Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol preparatorju biex Triq il-Konventwali u Triq Ġdida fi Triq Konventwali, San Pawl il-Baħar ikunu jistgħu jingħataw it-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - ħtieġa ta' servizz

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32070, billi skont risposti parlamentari preċedenti Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar għandha tingħata t-tarmac matul l-2012, jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar it-tqegħid ta' mains kemm tad-drenaġġ u kif ukoll tal-ilma f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet f'din it-triq se jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin. Id-diskussjonijiet mal-Water Service Corporation qegħdin fi stadju avvanzat ħafna.

Siġġiewi — servizz tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li s-servizz tat-trasport pubbliku lejn is-Siġġiewi ikun estiż għall-inħawi ta' Binja Hesri u l-Housing Estate li jinsabu hemmhekk minħabba li diversi familji qed ikollhom bogħod ħafna biex jilħqu t-trasport pubbliku f'dan il-lokal? Jista' jikkunsidra li dawn il-familji kienu diġà ressqu numru ta' petizzjonijiet lill-awtoritajiet koncernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba l-wisgħa tat-toroq fl-inħawi msemmija, mhux possibbli li x-xarabanks jiġu mmanuvrati biex jidħlu u joħorġu minn dawn it-toroq u għaldaqstant ma jistax jingħata servizz tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll li qed jiġi mistħarreġ l-eqreb post sa fejn tista tidħol ir-rotta sabiex jiġu modqija aħjar in-nies ta’ dawn l-inħawi.

San Ġwann — Vjal ir-Rihan - tarmac li ċeda

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi billi t-tarmac ċeda qrib ir-roundabout li hemm ħdejn il-ħanut Junior's fit-tarf ta' Vjal ir-Rihan, San Ġwann?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tiswija tal-ħsara li qed isemmi l-Onor Interpellant għadha ma saritx minħabba l-maltemp ta' dan l-aħħar. Infurmat ukoll li dan ix-xogħol għandu jsir hekk kif ikun possibli.

Rabat — sistema ta' parkeġġ f'erba' toroq partikolari

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata, mingħajr ta’ aktar telf ta’ żmien, is-sistema ta’ parkeġġ li teżisti fi Triq San Publiju, Triq il-Konti Ruġġieru, Triq Santa Marija u Triq Sant Antnin, ir-Rabat fejn ir-resident ta’ dawn it-toroq qed isibuha ferm diffiċċli li jipparkjaw il-vetturi tagħhom? Tista' issir, imqar bi prova, sistema fejn mis-7.00 ta' filgħaxija sas-7.00 ta' filgħodu, il-parkeġġ f’dawn it-toroq ikun esklussivament għar-residenti ta’ dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li talbiet għal skemi kontrollati għal Parkeġġ Residenzjali għandhom isiru mill-Kunsill Lokali rispettivi u li fil-każ in kwistjoni ma saret l-ebda talba mill-Kunsill lokali tar-Rabat fil-konfront tat-toroq msemmija. Skemi bħal dawn, meta jkunu approvati minn Transport Malta jitħaddmu fuq il-prinċipju li fil-ġranet u ħinijiet li jkunu stipulati, dawk li ma jkunux residenti ikunu jistgħu jipparkjaw biss għal tul ta' ħin limitat.

Rabat — Triq San Publiju - problema ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li titranġa l-parti ta’ fuq ta’ Triq San Publiju, ir-Rabat, fejn wara li kienu saru x-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq u kien sar resurfacing ġdid, l-ilma tax-xita kien ġie jaqleb kontra u qed ikun qiegħed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq? Tista' tiġi indirizzata din il-problema peress li din it-triq qatt ma kienet iżżomm ilma fuq din in-naħa għax hemm provdut fejn jinżel l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija f'din it-triq saru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq arterjali li fuqhom qed isir ix-xoghol fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent għaddej xogħol fuq sitt proġetti. Dawn huma: · Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi, Luqa · Moll iċ-Ċangatura u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa/Floriana · Triq il-Marfa, Ċirkewwa/Mellieħa · Triq l-Imġarr, Triq Fortunata Mizzi, Triq ir-Repubblika, Rabat/Xewkija, Għawdex Skont l-aħħar estimi li għandha Transport Malta, huwa previst li dawn ix-xogħolijiet mistennija jibdew jitlestew minn April sa Lulju 2012. It-tnejn l-oħra: · Ta’ Penellu – Mellieħa · Bini ta’ underpass tal-Marsa mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn id-dati dejjem huma suġġetti għal xi dewmien li jista’ jirriżulta minn telf ta’ xogħol minħabba maltemp, xi skoperti arkeoloġiċi u/jew ċirkostanzi li wieħed ma' jkollux kontroll fuqhom.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - ħtieġa ta' servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tiddiskuti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dawk li huma l-ħteġijiet ta' servizzi fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar, billi din it-triq trid issir kollha kemm hi u m'hemmx dubju wkoll li ħafna mis-servizzi fiha se jkollhom bżonn jinbidlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li iva, kif dejjem isir fuq xogħol simili.

Għaxaq — Triq Ġarakol - bini ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq Ġarakol, Għaxaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-maġġoranza tal-imsemmija triq diġa' kienet saret u għalhekk il-manutenzjoni tagħha taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali konċernat. Rigward dik il-parti żgħira li għadha qatt ma saret u għalhekk hi responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 31257, fejn hemm spjegat kif u meta Transport Malta tiddeċiedi li tintervjeni fuq triq residenzjali li qatt ma' tkun inbniet.

Dritt ta' flus minn fondi

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li r-raġel tagħha ilu mejjet 21 sena u xtaqet tkun taf jekk għandhiex dritt ta' flus minn fondi li kienu jfaddlu l-istess ħaddiema tax-xatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Rabat — kwestjoni bejn il-gvern u l-kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata, mingħajr ta’ aktar telf ta’ żmien, il-kwestjoni li teżisti bejn il-gvern u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, fir-rigward ta’ manutenzjoni u xogħlijiet oħra fi Vjal il-Ħaddiem, Triq Għajn Kajjet u Triq Ħad-Dingli, għaliex finalment huma r-residenti ta’ dawn it-toroq, it-tax payers Rabtin u in ġenerali li jiffrekwentaw dawn it-toroq li qed ibatu l-konsegwenzi? B’referenza għal periklu li jeżisti f’dawn it-toroq hekk traffikużi, speċjalment minħabba l-istat ferm ħażin tagħhom kif ukoll minħabba nuqqas ta’ zebra crossingsu meta dik li hemm hi mudlama, jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ bejn l-awtoritajiet u entitajiet konċernati għal dan in-nuqqas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond il-Pjan ta’ Struttura approvat u maħruġ mill-MEPA: - Il-parti ta’ Triq Għajn Kajjet mir- roundabout għall- Bypass ta’ l-Imtarfa hija responsabbilita` ta’ TM; - Triq Ħad-Dingli minn Triq Ħal Tartani lejn Ħad Dingli hija responsabbilita` ta’ TM; - Vjal il-Ħaddiem ma tagħmilx parti mir-responsabbilita` ta’ TM iżda tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Fid-dawl ta’ dan, għaddejt l-osservazzjonijiet tal-Onor. Interpellant lil Transport Malta biex tieħu l-miżuri li huma fil-kompetenza tagħha skond ir-riżorsi disponibbli.

Transport Malta — Petrol station - fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet mibdula l-petrol station li minnha l-vetturi tat-Trasport Malta kienu qed jingħataw fuel? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula l-petrol station il-ġdida? Jista' jgħid kif l-għażla waqgħet fuq din il-pompa speċifikament meta fil-qrib hemm petrol stations jiffunzjonaw bl-istess mod?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għal raġunijiet ta’ kontabilità, pompa li kienet toffri servizz mingħajr sistema elettronika ta' kontroll ġiet mitluba tistalla dan is-servizz. Peress li s-sidien ta’ din il-pompa għażlu li ma jinstallawx din is-sistema, ġie deċiż li tintuża pompa li kienet diġà qed tforni lil Transport Malta u li għandha din is-sistema li tiffaċilita kontroll aħjar.

Rotta tal-Linja tal-Isptar mill-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ir-rotta tal-linja li twassal ir-residenti tal-Fgura lejn l-Isptar hux se terġa' tibda tgħaddi minn Hompesch Road bħalma kienet tagħmel qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 31079, ninsab infurmat li Transport Malta ħadet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni u ser tkun qegħda tiddiskuti din il-proposta mal-Kunsill Lokali tal-Fgura.

Rotta tal-linja għall-Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jsiru kambjamenti fir-rotot tal-karozzi tal-linja għal Wied il-Għajn b'mod li n-nies kollha li jgħixu fiż-żona ta' minn fejn Grabiel sal-ex lukanda Jerma jerġgħu jiġu serviced minn karozza tal-linja bħalma kienu jiġu serviced qabel l-introduzzjoni tar-riforma tal-karozzi tal-linja f'pajjiżna? Huwa sew li min jgħix ħdejn l-ex Jerma jkollu jinżel sa fejn Grabiel biex jaqbad tal-linja?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 31079, ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja ta' din it-talba u qiegħda tevalwa kull possibilità sabiex din iz-zona tingħata servizz tat-trasport pubbliku.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29831.

tag għall-vetturi ta' ġarr tal-passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga każijiet ta' individwi li damu xhur sabiex ġie konkluż il-proċess għar-rigward tal-pedina penali tagħhom sabiex jerġgħu jingħataw it-tag ħalli jsuqu vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri? Tista' ssir xi ħaġa sabiex jiġi evitat il-kju esaġerat li ġieli jkun hemm sabiex dawn l-applikanti jinqdew u jitnaqqas id-dewmien f'dawn il-proċessi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Driving Examiner — xogħol ta' skrivan

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jispjega kif individwu li għandu l-grad u jitħallas paga ta' driving examiner ilu żmien jagħmel xogħol ta' skrivan, fil-Land Transport Directorate u dan meta hemm ħtieġa kbira ta' eżaminaturi ħalli jlaħħqu man-numru dejjem jikber ta' testijiet u meta l-paga ta' driving examiner hija aktar minn dik ta' skrivan?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li kienet deċiżjoni amministrattiva ta' Transport Malta u li l-paga li qed jieħu il-persuna in kwistjoni hija relattiva max-xogħol li qed jagħmel.

Transport Malta — fire extinguisers u equipments

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif minkejja li Transport Malta hi mgħammra b'fire extinguishers u equipment ieħor relatat mas-saħħa u sigurtà, l-impjegati qatt ma ngħataw taħriġ kif jużaw l-istess equipments?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-uffiċċjali tas-Sigurta’ fi ħdan Transport Malta, li huma responsabbli f'każ ta' emerġenzi, huma mħarrġa b'mod regolari fl-użu tal-apparat kollu tal-fire extinguishers u apparat ieħor relatat mas-saħħa u sigurtà.

toroq iffinanzjati lill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li ġew aċċettati bħala li jistgħu jiġu finanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Meta ġew aċċettati l-ewwel darba biex fil-fatt il-finanzjament tagħhom isir permezz ta' dawn il-fondi? Liema mit-toroq li kienu aċċettati oriġinarjament, fil-fatt inbidlu ma' toroq oħra? F'dan il-każ, liema kienu t-toroq li ġew hekk aċċettati biex isiru bil-fondi tal-Unjoni Ewropea? Liema minn dawn it-toroq għadu għaddej ix-xogħol fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq li ġew sottomessi lill-UE għal ko-finanzjament mill-fondi tal-UE huma: 1. Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi 2. Il-Kostruzzjoni u t-titjib tat-triq li tagħti aċċess għat-Terminal tal-Passiġieri bil-Baħar, il-Furjana/Marsa. Fasi A u B. 3. Triq il-Marfa, Marfa 4. Il-Bypass Ta’ Pennellu Mellieħa 5. Triq l-Imġarr, Xewkija, Triq Fortunata Mizzi u Triq ir-Repubblika, Victoria Għawdex 6. Rikostruzzjoni u titjib tal-Bypass ta’ M’Scala 7. Rikostruzzjoni u titijib ta’ Triq il-Belt Valletta, Żurrieq. L-ewwel ħames toroq ġew aċċettati għal ko-finanzjament minn fondi tal-UE fit-3 ta’ Frar 2010 permezz tad-deċiżjoni tal-kummissjoni Ewropeja K(2010)729 u bħalissa hemm ix-xogħol għaddej fuqhom. Iż-żewġ toroq l-oħra kienu ġew aċċettati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fis-26 ta' Marzu 2008 u x-xogħol fuqhom tlesta fl-2010.