Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li bbenefikaw minn sentejn krediti ta' bolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2023 kemm kien hemm persuni li bbenefikaw minn sentejn krediti ta' bolol peress li ma jkunux ħadmu għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18-il sena u l-età ta' 30 sena u kienu ċċertifikati li matul dak il-perjodu rċevew kura regolari minn psikjatra li jkun jew li kien konsulent impjegat mal-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm tliet persuni li ma kienux jaħdmu bejn it-18-il sena u t-30 sena li bbenefikaw minn sentejn krediti ta’ bolla wara li kienu ċċertifikati li f’dak il-perjodu rċevew kura regolari minn psikjatra li kien konsulent mal-Gvern.

Pensjoni tas-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid illum kemm huma l-pensjonanti li għandhom il-pensjoni tas-servizz u jaqsam din l-informazzjoni skont kemm minnhom għandhom: a. inqas minn 72 sena; b. bejn 72 sena u 79 sena; ċ. bejn 80 sena u 89 sena; u d. 90 sena jew aktar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ persuni li jirċievu pensjoni tas-servizz jammonta għal 13,010. In-numru ta’ persuni skont l-etajiet imsemmija huma kif ġej: a. inqas minn 72 sena: 4,346 persuna b. bejn 72 sena u 79 sena: 4,778 persuna ċ. bejn 80 sena u 89 sena: 3,180 persuna d. 90 sena jew aktar: 706 peruni

Persuni li jirċievu l-Pensjoni tar-Romol u benefiċċji oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li kienu qed jirċievu pensjoni tar-romol u li kienu wkoll intitotali għal xi benefiċċji soċjali fis-sena 2023? Jista' jgħid kemm minnhom ibbenefikaw mill-benefiċċju kontributorju tal-qgħad, kemm minnhom ibbenefikaw mill-benefiċċju tal-mard u kemm minnhom ibbenefikaw mill-benefiċċju kontributorju tal-korriment fuq ix-xogħol? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi t-tabella li ssegwi tirreferi għall-pensjonanti romol li bbenefikaw mill-Benefiċċju għal Qgħad, Benefiċċju għal Mard u il-Benefiċċju għall-Korriment fuq ix-Xogħol: Sa Ottubru 2023 - Pensjonanti Romol li rċivew : Nisa Irġiel Total Benefiċċju Għal Qgħad (UB) 2 0 2 Benefiċċju Għal Qgħad (UB) u Benefiċċji Soċjali oħra* 4 4 8 Benefiċċju tal-Mard (SB) 46 14 60 Benefiċċju tal-Mard (SB) u Benefiċċji Sojali oħra* 17 5 22 Benefiċċju tal-Mard (SB) u Benefiċċju Korriment fuq Xogħol (IB) 1 0 1 Benefiċċju Korriment fuq Xogħol (IB) 3 1 4 Benefiċċju Korriment fuq Xogħol (IB) u Benefiċċji Soċjali oħra* 1 0 1 Total UB/SB/IB 74 24 98 Qiegħed ukoll jiġi riferut in-numru ta’ pensjonanti romol li jirċievu xi benefiċċji soċjali oħra: Sa Ottubru 2023 - Pensjonanti Romol li rcivew : Nisa Irġiel Total Benefiċċji Soċjali oħra* 8,383 166 8,549 *Benefiċċji Soċjali oħra jinkludu : ADCL/AP/BLD/CA/CAFR/CAS/CRA/CRG/DA/DCA/ ENRG/FCA/ICRA/ISDA/ IWB/LA/SA/SDA/SKA/SPA/UA/UAT

Persuni li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid illum kemm hu n-numru ta' persuni li laħqu l-età tal-irtirar li ħallsu anqas minn ħames snin kontribuzzjonijiet u li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja? Jista' jgħid kemm hu l-bonus li qed jieħdu fis-sena? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, n-numru ta’ persuni li laħqu l-età tal-irtirar li ħallsu anqas minn ħames snin kontribuzzjonijiet kien ta’ 6,368. Minnhom kien hemm 5,789 mara u 579 raġel. Ta’ min jgħid li sal-aħħar tas-sena dan in-numru jkun akbar minħabba l-fatt li min jagħlaq żmienu minn issa sal-aħħar tas-sena, jitħallas pro-rata. Il-bonus fis-sena għal min ikun ħallas anqas minn ħames snin bolol (bejn sena sa erba’ snin bolol), fil-preżent, jammonta għal €450. Fl-2024, hekk kif ġie mħabbar fil-baġit, dan il-bonus ser jitla’ minn €450 għal €500 fis-sena.

Persuni li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid illum kemm hu n-numru ta' persuni li laħqu l-età tal-irtirar li ħallsu aktar minn ħames snin imma inqas minn għaxar snin kontribuzzjonijiet u li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja? Jista' jgħid kemm hu l-bonus li qed jieħdu fis-sena? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ persuni li laħqu l-età tal-irtirar li ħallsu aktar minn ħames snin imma anqas minn għaxar snin kontribuzzjonijiet fil-preżent jammonta għal 6,932. Minnhom hemm 6,627 mara u 305 irġiel. Ta’ min jgħid li sal-aħħar tas-sena dan in-numru jkun akbar minħabba l-fatt li min jagħlaq żmienu minn issa sal-aħħar tas-sena, jitħallas pro-rata. Il-bonus fis-sena għal min ikun iħallas aktar minn ħames snin imma inqas minn għaxar snin kontribuzzjonijiet, fil-preżent, jammonta għal €550. Fl-2024, kif imħabbar fil-baġit, dan il-bonus ser jitla’ minn €550 għal €600 fis-sena.

Tfal li kienu fostered u li ġew adottati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet snin kienx hemm addozzjonijiet ta' tfal li kienu qed jiġu fostered? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kien in-numru fis-snin 2021, 2022 u 2023 u jgħid ukoll kemm minnhom ġew addottati mill-istess familja li kienet qed tiffosterjahom u kemm minnhom ġew addottati minn persuni oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, f’dawn it-tliet snin, kien hemm 13-il minuri li kienu qed jitrabbew f’foster care placement u li ġew freed-up għall-addozzjoni b’suċċess mill-Qrati ta’ Malta. Dawn l-addozzjonijiet jinqasmu kif ġej: Sena Tip ta’ Foster Care Addottati mill-istess Foster carer/s Addottati minn ġenituri addottivi prospettivi 2021 Żewġ minuri kienu f’foster care placement; u Żewġ minuri kienu f’respite foster care placement 1 3 2022 Minuri kien f’kura alternattiva (dar residenzjali) qabel ma ġie addottat; u Minuri ieħor kien f’foster care placement 1 1 2023 7 minuri kienu kollha f’ foster care placement 7 0 Total 9 4 Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-proċess biex wieħed jaddotta, huwa proċess li jrid jgħaddi minn diversi stadji tal-Qorti u, għaldaqstant, fl-2023 qed naraw l-frott tal-ħidma tas-snin preċedenti li bdiet mad-dħul tal-liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal (Kura Alternativa) fl-2020. Preżentement hemm ukoll 4 każijiet oħra ta’ minuri li qed jinstemgħu fil-Qrati ta’ Malta, b’rakkomandazzjoni għall-addozjoni. Każjiet fejn il-minuri li jkunu rilaxxati għall-addozzjoni, ma jiġux addottati mill-istess foster carers iżda minn ġenituri prospettivi oħra, iseħħu biss jekk dik tkun l-aħjar deċiżjoni fl-aħjar interessi tal-istess minuri skont il-care plan tal-istess minuri. Il-matching ta’ dawn il-minuri isir minn professjonisti mħarrġa apposta fi ħdan id-Direttorat Kura Alternattiva, sabiex nassiguraw li verament tinstab l-aħjar familja għalihom, skont l-ħtiġijiet tal-istess minuri.

Pensjoni tal-invalidità – Tobba assenjati lill-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tobba assenjati lill-bord biex jiċċertifikaw nies li japplikaw għall-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll min kienu dawn it-tobba u għal kemm żmien servew?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Pensjoni tal-invalidità – Persuni ċertifikati bħala ‘invalidi’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ċertifikati persuni bħala ‘invalidi’ u ħadu l-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – uffiċini distrettwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11084, jista' l-Ministru jipprovdi t-tagħrif mitlub fl-istess mistoqsija u jgħid ukoll jekk iċ-ċaqliq ta’ servizz mill-Qawra għal San Pawl il-Baħar huwiex parti mill-uffiċċji tal-istess Ministeru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11084.

Shelters għal persuni bi problema ta’ droga

Question

Peress li bħalissa shelters għall-persuni homeless ma jaċċettawx persuni li jkunu qed jużaw id-droga u peress li x-shelters tal-emerġenza jaċċettaw persuni għal ftit ġranet biss, jista’ l-Ministru jgħid il-Gvern għandux pjan li joffri xi tip ta' akkomodazzjoni b'sapport għal persuni li għandhom problema tad-droga kif ukoll homeless (qed nirreferi għal persuni li ma jkunux għadhom lesti li jagħmlu programm ta' rijabilitazzjoni u ħafna drabi jispiċċaw barra t-triq, jittallbu)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, l-Ministeru għandu numru ta’ Public Social Partnerships ma’ għadd ta’ NGOs li joffru servizz lil dawk il-persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom. L-NGOs li qed issir referenza għalihom huma: 1. Dar Patri Leopoldu 2. Dar Tereża Spinelli (Dar Patri Leopoldu u Dar Tereża Spinelli t-tnejn immexxija mill-Fondazzjoni Suret il-Bniedem tal-Patrijiet Kappuċċini) 3. Il-YMCA Communal Home 4. Dar Nikki Cassar (YMCA Communal Home u Dar Nikki Cassar it-tnejn immexxija mill-NGO YMCA Valletta) 5. Dar Emmaus (Dar Emmaus hija immexxija mill-Fondazzjoni Kenn u Tama ġewwa Għawdex) u 6. Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores (Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores huma immexxija minn Fondazzjoni Dar il-Hena li hija inizjattiva bejn ażjenda privata, CARITAS Malta u dan il-Ministru). Matul din is-sena dawn l-entitajiet qed jirċievu bejniethom total ta’ € 1,998,580 bħala ħlas dirett mill-Ministeru għas-servizz li jagħtu. Dawn id-djar kollha għandhom regola, fost regoli oħrajn, li ma jaċċettawx persuni li jkollhom “problema ta’ droga”. Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li mhuwiex l-każ li dawn in-nies jispiċċaw barra t-triq u dan għal żewġ raġunijiet; L-ewwel nett, id-djar ta’ Fondazzjoni Dar il-Hena jaċċettaw nies li jkunu qed jirċievu trattament għall-problema tagħhom u jkunu stabbli fl-imġieba tagħhom għax ikunu qed isegwu t-trattament indikat lilhom. It-tieni nett, ninsab infurmat li sa issa dawk il-persuni li ma jaqgħux f’din il-kategorija, jiġifieri li għandhom problema ta’ droga, iżda ma huma jieħdu l-ebda trattament, qegħdin jagħmlu referral għall-Isptar Monte Carmeli fejn qed jiġu aċċettati minħabba kundizzjonijiet oħra ta’ saħħa mentali. Għaldaqstant mhux korrett li wieħed jgħid li dawn l-persuni qed jispiċċaw barra jittallbu, anki għaliex huma jikkwalifikaw wkoll għal ċerti benefiċċji soċjali. Il-problema tkun li jista’ jagħti l-każ li l-benefiċċiji li huma ntitolati għalihom ma jiġux utilizzati bl-aħjar mod mill-benefiċċjarji.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċievew 8 talbiet. Minn dawn, 6 intlaqgħu, ma kien hemm l-ebda talba li ma nltaqatx, filwaqt li hemm żewġ talbiet li għadhom qed jiġu evalwati.

Persuni ħatja li għamlu qligħ bi ħsara għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2021, sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna nstabet ħatja mill-Qrati ta' pajjiżna li għamlet qligħ bi ħsara għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sentenzi li permezz tagħhom l-imsemmija persuni nstabu ħatja mill-Qrati ta' pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċittadini tal-EU u TCNs – Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Third Country Nationals (TCNs) li jieħdu benefiċċji soċjali? Jista’ jgħid x'tip ta' benefiċċju u jekk jistax jelenka wkoll pajjiż pajjiż minn fejn ġejjin dawk li jieħdu xi benefiċċju?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12011.

Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Lulju sa Diċembru 2023?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif qed ikun elenkat hawn taħt: 13 ta’ Lulju EPSCO li nżammet Madrid; 9 ta’ Ottubru EPSCO li nżammet Lussemburgu.

Att dwar is-Sigurtà Soċjali – Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'kollox kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Arbitri għall-finijiet tal-artikoli 107 u 108 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-appelli għadhom ma ġewx appuntati u kemm tmur lura, l-aktar applikazzjoni pendenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnha hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Appelli Sa Ottubru 2023 Appelli pendenti sat-18 Ottubru 2023 635 Appelli li għadhom ma ġewx appuntati sat-18 ta’ Ottubru 2023 178

Skema ta’ distribuzzjoni tal-ikel iffinanzjat mill-Istat (SFFD)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li llum qed jibbenefikaw mill-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel iffinanzjat mill-Istat (SFFD)? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn din l-iskema, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’jinkludi l-pakkett tal-ikel li qed jitqassam, kull meta qed jitqassam u kif qed jitqassam?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ kapijiet ta’ familji li kienu eliġibbli u li bbenefikaw s’issa mill-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel iffinanzjat mill-Istat (SFFD), huwa kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt: DistribuzzjoniDataFamilji EliġibbliKaxxi MiġburaPerċentaġġ 1April 201719,49018,25293.6% 2Settembru 201722,57117,85079.1% 3April 201821,62116,31775.5% 4Diċembru 201821,07215,84775.2% 5April 201920,73615,90576.7% 6Settembru 201920,38115,65176.8% 7April 202019,44316,93187.1% 8Settembru 202018,85414,85478.8% 9April 202119,10715,08879.0% 10Ottubru 202118,84114,34276.1% 11Mejju 202219,68014,92075.8% 12Ottubru 202217,96513,73476.4% 13Ġunju 202317,90812,14567.8% Id-distibuzzjoni li jmiss hija l-14-il waħda u n-numru ta’ kapijiet ta’ familji eliġibbli fid-distribuzzjoni li jmiss huwa ta’ 17,556. Fir-rigward il-pakkett tal-ikel u t-tqassim tiegħu, ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 3 tipi ta’ kaxxi differenti: Kaxxa 1, 2, u 3. It-tip ta kaxxa li l-kapijiet tal-familji jirċievu tiddependi skont taħt liema kategorija ta’ bżonn taqa’ il-familja. - Kaxxa 1: Tikkonsiti fi 3 bottijiet kunserva, 3 pakketti għaġin, 3 landi tonn taż-żejt u pakkett ross. - Kaxxa 2: Tikkonsisti mill-istess affarijiet ta’ kaxxa 1 bid-differenza ta’ pakkett ieħor għaġin. - Kaxxa 3: Tikkonsisti mill-istess affarijiet ta’ kaxxa 1 imma jkollha, 2 bottijiet oħra kunserva, 2 landi oħra tonn taż-żejt, u pakkett ieħor għaġin. It-tqassim tal-ikel isir darbtejn fis-sena, normalment madwar Mejju u Settembru. Id-distribuzzjoni ssir billi jitqassmu n-numru ta’ familji eliġibbli fi 28 ċentru ta’ distribuzzjoni madwar Malta u Għawdex. Il-familji eleġibbli jiġu infurmati billi tintbagħtilhom ittra, fejn tingħatalhom ukoll informazzjoni bid-data u l-post ta’ meta u minn fejn għandhom jiġbru il-kaxxa li għaliha huma intitolati.

Skema li tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali imħallas mill-Gvern għall-iskema li tħabbret fil-Baġit għas-sena 2023 biex tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw u kemm minnhom ibbenefikaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-pagamenti tal-iskema mħabbra fil-Baġit għas-sena 2023 għadhom ma sarux u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba f’dan l-istadju.

Skema li tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu impjegati mal-Gas Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali imħallas mill-Gvern għall-iskema li tħabbret fil-Baġit għas-sena 2023 biex tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li bbenefikaw, kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw u kemm minnhom ibbenefikaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà weġibtha fil-mistoqsija parlamentari 12398, il-pagamenti tal-iskema mħabbra fil-Baġit għas-sena 2023 għadhom ma sarux u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba f’dan l-istadju.

Skema li tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu apprentisti mal-Malta Electricity Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali imħallas mill-Gvern għall-iskema li tħabbret fil-Baġit għas-sena 2023 biex tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li kienu apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw u kemm minnhom ibbenefikaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà weġibtha fil-mistoqsija parlamentari 12398, il-pagamenti tal-iskema mħabbra fil-Baġit għas-sena 2023 għadhom ma sarux u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba f’dan l-istadju.

Skema li tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni mal-Korporazzjoni Telemalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali mħallas mill-Gvern għall-iskema li tħabbret fil-Baġit għas-sena 2023 biex tipprovdi għotja ta’ darba għall-persuni li daħlu fl-impjieg mal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-1 ta’ Jannar 1978 u s-16 ta’ Jannar l-1979 u li ma kkwalifikawx għal pensjoni tas-servizz u ma bbenefikawx minn xi skema ta’ għotja mill-2017, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw u kemm minnhom ibbenefikaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà weġibtha fil-mistoqsija parlamentari 12398, il-pagamenti tal-iskema mħabbra fil-Baġit għas-sena 2023 għadhom ma sarux u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba f’dan l-istadju.