-tender tal-isptar akut tal-psikjatrija. L-art fejn se jinbena dan l-isptar diġà għaddiet mil-Lands Department għad- Dipartiment tas-Saħħa.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 373, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz lill-Gvern u li huma impjegati mal-kuntrattur u mhux fir-rigward tal-ħaddiema kollha tal-kumpanija privata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-impjegati msemmija minnu, id-Dipartiment tas-Saħħa, permezz tac-CPSU (Central Procurement and Supplies Unit) jagħti kuntratti abbażi tas-sigħat ta’ xogħol mixtieqa u mhux ta’ ħaddiema individwali.

Sptarijiet pubbliċi f’Malta – ħinijiet taż-żjarat differenti għal qraba ta’ pazjenti residenti f’Għawdex

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei u sptarijiet oħra pubbliċi f'Malta hemmx ħinijiet extra jew differenti għall-familjari u ħbieb ta' pazjenti residenti f'Għawdex li jkunu rikoverati f'Malta u dan tenut kont tal-ivvjaġġar kuljum li jkun hemm bżonn biex iżuru lill-qraba tagħhom fl-isptarijiet f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar dejjem jaddotta ħinijet li jiġu stabbiliti għall-benefiċċju tal-pazjent. Biex isiru arranġamenti speċjali f’każijiet eċċezzjonali, irid isir ftehim ma' min ikun in charge tas-sala.

Donaturi tal-organi – kunsens tan-next of kin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk jintalabx il-kunsens tan-next of kin allavolja l-persuna tkun reġistrata bħala donatur tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull persuna li tkun għalqet is-sittax-il sena, tista’ tirreġistra biex tagħti l-organi tagħha. Jekk tkun irreġistrata bħala donatur ix-xewqa tal-individwu tiġi rrispettata wara mewtu, waqt li l-qraba tal-persuna deċeduta jiġu infurmati biss. Wara l-mewt ta’ minuri, li fiż-żmien tal-mewt ikun għadu taħt is-sittax-il sena, il-ġenituri jew kustodji legali għandhom jiġu kkonsultati fir-rigward li ssir donazzjoni ta’ organu, tessut jew ċellola. F’każ illi persuna ma tkunx irreġistrata wara mewtha, il-kliniċi jistgħu jitolbu l-kunsens tal-qraba għal donazzjoni ta’ organi.

Operazzjonijiet tal-Katarretti – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1163 u 2798 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-waiting list għall-operazzjoni tal-katarretti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jitwettqu bħala medja, bejn 70 – 80 proċedura tal-katarretti kull ġimgħa. Individwi fuq il-waiting list għall-operazzjoni tal-katarretti iktar minn dak stipulat fil- Patients Charter hemm 193 persuna.

San Pawl il-Baħar – post fejn tingħata t-tilqima tal-Influwenza u ta’ kontra l-COVID-19

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3034, filwaqt li napprezza li r-residenti tal-Mellieħa u tan-Naxxar se jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u t-tilqima kontra l-virus tal-COVID-19 fil-lokalità fejn joqogħdu, għax dan inaqqas l-iskariġġ għal min hu kkonċernat, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonsidra li minkejja li f'San Pawl il-Baħar ma hemmx klinika, jinstab post f’din il-lokalità minn fejn ir-residenti jingħataw it-tilqima, iktar u iktar bħalissa peress li l-poliklinika tal-Mosta għandha wkoll il-funzjoni li toffri servizzi li qabel kienu jingħataw mill-poliklinika ta’ Birkirkara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 10 Ċentri tas-Saħħa u 21 Klinika tal-Komunità li jinsabu mifruxa madwar Malta u Għawdex fejn qed jingħataw it-tilqim tal-influwenza u t-tilqim kontra l-virus tal-COVID-19.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Advisors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa jimpiega advisors skont il-PSMC (Public Service Management Code).