Is-Siġġiewi – Triq l-Imdina – żvilupp t’akkomodazzjoni soċjali – fetħa fil-blat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid il-fetħa fil-blat (ritratt qed jingħata separatament) li dehret waqt ix-xogħlijiet fis-sit fejn qed isir l-iżvilupp t’akkomodazzjoni soċjali fi Triq l-Imdina fis-Siġġiewi, x’inhi? Jista’ jagħti x’informazzjoni għandhom il-periti dwar din il-fetħa u x’assessjar għamlu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-fetħa fil-blat illi tidher fir-ritratt mehmuż, hija Waste Water Gallery tal-Water Services Corporation. Qed isiru surveys mill-Water Services Corporation biex ikun stabbilit l-aħjar mod kif għandna nipproċedu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4978, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klijenti li qed jirċievu dan is-servizz Star 25 u x’għandhom jagħmlu dawk il-ġenituri jew carers li għandhom adulti li jbatu minn diżabilità intelletwali severa, biex jirċievu dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, preżentament is-Sevizz Star 25, offrut mill-Aġenzija Sapport, jingħata lil għaxar klijenti, waqt illi ħames klijenti oħra jinsabu fil-fażi tat-tranżizzjoni, sabiex jibdew jibbenefikaw mis-servizz ukoll.
Ġenituri jew Carers illi jixtiequ jirreferu għal dan is-servizz offrut, għandhom jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Sapport sabiex isir l-assessjar meħtieġ.
Ħal Kirkop – Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet – bini ta’ units
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unit ser jinbena f’Ħal Kirkop fiż-żona ta’ bejn Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet? Meta ser ikun lest il-proġett? Meta se jidħlu l-ewwel residenti? Kemm minn dawn se jkunu offruti għal bejgħ u kemm għal kiri?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fiż-żona ta’ bejn Triq il-Ħawħ u Triq il-Lewżiet Ħal Kirkop, ser ikunu qed jinbnew 19 -il unit. Iż-żmien tat-tlestija għadu mhux stabbilit peress li l-proċess tat-tender biex jinbena dan is-sit għadu qed jiġi pproċessat.
L-ebda
unit
mhu ser ikun qed jiġi offrut għall-bejgħ.
Din il-binja ser tkun komposta minn 4 appartamenti
ground floor
u 5 appartamenti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sular.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar li qed jieħdu l-allowance u li dawn mhumiex parti mill-ftehim kollettiv? Jekk iva, f'liema grad qegħdin dawn il-ħaddiema u x'inhu r-rwol tagħhom fl-awtorità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interperllant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-eredi tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jieħdu l-flus dovut lilhom, minħabba l-ħlas żejjed li sar fil-home li kienet tgħix fiha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, daħlet fid-Dar għall-Anzjani imsemmija minnu b’mod separat, is-sezzjoni tal-kontribuzzjonijiet fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kienet ħadmet ir-rata bis-60% u bagħtet tinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u lill-qraba permezz ta' ittri.
Wara xi żmien, is-sezzjoni tal-kontribuzzjonijiet reġgħet intalbet tibgħat kopji ta' dawk l-ittri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u ġiet riveduta ir-rata skont kif kien hemm ikkomunikat fl-ittri. Il-qraba tal-anzjana kellhom japplikaw għal
refund
min-naħa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5477 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-inizjattiva li tħabbret fid-Diskors tal-Budget 2016, fejn ħaddiema jistgħu jibqgħu jaħdmu fis-settur privat minkejja li jkollhom biżżejjed bolol imħallsa biex jirtiraw bil-pensjoni u li jekk jibqgħu jaħdmu l-pensjoni tiżdied b'5% (62 yrs), 5.5% (63 yrs), 6% (64yrs) u 6.5% (65 yrs), jikkunsidrax il-Ministru li din l-inizjattiva tiġi estiża wkoll għall-ħaddiema fis-settur pubbliku? Għalkemm fiha nnifisha hija inizjattiva tajba, ma jaħsibx li għandha tiġi estiża wkoll għas-settur pubbliku, biex b'hekk titneħħa kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema tas-settur pubbliku?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, matul din il-leġislatura l-miżura imsemmija minnu, ser tkun qed tinfetaħ ukoll għall-impjegati fis-settur pubbliku.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5499, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx proċedura relattiva sabiex l-art tiġi akkwistata mil-Lands Department?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-talba għat-trasferiment tal-art illi saret referenza għaliha, saret fis-16 ta’ Marzu 1988.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ April 2018, bħala production costs għal TV advertising kien hemm din in-nefqa ;
Fl-2013(minn Marzu) - €975.50
Fl-2014 - €1,180
Fl-2015 - €1,379.69
Fl-2016 - €4,322
Fl-2017 - €11,434.45
Fl-2018(sa April) - €3,057.60
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, liema individwu jgħix f'binja tal-akkomodazzjoni soċjali u l-gallarija ta' dan l-appartament, tenħtieġ li tiġi rranġata b'mod urġenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar il-każ imsemmi, diġa saret spezzjoni fuq il-post, tlestiet l-istima u f’qasir żmien għandu jiġi ngaġġat kuntrattur biex jagħmel ix-xogħol meħtieġ.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura, mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, mill-elezzjoni sal-lum hija din ;
Total ta’ 254 membru fejn 109 minnhom huma nisa. Dan ifisser illi 43% tal-membri huma nisa.
Dan hu aktar minn konformi mal-wegħda tal-manifest elettorali biex nżommu mal-kwota ta’ 40% illi jkunu nisa.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 4951.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali - nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 4951.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet u l-oġġettivi tal-Community Services? X’inhuwa l-involviment tal-impjegati tal-Aġenzija Sapport biex jitwettqu dawn l-għanijiet għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom? Jistgħu persuni b’diżabilità minħabba nuqqas ta’ saħħa mentali, jibbenefikaw minn dan is-servizz? X’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dawn is-servizzi fil-komunità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-servizzi fil-komunità tal-Aġenzija Sapport jassistu lill-persuni b’diżabilita`, taħt pjan personalizzat, sabiex ngħatu opportunità lill-persuni b’diżabilita` jgħixu ħajja indipendenti, waqt li jiġi offrut ukoll sapport lill-familjari. Tingħata għajnuna speċjalizzata skont l-esiġenzi ta’ kull każ. Din l-għajnuna tvarja minn għajnuna prattika fid-dar tal-klijent sa għajnuna sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi u attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn.
L-Aġenzija Sapport taħdem ma’ diversi entitajiet u professjonisti oħra skont in-neċessitajiet tal-każ partikolari.
Persuni li jixtiequ jibbenefikaw mis-Servizzi tal-Komunità tal-Aġenzija Sapport għandhom jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija fuq 22568000 sabiex isirilhom appuntament mal-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz Independent Community Living u x’tip ta’ servizzi jista’ jkollhom kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità dawk il-familji li għandhom persuni b’diżabilità sabiex jingħataw dawn il-fondi? X’inhuma l-għanijiet ta’ dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Independent Community Living (ICL), jipprovdi servizz li jikkonsisti f’għajnuna fil-komunita` għal ħajja indipendenti. Is-servizz huwa ta’ 13-il siegħa fil-ġimgħa jew aktar, sa massimu ta’ 30 siegħa għajnuna. L-għajnuna tvarja skont l-bżonnijiet tal-każ partikolari, minn għajnuna fid-dar tal-klijent, assistenza sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi, sa attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn. L-Għan ta’ dan is-servizz huwa li joffri sostenn u sapport.
Ċentri ta’ Matul il-Jum — servizz ta’ Self-Advocacy
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandhom self-advocacy groups? Kemm-il darba dawn il-gruppi jiltaqgħu u kemm hemm klijenti li qegħdin jipparteċipaw fihom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li fihom jiġu organizzati s-self advocacy groups huma kif ġej ;
Iċ-Ċentru tal-Imtarfa (darba fil-ġimgħa),
Marsascala (darba fi ħmistax),
Swatar (darbtejn fil-ġimgħa),
Għajnsielem Learning Hub (darbtejn fil-ġimgħa)
Sliema Skills Space (kuljum) u
Iċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid (darba f’ġimgħa).
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 100 klijent jipparteċipaw f’dawn il-gruppi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt tad-dar tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, peress li ilhom is-snin fuq konvenju u jridu jsiru l-actual owners?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-art inkwistjoni għadha ma ġietx trasferita lill-Awtorita` tad-Djar
Parking għall-persuna b'diżabilità — każ ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex jara li d-Dipartiment ikkonċernat jibgħat lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ir-riżultat tal-appell li ressqet u dan sabiex ikunu jistgħu jsiru s-sinjali meħtieġa ta' parking bi prijorità għall-persuna b'diżabilità bla aktar dewmin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, ser tkun infurmata minn Transport Malta, dwar ir-riżultat tal-appell illi kienet ressqet.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra