Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċjali tal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jimpjega aktar ħaddiema bħala uffiċjali tal-komunità, meta hemm biss 129 uffiċjal u dawn ma jistgħux ilaħħqu ma’ diversi xogħlijiet tagħhom? Jista’ jgħid x’inhuma r-rwoli u l-ħidmiet tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali se tkompli tissaħħaħ sabiex tkun tista’ tkompli toffri aktar servizzi. Fil-fatt l-aġenzija għadha kemm temmet il-proċess tal-għażla sabiex jiġu ingaġġati 21 uffiċjal ġdid, liema reklutaġġ huwa ppjanat li jibda fil-bidu ta’ Jannar 2023. B’żieda ma’ dan, ser tkun qed toħroġ sejħa oħra fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiġu inġaġġati uffiċjali oħrajn fis-sezzjoni tal-immaniġjar tat-traffiku. L-Irwol tal-Aġenzija Lesa u l-uffiċjali tal-komunità huwa vast, u biċ-ċentru tal-attenzjoni jkun is-servizz lill-komunità. Dan jinkludi: - Assistenza madwar diversi skejjel waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskejjel - Immaniġġar tat-traffiku f’diversi toroq arterjali bħala parti mill-pjan nazzjonali - Immaniġġar tat-traffiku u għeluq ta’ toroq marbuta ma’ xogħlijiet u permessi tal-Kunsilli Lokali u oħrajn - Skorti matul trasport ta’ oġġetti kbar (skorti) - Rappurtaġġ u assistenza liċ-ċittadin waqt kollużjonijiet ta’ vetturi - Infurzar ta’ regolament marbuta mat-traffiku u l-ambjent permezz ta’ preżenza fiżika tal-uffiċjali tal-komunità. - Moniteraġġ ta’ kameras madwar il-pajjiż marbuta ma’ rimi ta’ skart b’mod abbużiv, u regolamenti tat-traffiku.

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, jista' l-Ministru jgħid f'liema toroq fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar seħħew dawn il-każi ta' vandaliżmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi b’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354, dwar każi ta' ħsara vonlontarja fuq vetturi, id-dettalji dwar it-toroq fejn seħħew dawn il-każijiet fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, fejn it-tweġibiet għall-istess mistoqsijiet juru li San Pawl il-Baħar hi l-lokalità li fiha l-iktar li jsiru rapporti dwar dan il-vandaliżmu, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qiegħda tittieħed biex tali vandaliżmu jitnaqqas kemm jista' jkun? X'azzjoni hi ppjanata li tittieħed biex dan il-vandaliżmu jonqos?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi b'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, il-pulizja konxja li San Pawl il-Baħar kien hemm l-iktar każi ta’ dan il-ġeneru. Infurmat illi l-pulizija tad-distrett bl-assistenza ta’ taqsimiet oħra tal-Korp, qed tagħmel dak kollu possibbli u ser tkompli tinvestiga biex dawk responsabbli jiġu identifikati u jitressqu l-Qorti. Sadanittant il-pulizija qed tkompli bir-ronda u sorveljanza tagħha, anke bis-support tal-komunità.

San Ġiljan u Tas-Sliema – rapporti ta’ storbju eċċessiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3851, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u fejn waslu, dwar ir-rapporti ta’ storbju eċċessiv ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar it-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 3851, fejn il-pulzija sabet jew kellha evidenza biżżejjed biex tipproċedi l-Qorti wara li investigat ir-rapporti ta’ storbju eċċessiv ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema, dan għamlitu. Rigward San Ġiljan minn mija u sitta u sittin rapport, kien hemm disa’ u tletin każ fejn persuni responsabbli ġew imressqa l-Qorti u minnhom tlettax-il każ ġie deċiż, filwaqt li f’sitta u għoxrin każ ieħor il-proċeduri għadhom għaddejja. Rigward tas-Sliema kien hemm tmienja u tletin rapport ta’ storbju eċċessiv u f’seba’ każijiet minnhom il-persuni responsabbli tressqu l-Qorti. Minn dawn tlett każijiet ġew deċiżi, fi tlett każijiet il-proċeduri għadhom għaddejjin u f’każ wieħed il-persuna kkonċernata għad trid titressaq.

Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija – applikazzjonijiet għal kariga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-kariga ta' Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija sa meta għalqet is-sejħa għall-applikazzjonijiet nhar il-25 ta' Novembru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm applikazzjoni waħda għall-kariga ta’ Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija imsemmija mill-Onorevoli Membru, li sussegwentament ġiet iritrata.

Pulizija – żieda għal dawk li jaqbżu d-29 sena servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se taħdem iż-żieda għal dawk il-pulizija li jaqbżu d-disgħa u għoxrin (29) sena ta' servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli Interpellant huwa skorrett li jindika li din il-miżura ser tkun tapplika għal-Korp tal-Pulizija biss. Dan għaliex il-Budget preżentat għas-sena 2023 jgħid ċar li din il-miżura tapplika għal Korpi dixxiplinati kollha. Il-Gvern iddeċieda li jibda jwettaq il-wegħdi fil-manifest elettorali tiegħu immedjatament permezz tal-ewwel budget ta’ din il-leġislatura. Għaldaqstant fi żmien li ġej ser ikunu mħabbra d-dettalji ta’ din l-inizjattiva li ser tkun implimentata mis-sena 2023.

Pulizija – rapport dwar inċident ta’ sewwieq ta’ e-scooter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal ir-rapport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatement, fejn e-scooter user weġġa’ gravi resident f’għajnejh fit-28 ta’ April 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Ministru ma jkunx involut bl-investigazzjonijiet. Nistieden lill-Onor. Interpellant jitlob lill-vittma sabiex jagħmel/tagħmel kuntatt mal-Victim Support Agency u tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna kollha li hemm bżonn. Inkella jipprovdi d-dettalji tal-vittma b'mod privat u jkun ikkuntatjat / ikkuntatjata.

GREVIO Baseline Evaluation Report Malta 2020 — rakkomandazzjoni

Question

Peress li skont il-GREVIO Baseline Evaluation Report Malta 2020 “GREVIO urges the Maltese authorities to equip the police with the knowledge and powers to respond promptly and appropriately to all forms of violence against women covered by the Istanbul Convention. In particular, the Maltese authorities should: a. pursue plans to set up a specialist unit on domestic violence, extending its remit where possible to other forms of violence against women such as FGM and forced marriage; b. remind police officers of their due diligence obligation to immediately respond to, prevent and protect women from all forms of violence covered by the Istanbul Convention and apply the related sanctions for failure to do so; c. secure innovative ways to eliminate the substantial barriers to reporting encountered in Gozo; d. take measures to ensure that the prosecutorial competence of the police does not represent in practice a barrier to reporting for victims.”, jista’ l-Ministru jgħid x’sar u x’qed isir mill-Gvern fuq din ir-rakkomandazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Korp tal-Pulizija wettaq din ir-rakkomandazzjoni hekk kif sussegwentement għar-rakkomandazzjoni relatata ma’ din il-mistoqsija, f’Ottubru tas-sena 2020 twaqqfet it-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, fil-Korp tal-Pulizija. Din it-taqsima hija ġestita minn uffiċjali mħarrġa għal dan il-għan. L-uffiċjali li jifformaw parti minn din it-taqsima huma kollha mħarrġa f’dan il-qasam u ġew magħżula minħabba l-kwalitajiet u l-kapaċitajiet tagħhom, biex ikunu jistgħu jwettqu dawn id-doveri. Biex dan seta' jitwettaq, dawn l-uffiċjali ġew preparati u ngħataw taħriġ estensiv dwar kif jindirizzaw din il-problema soċjali ta’ proporzjon sinifikanti, b’enfasi dwar is-sensittività u l-bżonnijiet uniċi li jitlob dan ix-xogħol, kif ukoll biex jifmhu x’inhuma l-obbligazzjoniiet tagħhom u l-metodoloġiji li jużaw waqt li jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ abbuż. Dan anke b’enfasi ta’ kif jistgħu jipprevenu dawn l-abbużi meta l-każ jippermetti. Huma wkoll konxji dwar l-elementi legali f’dan ix-xogħol u d-doveri li kull meta jkun hemm provi ammissibbli biżżejjed, jaraw li jittieħdu proċeduri fil-Qrati kontra l-awturi ta’ dawn ir-reati. L-istħarriġ ġie estiż għal uffiċjali oħra li jaħdmu f-taqsimiet u diviżjonijiet barra mit-taqsima msemmija, u dan jinkludi uffiċjali li huma stazzjonati f’Għawdex, li għalihom saret referenza fir-rakkomandazzjoni. Dawn ta’ l-aħħar ukoll jifmhu dak li huwa essenzjali biex bl-aħjar mod ikunu f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb il-vittmi, kull meta jsir rapport magħhom u jaċċertaw li ma jkun hemm ebda ostakoli għal dawk il vittmi li jersqu biex jitolbu l-assistenza tagħhom. Sintendi, filwaqt li l-Pulizija f’Għawdex taħdem fil-qrib ma' professjonisti f’dan il qasam bħall-FSWS u NGOs oħrajn, bħalma jagħmlu kollegi tagħhom f’Malta, it-taħriġ ser ikompli u jevolvi aktar fix-xhur li ġejjin. Kull uffiċjal hu konxju mir-responsabiltajiet tiegħu prinċipalment li jipproteġi il-vittmi u l-familjari tagħhom u jagħmel dak kollu possibbli, biex titnaqqas il-vjolenza.

Immigration Appeals Board – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ appelli pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – bypass – storbju minn vetturi

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari r-residenti li joqogħdu relattivament qrib il-bypass ta' San Pawl il-Baħar, ma jibqgħux jiġu soġġettati għal storbju qawwi ta' vetturi (minħabba veloċita eċċessiva) għaddejjin mill-istess bypass għaliex spiss qed jispiċċaw ma jistgħux jorqdu b'dan l-istess storbju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali

Question

Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-ebda mill-persuni jew mill-kumpaniji msemmija separatament ma ngħataw benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra mill-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.

Ħruġ ta’ Schengen C Visas

Question

Jista l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2536 u jgħid kemm inħarġu Schengen C Visas kull xahar matul is-sena 2020 u matul is-sena 2021? Minn liema pajjiżi kienu l-applikanti? Kemm kien hemm applikazzjonijiet li ġew irrifjutati? Kemm kien in-numru ta' persuni li waslu f’Malta mingħajr visa u ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura mill-port u mill-ajruport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għadd ta’ persuni minn pajjiżi terzi li ntbagħtu lura mal-wasla tagħhom Malta għax ma kellhomx visa, jew permess ta’ residenza huwa ta’ ħmistax fis-sena 2020 u erbgħa u sittin fis-sena 2021, kif indikati xahar b’xahar fit-tabella riprodotta hawn taħt. Fir-rigward tal-ammonti ta’ Schengen Visas maħruġa għandha tkun riferuta lill-Ministru kkonċernat. 2020 2021 Xahar Ammont Xahar Ammont Jannar 4 Jannar - Frar 1 Frar 1 Marzu 5 Marzu 1 April - April 1 Mejju - Mejju 3 Ġunju - Ġunju 9 Lulju - Lulju 4 Awwissu 4 Awwissu 4 Settembru 1 Settembru 15 Ottubru - Ottubru 14 Novembru - Novembru 10 Diċembru - Diċembru 2 TOTAL 15 64

Ħruġ ta’ D Visas

Question

Jista l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2537 u jgħid kemm inħarġu D Visas kull xahar matul is-sena 2020 u matul is-sena 2021? Minn liema pajjiżi kienu l-applikanti? Kemm kien hemm minn dawn l-applikazzjonijiet li ġew irrifjutati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Marsaxlokk – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Marsaxlokk? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Marsaxlokk, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ erbgħa u disgħin (94) li minnhom ħamsa u tletin (35) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti kien ta’ sitta. L-investigazzjonijiet għal kull rapport ieħor qed ikomplu.

Fgura – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każjiet ta’ serq fil-lokalità tal-Fgura? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Fgura mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ mitejn u erbgħa u għoxrin (224) li minnhom disgħa u ħamsin (59) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ tnejn u sebgħin. L-investigazzjonijiet għal kull rapport ieħor qed ikomplu.

Ħal Tarxien – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Ħal Tarxien, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ mija u sebgħa u erbgħin (147) li minnhom sebgħa u tletin (37) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ sitta u erbgħin każ. L-investigazzjonijiet għall-kull rapport ieħor qed ikomplu.

Santa Luċija – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Santa Luċija (Malta)? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Santa Luċija, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ wieħed u erbgħin (41) li minnhom tnax (12) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ disgħa. L-investigazzjonijiet għal kull rapport ieħor qed ikomplu.

Raħal Ġdid – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Raħal Ġdid, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ tliet mija u sittin (360) li minnhom mija u sbatax (117) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ sebgħa u tmenin. L-investigazzjonijiet għal kull rapport ieħor qed ikomplu.

Pulizija – Rapporti ta’ ksur ta’ protection orders minn vittmi ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta' ksur ta' protection orders minn vittmi ta' vjolenza domestika minn Jannar sa Ottubru 2022? X'tip ta' azzjoni ttieħdet f'kull każ? Kemm minn dawn ġew irrapportati iktar minn darba?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena daħlu sbatax-il rapport ta’ ksur ta’ protection orders, minn vittmi ta’ vjolenza domestika. F’kull każ ittieħdu passi kontra l-persuni responsabbli fil-Qorti, li kienu sittax-il persuna maskili u persuna femminili. F’żewġ każijiet, il-każ ġie deċiż waqt li fl-oħrajn il-każ għadu sub judice. Fl-ebda waħda minn dawn l-istanzi ma kien hemm każi fejn ġew irrapportati iktar minn darba.

European Institute of Gender Equality -– informazzjoni ta’ data dwar il-vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ngħatat l-ebda informazzjoni ta' data fuq il-vjolenza domestika f'Malta li tinġabar mill-European Institute of Gender Equality, hekk kif ġie rapportat fl-aħħar indiċi li ġew ippubblikati mill-istess Istitut f'Ottubru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li din il-materja taqa’ taħt il-Ministeru responsabbli għall-ġbir ta’ l-Istatistika u jkun għaqli li tressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.