Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #9121 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

settur turistiku — dħul tal-gvern minn taxxi diretti u indiretti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien jammonta d-dħul tal-Gvern minn taxxi diretti u indiretti mis-settur turistiku matul is-sena 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward il-VAT ħafna attivitajiet ma tistax tirrelathom biss ma’ turiżmu. Per eżempju jekk nieħu r-restaurants ma tistax tkun taf mill-VAT li tinġabar hiex ġejja minn servizzi lill-Maltin jew lit-turisti. Fir-rigward tat-Taxxa tad-Dħul m’hemmx mod kif tkun taf kemm iddikjaraw il-persuni involuti fit-turiżmu fl-2008 qabel ma jintbagħtu l-formoli tat-taxxa. Ħafna minn dawn hum kumpanniji li l-formola jibgħatuha f’Ottubru li ġej.
Leg 11 PQ #9434 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Caravan sites awtorizzati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' caravan sites li huma awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiġu żviluppati caravan u/jew camping sites f'Malta u f'Għawdex? Fejn jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ġew approvati tlett (3) applikazzjonijiet għal caravan sites; tnejn (2) fil-Mellieħa u waħda (1) fin-Naxxar. Filwaqt li tmien (8) applikazzjonijiet għadhom pendenti; erbgħa (4) minn dawn huma proposti fil-lokalità tal-Mellieħa, tnejn (2) fin-Naxxar, waħda (1) f'Marsascala u waħda (1) fiż-Żebbuġ, Għawdex.
Leg 11 PQ #9439 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Għawdex - impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati f’Għawdex mad-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista’ jagħti l-istess tagħrif għall-aħħar ta’ Diċembru 2007? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba skond il-grad u l-iskala tal-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #9445 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — self catering accommodation

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm units u sodod f’self-catering accommodation f’Għawdex u f’Malta separatament mill-1999 ‘l hawn skond it-tip eżempju: farmhouses, vilel bil-pool, apartments eċċ. u skond il-klassifikazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid kemm kienet il-medja tal-occupancy rate tagħhom kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10186.
Leg 11 PQ #9505 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Fond għall-iżvilupp urban

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta twaqqaf il-fond għall-iżvilupp urban (UIF) u f'liema sena? X'inhu l-għan ta' dan il-fond? Kemm hu l-ammont finanzjajru ta' dan il-fond għal din is-sena? Liema huma l-kunsilli lokali li applikaw biex jibbenefikaw minn dan il-fond? Liema huma l-kunsilli lokali li bbenefikaw? Kemm hu l-ammont fi flus li ħa kull kunsill lokali? Xi proġetti għandu kull kunsill lokali minn dan il-fond (UIF)? Fil-preżent, liema huma l-kunsilli lokali li bbenefikaw minn dan il-fond imma l-proġett għadu ma bediex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Fond għall-Iżvilupp Urban (UIF) twaqqaf f'Ottubru 2006. L-għan ta' dan il-fond huwa li jinġabru flus min żviluppi li jsiru fil-lokalità u li dawn il-flus jintużaw biex isir titjib fl-ambjent urban. Dan il-fond ma għandux ammont finanzjarju fiss iżda d-dħul tiegħu jiġi biss minn ħlas li jsir mill-iżvilupatturi bħala ħlas fuq żvilupp li jkun għamel fil-lokalità. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi liema kienu dawk il-kunsilli lokali li applikaw bi proġetti biex jibbenefikaw minn dan il-fond, dawk li bbenefikaw, l-ammonti li ħa kull kunsill lokali, kif ukoll x'inhuma il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond. It-tabella turi wkoll l-istat ta' f'hiex waslu l-proġetti - jiġifieri jekk tlestewx, jekk humiex qegħdin jiġu mplimentati jew jekk għadhom ma bdewx, kif ukoll ir-raġuni jekk dawn għadhom ma bdewx.
Leg 11 PQ #9514 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandhom applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-ismijiet tal-kunsilli lokali li għandhom applikazzjoni quddiem l-Awtorità. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fl-isem tal-applikant jew fl-indirizz waħda mill-kliem ‘Kunsill’ jew ‘Council.’
Leg 11 PQ #9727 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema dwar l-aċċessibilità

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9335 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jagħti d-dettalji li ġew mogħtija lill-kunsilli lokali fuq l-iskema dwar l-aċċessibilità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema issa għalqet. Bħalissa l-applikazzjonijiet qed jiġu aġġudikati minn Bord ta’ l-Għażla li għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministru.
Leg 11 PQ #9747 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Barriera — permess għar-radam

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jispjega jekk sid il-barriera li dettalji tagħha qed jinbagħtu seperatament, għandux il-permessi li flok jitfa' r-radam fil-barriera jgħolli mad-dawra l-barriera bir-radam u jgħola 'l fuq mil-livell tat-triq? Jara l-Ministru li dan huwa abbuż sfaċċat fil-pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li taħt LN128/97, din il-barriera ma tistax titfa’ radam iżjed minn tlett metri mil-livell oriġinali tas-sit, kif stipulat fil-permess ambjentali illi tawtorizza l-operat ta' din il-barriera. L-aħħar informazzjoni li għandha l-Awtorità hi illi dan il-livell ma nqabiżx.
Leg 11 PQ #9773 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gżejjer ta' San Pawl — bir bla protezzjoni

Question

Billi fuq il-Gżejjer ta' San Pawl hemm bir li minn fuqu tneħħa l-għatu, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan l-għatu, jew xi forma oħra ta' protezzjoni fil-fatt titqiegħed fil-post biex jiġi evitat periklu żejjed u bla bżonn lil dawk li jmorru fuq il-post, b'mod partikulari issa li qed joqrob is-sajf?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ilment tal-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-awtorità kompetenti (Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali) sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 11 PQ #9783 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Outline Development Permits

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati Outline Development Permits mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mis-sena 2005 'l hawn? Jista' jagħti rendikont ta' dawn il-permessi sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 11 PQ #9785 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Furjana — bars li jħallsu deposit fuq siġġijiet u mwejjed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħwienet tax-xorb u bars fil-Furjana li jħallsu deposit għall-imwejjed u siġġijiet li joħorġu barra? Jista' jgħid kemm hemm bars u ħwienet tax-xorb li għandhom permess li joħorġu mwejjed u siġġijiet barra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħanut tax-xorb jew bar fil-Furjana jħallas deposit jew għandu permess sabiex joħroġ imwejjed u siġġijiet barra. F’Malta u Għawdex 294 stabbiliment għandhom permess simili li joħroġ mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Leg 11 PQ #9793 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilliera eletti — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: 1) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn it-18 u l-25 sena? 2) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn is-26 u l-35 sena? 3) Ma' liema partit jappartjenu? 4) Kemm minn dawk indikati f'punt (1) u (2) huma nisa? Ma' liema partit jappartjenu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-eta’ ta’ bejn it-18 u l-25 sena kien ta’ tlettax (13). Dawn huma kollha rġiel, tmienja (8) mal-Partit Laburista u ħamsa (5) mal-Partit Nazzjonalista. L-ammont ta’ kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-eta’ ta’ bejn is-26 u l-35 sena kien ta’ ħamsa u tletin (35). Dawn huma kollha rġiel, sittax (16) mal-Partit Laburista u dsatax (19) mal-Partit Nazzjonalista.
Leg 11 PQ #9867 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied il-Għajn- tal-Magħluq — ħut li qed imutu

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega l-Parlament x'inhi l-qagħda li jinsab fiha l-ilma tal-Magħluq ta' Wied il-għajn ? Għaliex il-ħut tal-Magħluq qed imut kollu? Possibbli l-Gvern m'għandux pjan ta' azzjoni konkreta biex dan il-post potenzjalment tant sabiħ f'Wied il-Għajn jisbieħ? Jekk għandu, jista' jpoggi l-istudji tal-Gvern fuq dan is-settur fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellani li l-problemi prinċipali li qed jiltaqa' magħhom dan is-sit huma relatati ma' nuqqas ta' ċirkolazzjoni ta' ilma minħabba li l-kanal li hemm taħt it-triq, li jgħaqqad il-Magħluq mal-ilma baħar, huwa miżdud. Dan x'aktarx ġie miżdud meta saru x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni tat-triq kif inhi llum. Kemm-il darba saru attentati biex dan il-kanal jinfetaħ pero s'issa qatt ma rnexxewx. L-ilma tat-triq ta' mal-ġenb tal-Magħluq jinżel f'dan is-sit u għalhekk ikompli jżid mal-problema biż-żieda ta' nitrati fl-ilma. Il-popolazzjoni tal-papri li hemm preżentament fil-Magħluq ukoll qed jagħmlu ħsara kbira minħabba l-ammont ta' nitrati li qed iżidu fl-ilma li diġa' qed ibati minn nuqqas ta' ċirkolazzjoni. Vandaliżmu u rimi ta' skart mill-pubbliku ukoll jaffetwaw dan is-sit. Il-Magħluq ta' Wied il-Għajn jifforma parti min-netwerk tan-Natura 2000 ta' l-Unjoni Ewropea. Din hija katina ta' siti li jiġu protetti minħabba l-ambjent naturali u l-ispeċi ta' importanza għall-Unjoni Ewropea li jkun fihom. Fil-Magħluq ta' Wied il-Għajn hemm speċi u ambjenti li huma tipiċi u li jinsabu biss f'ilma salmastri. L-obbligu tad-direttivi ta' l-UE biex dan is-sit ikun immaniġġjat bħala Natura 2000 jirrikjedu li dan isir sal-2014. Fil-fatt biex tassigura li dan isir fi żmien tajjeb, iktar kmieni din is-sena il-MEPA applikat għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea biex tkun tista' tagħmel il-pjani ta' l-immaniġġjar tas-siti tan-Natura 2000 kollha, fosthom il-Magħluq ta' Wied il-Għajn. Il-MEPA bħalissa qed tistenna l-fondi għal dan il-proġett. Pero, sa kemm dan isir, xorta qed jittieħdu azzjonijiet ġo dan is-sit. Fil-fatt riċentement saru diskussjoniet bejn diversi entitajiet tal-Gvern, fosthom il-MEPA, il-Park Department, l-Animal Welfare Department, il-Cleansing Department tal-Works Division u l-Kunsill Lokali biex jitwettqu xi miżuri f'dan is-sit. Dawn il-miżuri jinkludu tindif tas-sit, ikkontrollar tal-popolazzjoni tal-papri u studji biex jinstab l-aħjar metodu biex jinfetaħ il-kanal li jgħaqqad il-Magħluq mal-baħar. Dawn il-miżuri tqassmu wkoll bejn l-entitajiet ikkonċernati.
Leg 11 PQ #9889 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz ta' l-ajru bejn Għawdex u Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9520, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-iskeda għas-sajf u x-xitwa tas-servizz tal-ajru li hemm bħalissa? Jista' jgħid minn fejn qed jaħdem f'Malta f'kull ħin tal-iskeda? Jista' jara li toħroġ stqarrija għall-istampa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni biex ifakkar lill-Maltin u lill-Għawdxin b'dan is-servizz tant komdu u utli għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz operat mill-kumpanija Harbourair joffri titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u mill-Valletta Cruise Terminal għal port tal-Imġarr, Għawdex. Dettalji aġġornati fuq l-iskedi ta’ dawn is-servizzi jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-kumpanija www.harbourairmalta.com Ma naħsibx li jkun xieraq li s-servizzi tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jintużaw sabiex jippromwovu servizzi ta’ transport kummerċjali.
Leg 11 PQ #9919 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Reform u Minerals Advisory Board

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew advisors li għandu fuq il-MEPA reform? Min huma l-membri tal-MEPA minerals advisory board?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tiegħi qed juża l-konsulenza tal-Management Efficiency Unit fit-tfassil tar-riforma tal-MEPA. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Membri tal- Minerals Advisory Board.
Leg 11 PQ #9964 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dwal fil-fronts mal-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fejn fil-fronts mal-baħar f'Malta ġew stallati dwal matul it-triq kollha din is-sena mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jew minn xi dipartiment li jaqa' taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru? Billi saru diversi talbiet biex il-fronts ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jinxtegħlu b'dan it-tip ta' dawl, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol f'dan il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10069 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Serq minn ġo kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm insterqu affarijiet minn ġo kunsilli jew proprjetà ta' xi kunsilli lokali din is-sena? X'insteraq f'kull każ u fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10070 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gvern lokali — reati fuq ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li jifformaw parti mill-Gvern lokali jiġifieri sindki, kunsilliera, segretarji jew impjegati ta' kunsilli li sar reat fuqhom kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Minn liema lokalità huma? X'reat twettaq fuqhom? Kemm ġew solvuti każi? X'weħlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10186 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — self catering accommodation

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9445 u jgħid kemm kien hemm units u sodod f’self-catering accommodation f’Għawdex u f’Malta separatament mill-1999 ‘l hawn skond it-tip eżempju: farmhouses, vilel bil-pool, apartments eċċ. u skond il-klassifikazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid kemm kienet il-medja tal-occupancy rate tagħhom kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjonii mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10200 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fgura — Triq Kampanella - xogħlijiet ta' drenaġġ - generator

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex fi Triq Kampanella, l-Fgura bħala parti mix-xogħlijiet tad-drenaġġ li qed isiru fl-inħawi ta' Smart City qed jitħalla generator jaħdem lejl u nhar bi tniġġiż kontinwu u rwejjaħ ta' diesel b'dannu ghar-residenti ta' din it-triq? Jista' jgħid jekk dan il-generator għandux jitħalla jniġġes bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jekk l-ufficjali tal-awtorità marrux jinvestigaw l-ilmenti tal-familji li hemm fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11711.