Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10383 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Persuna li mhix perit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9929 u jikkonferma jekk matul dawn l-aħħar xhur fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienx hemm rapport dwar persuna jew persuni partikolari, li mhumiex periti, u li regolarment kienu qed jidhru f'isem applikanti biex isegwu l-ħruġ ta' compliance certificates f'inħawi differenti f'Malta u partikolarment f'areas outside development zone? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fil-każijiet li għalihom dehret din il-persuna kienx hemm xi rregolaritajiet fl-applikazzjoni għal compliance certificate?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija proċedura normali li l-Awtorità tirċievi talbiet formali għall-compliance certificates mingħand periti biss u allura kwalunkwe dikjarazzjoni dokumentata inklużi pjanti, site plans u ritratti li jkun hemm annessi ma’ l-applikazzjoni jkunu ffirmati u ttimbrati bħala dokumenti awtentiċi u korretti mill-istess perit li jkun issottomettiha. Dan ma jeskludix il-fatt illi l-applikazzjonijiet jitwasslu l-Awtorità minn individwi, li f'ċerti każi jkunu s-sidien infushom jew impjegati tal-istess periti u li allura jkunu mqabbda mill-perit sabiex iwasslu u jsegwu t-talbiet lill-Awtorità. Kwaluknwe talba li ssir lill-Awtorità tiġi pproċessata skond proċedura stabbilita. Fejn jinstab illi d-dikjarazzjoni tal-perit tkun korretta, jinħareġ il- compliance certificate . Dan jintbagħat bil-posta reġistrata lill-applikant innifsu skond l-indirizz indikat fid-dikjarazzjoni. Jekk dan ta’ l-aħħar ikun jixtieq jiġbor iċ-ċertifikat personalment, ikun jista’ jagħmel hekk billi jippreżenta l-karta ta’ l-indentità u jiffirma fuq reġistru apposta qabel jieħu d-dokument. Mill-banda l-oħra jekk jirriżulta li x' informazzjoni tal-perit fid-dikjarazzjoni tkun susspettata irregolari, mhux ċara biżżejjed u/jew mhix korretta allura l-istess applikazzjoni tiġi immedjatament irriffjutata jew irritornata u l- compliance certificate ikun miċħud.
Leg 11 PQ #10385 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħlas lill-perit — sit tat-teatru rjal u Bieb il-Belt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10310 u 9973 u jgħid kemm tħallas il-perit Renzo Piano sabiex jipproduċi il-concept design għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt li ġie ppreżentat fil-pubbliku? Kemm tħallas s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Perit Piano ma jitħallasx ta’ kull biċċa xogħol individwalment iżda fil-kors tax-xogħol jibgħat kontijiet li jkunu jinkludu anke spejjeż. Sa tmiem l-istadju tal-concept designs kien tħallas €1,320,000.
Leg 11 PQ #10386 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ta' persuna

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9844, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10309 u 9972 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10387 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Teatru Rjal u Bieb il-Belt — informazzjoni dwar il-proġett

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10306, 9976 u 9840 u cioè: B'referenza għal proġett imħabbar għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda x-xogħol? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan il-proġett? Liema fondi se jintużaw għal dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq is-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt hu maħsub li jibda s-sena d-dieħla iżda d-data preċiża tiddependi minn meta jinħareġ il-permess tal-MEPA. Dan il-proġett huwa stmat li se jiswa’ € 80 miljun, u se jkun iffinanzjat mill-Gvern.
Leg 11 PQ #10389 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Auberge de Bavière — xogħol fuq il-faċċata

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10299 u jgħid jekk ħariġx permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħol li qiegħed isir fuq il-faċċata tal-bini etniku Auberge de Bavière? Jekk fl-affermettiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq dan is-sit ħarġu żewġ permessi fi żmien il-MEPA/PA li huma: PA 0500/98: permess li ħareġ fil-15 ta' Settembru 1998 biex isir restawr u rihabilitazzjoni tal-Berġa (inkluż xogħol fuq il-faċċata) PA 3297/04: permess li ħareġ fit-28 ta' Lulju 2006 għal restawr/rihabilitazjoni tal-Berġa (inkluż xogħol fuq il-gallerija) Kif ukoll: DS 15/2006: awtorizazzjoni biex jitneħħa l-periklu u jinbidlu xi partijiet mill-gallarija fuq il-faċċata li tinsab fuq il-bieb prinċipali.
Leg 11 PQ #10415 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Għajnuna lin-nurseries tal-football

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kunsill lokali jistax jagħti għotja fi flus jew fi kwalunkwe forma oħra lil xi nursery tal- football tal-lokal tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhuma l-kriterji ta' din l-għotja u jekk hemmx limitu ta' flus jew ta' żmien? Jekk fin-negattiv, għaliex ma tistax tingħata din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10417 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Passi biex jitħares l-ambjent u l-prodott turistiku

Question

Fid-dawl tar-rapporti li qed jidhru regolarment fil-media bħall-artiklu "Nightly Trail of Disgust" li deher fit-Times tas-26 ta' Lulju, 2009, jista' l-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli kemm għall-ambjent kif ukoll għat-turiżmu jgħid x'passi konkreti u effettivi qegħdin jittieħdu biex kemm il-bajja ta' San Ġorġ, kif ukoll l-inħawi qrib lukandi 5-Star, ma jitħallewx jiġu abbużati minn żgħażagħ kultant taħt l-eta' li ħafna drabi jkunu qegħdin saħansitra jiksru r-regolamenti l-ġodda li jirregolaw l-konsum tax-xorb f'containers tal-ħġieġ? Flimkien mal-ġarr u konsum tal-alkoħol dawn iż-żgħażagħ qed jirrikorru għall-imġieba li permezz tagħhom jkunu qed iniġġsu dawn l-inħawi. Min huwa responsabbli biex jittieħdu l-passi neċessarji? Kemm ittieħdu passi s'issa biex jitħares kemm l-ambjent, kif ukoll biex ma jkomplix jmur il-baħar il-prodott turistiku ta' pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ttieħdu diversi miżuri konkreti sabiex jitħarsu kemm l-ambjent kif ukoll il-bon ordni fl-inħawi ta’ Paceville. Minn barra r-regolarmenti li semma l-Onorevoli Interpellant li jipprojbixxu l-konsum tal-alkoħol f’kontenituri tal-ħġieġ, il-konsum tal-alkoħol fil-pubbliku ħlief fejn permess kif ukoll il-ġarr tal-alkoħol ħlief fi flixkien issiġillati, twaħħlu numru ta’ sinjali bl-iskop li kulħadd ikun infurmat b’dawn ir-regolamenti. Dan ġie kkumplimentat bl-istallazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV ( Closed Circuit Television ) li tassisti l-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijietha fl-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti. F’dak li għandu x’jaqsmu il-Bajja ta’ San Ġorġ, ġie pprojbit il-konsum ta’ l-ikel u x-xorb fuq il-bajja bejn nofs-il lejl u t-tmienja ta’ filgħodu. Il-bajja tkun sorveljata minn żewġ membri tal-Pulizija kif ukoll minn żewġ security guards ingaġġati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Din ta’ l-aħħar ħadet ħsieb ukoll tistalla numru ta’ floodlights li jagħtu fuq il-bajja għal aktar sigurtà.
Leg 11 PQ #10449 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq li ġew resurfaced mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm u liema toroq ġew resurfaced s'issa f'Malta mill-kunsilli lokali matul l-2009 u liema toroq huma ippjanati li jiġu resurfaced sal-aħħar tal-2009 mill-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10486 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Postijiet tal-logħob

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9318 u jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin ( 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008) x'kien in-numru ta' permessi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini jew għal bdil ta' użu għal postijiet tal-logħob (gambling)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità ħarġet tmienja u tletin (38) permessi għall-bini jew għal bdil ta’ użu għal postijiet tal-logħob (gambling) bejn 2004 u l-2008. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tan-numru ta’ permessi maħruġa maqsuma sena b’sena.
Leg 11 PQ #10513 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korporazzjoni Enemalta — Tneħħija ta' wire perikoluż

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10345 u jara li wire perikoluż tal-Korporazzoni Enemalta quddiem residenza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi mibdul?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali Paola ma rċieva l-ebda lment fuq dan il-wire li skont il-Kunsill huwa responsabbiltà ta’ l-Enemalta. Madanakollu, il-Kunsill qed isegwi l-każ ma’ l-Enemalta biex dan il-periklu jitneħħa minnufih.
Leg 11 PQ #10516 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri tal-Armata — differenza fil-paga

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex persuni fl-Armata li għandhom l-istess rank qegħdin jaqbdu bħala paga bażika differenza ta' madwar €35 meta wħud minnhom huma juniors fl-istess rank u dan qed jingħad għar-rank ta' lance bombardier u anke bombardier fejn f'ta' l-aħħar hemm saħansitra differenza fix-xahar ta' €60? Jaħseb li din minbarra li hija anomalija, hija wkoll diskriminazzjoni u qed toħloq disgwid u inġustizzja bejn il-membri fi ħdan l-Armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa minnu li numru sostanzjali ta’ Lance Bombardiers li laħqu f’dan ir-rank sena jew sentejn wara suldati oħra qed jirċievu madwar Ewro 35 fix-xahar iktar minn sħabhom li huma tal-istess rank iżda iktar anzjani minnhom. Din l-anomalija ġiet fis-seħħ minħabba r-reviżjoni tas-salarji fejn dawk li kienu diġà Lance Bombardier tpoġġew fuq is-salarju l-ġdid li kemm jaqbeż is-salarju kurrenti waqt li dawk li ġew promossi qabżu increment jew żewġ increments (sentejn żieda) skont ir-regolament 2.2.2.1 tal-Kodiċi ta’ Tmexxija fis-Servizz Pubbliku u b’hekk ġew b’salarji iżjed minn dawk ta’ qabilhom. Din l-anomalija teżisti wkoll f’ranks ogħla, iżda mhux f’livell daqstant ovvju. Il-kmand tal-AFM flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi qed jindirizzaw bir-reqqa din l-anomalija sabiex l-aħjar soluzzjoni tinstab u tiġi implimentata għall-benefiċċju ta’ dawk milquta malajr kemm jista’ jkun.
Leg 11 PQ #10537 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Enforcement Notices pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm enforcement notices pendenti mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jgħid kemm minnhom jmorru lura għal tliet snin jew aktar? Jista' jindika f'liema akwati qegħdin, raħal b'raħal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10538 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Membri fuq xi bord

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilhom iservu l-membri kollha eżistenti fuq xi bord ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar inkluż d-Development Control Commission?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #10835 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Latrina pubblika fil-Ġnien Santa Margerita Bormla

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ser tinbena l-latrina pubblika li kellha tinbena fl-area ta’ Ġnien Santa Margerita Bormla, mill-Ministeru tat-Turizmu u li l-permessi għaliha ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3558 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Ġieħ il-Lokalità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li kull sena jew meta jkun il-każ jagħtu xi unur bħal Ġieħ il-Lokalità lil xi organizzazzjoni jew individwi? Minn meta kull kunsill beda jagħti dan l-unur, u lil min ngħata kull darba? X'inhuma l-kriterji wżati fl-għoti ta' dan l-unur u jekk bħala parti mir-riforma li qed tiġi diskussa hemmx il-ħsieb li jkun hemm gwida nazzjonali dwar l-għoti ta' dan l-unur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3558, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fir-riforma tal-Gvern Lokali, inħasset il-ħtieġa li jiġu regolati diversi aspetti li sallum qatt ma kien provdut għalihom. Fost dawn hemm il-publikazzjoni ta: dokument dwar Politika għall-Gvern Lokali, Kodiċi dwar l-Aħjar Prattiċi għall-Gvern Lokali, kif ukoll Protokoll Lokali. Fid-dokument ta’ dan ta’ l-aħħar hemm taqsima speċifika li tittratta l-għoti ta’ l-unur ta’ “Ċittadin Onorarju” fejn hemm provduti kriterji ċari li għandhom iservu ta’ gwida lill-Kunsilli Lokali. Dawn il-linji gwida għandhom iservu wkoll għall-unuri l-oħra li l-Kunsill jista’ jagħti.
Leg 11 PQ #5485 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Awtoritajiet u aġenziji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #6420 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — sheffield United - sponsorship

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’evalwazzjoni serja saret mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta dwar il-benefiċċji li gawdiet l-industrija turistika f’pajjiżna mill-isponsorship li ngħata lit-team ta’ Sheffield United? X’kienu dawn il-benefiċċji, jekk kien hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qabel ma kien iffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u t-tim tax-Sheffield Utd., kienet ippreżentata lill-MTA evalwazzjoni minn kumpanija indipendenti, esperti f’dan il-qasam, dwar x’benefiċċji potenzjali jista’ jkun hemm għal dawk l-entitajiet li jisponsorizzaw klabb tal-futbol fiċ-Championship Ingliż. Kien ġie mfassal ukoll rapport dettaljat dwar x’benefiċċji tista’ tieħu Malta, bħala destinazzjoni, minn dan il-ftehim. Il-ftehim bejn l-MTA u x-Sheffield United jikkontempla wkoll li jkunu mfassla żewħ rapporti dettalji tul l-istaġun tal-futbol Ingliż 2008/09, minn kumpanija għal kollox indipendenti u esperta f’dan il-qasam, il-HAVAS Sports Insight, liema rapporti għandhom jelenkaw, abjad fuq iswed, jekk hemm u x’inhuma l-benefiċċji qed tiegħu Malta minn din l-assoċjazzjoni max-Sheffield United. S’issa jidher biċ-ċar illi l-benefiċċji huma bosta u varji, u l-valur ta’ dan il-ftehim, għal dak li huwa reklamar televiżiv biss, jiżboq bil-bosta l-valur tal-i sponsorship. Skond dan ir-rapport li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-valur li qed tieħu l-MTA minn dan l-i sponsorship minn exposure fil-media huwa ta’ kważi 1.5 miljun lira sterlina. Infakkar li l-i sponsorship sewa lil MTA £350,000.
Leg 11 PQ #6421 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — Sheffield United - Sponsorship - turisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li ġew turisti mis-suq Ingliż iżjed mis-soltu grazzi għas-sena sponsorship li ħallset l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta lit-team ta’ Sheffield United?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalma jista’ japprezza sew l-Onorevoli Interpellant, dan bl-ebda mod m’hu ‘exact science’ u huwa kważi mpossibbli illi wieħed jikkalkula numru ta’ turisti mir-Renju Unit li jkunu ġew għal btala f’Malta esklussivament bis-saħħa tal-ftehim li jeżisti bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u x-Sheffield United. Madankollu wieħed jista’ jgħid, iva, illi għal dak li huwa ‘exposure’ u l-valur ta’ reklamar fir-Renju Unit, Malta qed tieħu lura bil-bosta aktar milli qed tħallas għal dan il-ftehim ta’ ‘sponsorship’. Iż-żieda fl-‘exposure’ u fir-reklamar, l-għodda li bihom destinazzjoni tiġbed lejha t-turisti, ċertament ikkontribwixxiet b’mod pożittiv għat-turiżmu mis-suq Ingliż, speċjalment f’dawn iż-żmienijiet diffiċli li ninsabu fihom għal dak li huwa turiżmu Brittaniku.
Leg 11 PQ #6422 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — Sheffield United

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’kienu r-ragunijiet li minn daqstant timijiet fil-gżejjer Brittaniċi gie magħżul dak tax-Sheffield United biex jigi sponsorjat mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Ġie kkunsidrat li kien jagħmel iżjed sens li jekk kellu jiġi sponsorjat xi tim, kellu jiġi sponsorjat tim ieħor minflok dak tax-Sheffield United b’ benefiċċju aħjar għall-industrija turistika lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kienu d-diriġenti tax-Sheffield United stess li għamlu l-ewwel pass f’dan il-kuntest u talbu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Meta l-proposta aħħarija kienet ippreżentata, kien jidher biċ-ċar illi dan kien bażi ta’ ftehim li seta’ joffri numru mdaqqas ta’ benefiċċji għal Malta. Barra minn hekk, it-tim tax-Sheffield Utd., apparti li huwa l-eqdem tim tal-futbol fid-dinja bi storja minsuġa integralment mal-istorja tal-futbol, huwa bbażat fil-belt ta’ Sheffield, ir-raba’ l-akbar belt fir-Renju Unit. Ċertament, wieħed jista’ jħabbat fuq il-bibien ta’ timijiet Ingliżi oħrajn, forsi aktar ikkwotati mix-Sheffield Utd., bit-tir illi wieħed jagħmel ftehim ta’ sponsorship magħhom Il-prezz ta’ assoċjazzjoni simili, iżda, indubbjament ikun projbittiv għal budgets li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
Leg 11 PQ #6423 Sitting 140 2009-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Industrija turistika lokali — kriżi ekonomika u finanzjarja

Question

Fid-dawl tad-diffikultajiet u sfidi serji li qed tiffaċċja l-industrija turistika lokali anki minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kbira li hemm fiz-żewġ swieq ewlenin tagħna – dak Brittaniku u dak Ġermaniż, jista' l-Prim Ministru jgħid xi strategiji ġodda ta’ marketing se jintuzaw suq b’suq biex kemm jista’ jkun inħajru turisti jiġu f’pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-isfond tas-sitwazzjoni kurrenti fl-Industrija Internazzjonali tat-Turiżmu, l-istrateġija turistika ta’ Malta tibqa’ fondamentalment ibbażata fuq l-istess prinċipji bażiċi, jiġifieri: a) li nattiraw numru sostenibbli ta’ turisti li jgħin biex l-industrija topera bi qliegħ; b) li nkomplu l-proċess ta’ diversifikazzjoni ta’ swieq u motivazzjonijiet; c) li nkomplu nifirxu l-istaġjonalita’ tat-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin. Filwaqt li l-istrateġija tibqa’ konsistenti, huma t-tattiċi li jinbidlu b’reazzjoni għas-sitwazzjonijiet kurrenti. F’dawn iż-żminijiet it-tattiċi tagħna fis-swieq diversi jorbtu ħafna maż-żewġ fatturi ta’ aċċessibilità u promozzjoni ffokata u diretta lejn dawk is-setturi ta’ vjaġġaturi barranin li huma meqjusa l-aktar reżistenti għall-kriżi attwali. It-tattika ta’ aċċessibilità tagħna qegħda taħdem b’suċċess, tant li fi żmien meta n-numru ta’ titjiriet fid-dinja dejjem qiegħed jonqos, Malta irnexxielha żżomm in-numru ta’ air seats għas-sajf 2009 meta mqabbel mas-sajf 2008. Ir-reklamar u attivitajiet oħra ta’ marketing li qegħdin jitwetqu huma disinjati b’mod li mhux biss jinforma lit-turist prospettiv dwar l-offerta tagħna, iżda li wkoll iħajjar lil individwu jikkometti ruħu għal-żjara f’pajjiżna billi jipreżentalu offerti u prezzijiet minn kumpaniji lokali intiżi sabiex jenfasizzaw li żjara f’Malta mhux biss esperjenza pjaċevoli iżda wkoll waħda fejn jinkiseb valur tajjeb għall-flus imħallsa. Il-fatti juru li fl-ewwel ħames xhur tas-sena minkejja li n-numru ta’ turisti li żaruna naqas paragunat mal-2008, in-numru baqa’ kważi l-istess ma’ tal-2007, u aktar mis-snin 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006.