Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10204 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Interim From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili — public service contract

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8537 u 8710 fejn staqsejt għaliex il-Gvern ma fetaħx sejħa għal public service contract għat-tħaddim ta' servizz bl-ajru bejn Għawdex u Malta u fejn il-Prim Ministru weġibni li l-qasam tas-servizz tal-arju huwa liberalizzat u l-Gvern lest jikkonsidra kull talba mill-privat sabiex wieħed jipprovdi dan is-servizz sakemm din tkun ġiet proċessata u approvata mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili, jista' jgħid jekk il-Gvern ikunx lest li jagħti sussidju lil min japplika biex iħaddem dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10214 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Silent hours

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ilha li ddaħħlet il-prassi tas-silent hours fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Min hu intitolat għal dawn l-hekk imsejħa silent hours u f'liema jiem tiġi pprattikata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prassi tas-silent hours, jiġifieri li l-case officers ma jirrispondux it-telephone iżda jirċievu messaġġi bl-e-mail, kienet introdotta snin ilu biex tippermetti l-case officers jaħdmu mingħajr interruzzjoni kull nhar ta' Ġimgħa.
Leg 11 PQ #10254 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ammont Enormi ta' Bram

Question

In vista tal-ammont enormi ta' bram li jinsab fil-baħar tagħna, u in vista tal-fatt li kollox jindika li din iż-żieda ta' bram, bl-impatt negattiv li dawn għandhom fuq it-tgawdija tal-ibħra tagħna mill-Maltin u turisti li jżuruna fl-ibħra tagħna ġejja mill-isterminju li sar tort l-attività tagħna lkoll ta' dawk l-ispeċi u ħlejqiet li skont il-bilanċ tal-ekosistema jagħmlu mezz li jżommu l-ammont tal-bram f'livelli nomrali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk: a) għandux pariri tekniċi li jindikaw x'wassal għaż-żieda tal-bram fl-ibħra tagħna? b) għandux pariri tekniċi dwar x'jista' jsir biex jerġa' jinħoloq bilanċ fl-ekosistema? ċ) x'qed jagħmel effettivament il-Gvern dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm ħafna spekulazzjoni għaliex qed jiżdiedu l-bram, imma huwa diffiċli li wieħed ikun jaf biż-żgur għaliex hawn żieda fil-bram kemm fl-ibħra tagħna, kif ukoll fil-baħar Mediterran (peress li dan huwa fenomenu li ma jinħassx f’Malta biss). Jista’ jkun li din iż-żieda hija minħabba sajd żejjed (overfishing) ta’ l-annimali oħra li jieklu l-bram u l-larvi mikroskopiċi tagħhom, bħal ngħidu aħna, tonn u ħut ieħor. It-tnaqqis fin-numru ta’ xi fkieren jingħad li hija raġuni oħra, kif ukoll it-tniġġiż (li xi bram jidhru li jifilħu aktar għalih). Minbarra dan, żieda fit-temperaturi tal-baħar u t-tibdil fil-klima jistgħu jkun li għandhom xi impatt ukoll, kif ukoll iċ-ċikli naturali fin-numri tal-popolazzjonijiet tal-bram. Għaldaqstant, biex wieħed ikun jaf eżatt x'wassal għaż-żieda tal-bram fl-ibħra tagħna hemm bżonn ta' informazzjoni dwar ħafna elementi fl-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll dwar kif qed jintuża l-baħar, u kif l-ibħra qed jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima – mhux biss fl-ibħra Maltin iżda fil-Mediterran kollu. Minbarra minn hekk, wieħed għandu jħaddan il-prinċipji ta’ ecosystem management f’diversi aspetti, bħall-immaniġjar ta’ speċi u ambjenti naturali mhedda, fis-sajd, u fuq it-tniġġiż. Malta qed tieħu miżuri fir-rigward ta' ħarsien tal-ambjent kif ukoll l-użu sostenibbli tal-ibħra li kollha għandhom l-iskop li jwasslu aktar fil-qrib biex il-bilanċ fl-ekosistema ma jibqax jintilef. Il-Gvern diġà qiegħed jaħdem fuq diversi setturi, bħall-immaniġġjar ta’ speċi mhedda u ta’ siti ta’ importanza skond id-Direttiva dwar l-Ambjenti Naturali tal-Unjoni Ewropea (il- Habitats Directive ) u l-liġi nazzjonali, u qed jiġu mfassla Strateġija Nazzjonali dwar il-Biodiversità u Strateġija Nazzjonali dwar l-Inħawi Mħarsa fil-Baħar. Minbarra minn hekk, il-Gvern huwa marbut li joħloq programm ta' monitoraġġ tal-ibħra Maltin sabiex tintlaħaq il-mira ta' status ambjentali tajjeb skond id-Direttiva dwar Strategija tal-Ibħra tal-Unjoni Ewropea (il- Marine Strategy Framework Directive ) sas-sena 2014. Minbarra minn hekk, l-involviment kontinwu ta' Malta fix-xogħol dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran (MAP) jista' wkoll iwassal biex Malta jkollha f'idejha aktar informazzjoni biex ikun jista' jwassal għal miżuri neċessarji fuq skala reġjonali.
Leg 11 PQ #10317 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Public Service Commission — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ kellu quddiemu l-Public Service Commission fl-2006, 2007, 2008 u 2009? Kemm-il darba iltaqa' l-Public Service Commission matul is-sena 2009? Meta kien l-aħħar meeting tiegħu? Kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Public Service Commission?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi sakemm skada t-terminu taż-żmien tagħha f’Ġunju 2009, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku din is-sena iltaqgħet 23 darba. L-aħħar laqgħa tal-Kummissjoni saret fl-11 ta’ Ġunju 2009. Qed nassumi illi b’każijiet pendenti, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet tad-dixxiplina pendenti. Sakemm spiċċa t-terminu tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien hemm dsatax-il każ tad-dixxiplina pendenti quddiemha. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10368 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tniġġiż tal-ilma

Question

B'referenza għad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġiż ikkawżat minn nitrati ġejjin minn sorsi tal-agrikoltura (19/676/EEC), jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar liema huma dawk l-inħawi vulnerabbli fil-gżejjer Maltin li minnhom inixxu n-nitrati mill-iskart tal-annimali (bħall-baqar u l-ħnieżer) li jistgħu jikkontaminaw l-ilma tal-pjan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10371 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Ħruġ ta' permessi wara li tinbena l-proprjetà

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi barra l-linja ta' żvilupp kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ħarġu permessi mill-istess awtorita' ta' proprjetà li wara li nbniet ħarġulha l-permessi neċessarji? Kemm ħarġu minn dawn il-permessi wara li sar ix-xogħol, lokal b'lokal? Kemm huwa l-valur tas-suq tal-bini li ingħataw dawn il-permessi wara li ġew mibnija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Ottubru 1992 sa Lulju 2009, li jfisser sbatax-il sena (17), l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet sebgħa t’elef ħames mija u sitta u sebgħin (7576) permess barra l-linja ta' żvilupp fl-ewwel deċiżjoni u elf ħames mija u tnejn u tletin (1532) fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni li jinkludu permessi għal satellite dishes, permessi għall-ġiebja, ħitan tas-sejjieħ etċ. Fl-istess perjodu, kien hemm sitt elef mija u sebgħa u ħamsin (6157) applikazzjoni approvata fl-ewwel deċiżjoni u elf erba' mija u sitta u ħamsin (1456) applikazzjoni approvata fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni fejn il-proposta kienet tipproponi kliem bħal "sanction", "regularise", "sanzjona" u/jew "jirregola".
Leg 11 PQ #10675 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel m'għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10822 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Interim From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu — benefiċjarji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienu l-iskemi t’għajnuna tal-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-2004 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benefiċjarji (lukandi, vilel, eċċ) ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intnefqu flus kull sena fl-istess perijodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu fondi Ewropej?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23 Sitting 141 2009-09-28 Written · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' Smart City — trab

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jsib xi tip ta' rimedju għat-trab li qed jintefa' fit-Triq il-Kanpanella Fgura, minħabba l-proġett Smart City peress li dan it-trab qiegħed jkun ta' problema għal dawk li jbatu bl-ażma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur li qed jaħdem fuq il-proġett tal-mina ġdida li tagħti lejn id-direzzjoni tal-Kalkara qed juża’ temporanjament art viċin l-entratura tal-mina sabiex ikun immaniġġjat terrapien inert (stock piling) li qed ikun skavat mill-istess mina. Dan il-materjal qed jinżamm fil-post sakemm jinġarr għall-sit liċenzjat għar-rimi ta' skart jew riċiklar. Għaldaqstant kien inħareġ Avviż biex Tieqaf u tat-Twettiq kontra sid l-art biex l-użu jitwaqqaf jekk ma jittieħdux il-miżuri ta' kontrol neċessarji mill-kuntrattur f'ċirkostanzi simili ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent. Wieħed jifhem illi waqt ġranet ta' riħ xi trab li qed ikun iġġenerat mill-munzelli maħżuna jtir fl-arja u joħloq inkonvenjent lir-residenti. Għaldaqstant l-ilment sejjer jingħadda lis-Sezzjoni inkarigata mill-imaniġġjar ta' siti ta' kostuzzjoni (CSM) u Littering sabiex jittieħdu azzjonijiet skond l-Avviżi Legali 295/07 u 344/05 rispettivament.
Leg 11 PQ #27 Sitting 141 2009-09-28 Written · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema ta' sussidju fuq irranġar ta' gallariji

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk l-iskema tas-sussidju fuq irranġar ta' gallariji spiċċatx jew le? Jekk iva, huwa veru dak li qalu fl-aħħar elezzjoni li min kellu applikazzjoni għal sussidju fuq irranġar ta' gallariji xorta ser jieħu dan is-sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema tas-sussidju fuq irranġar ta' gallariji għalqet fil-15 ta' Jannar 2008. Ix-xogħlijiet kellhom jitlestew sa mhux aktar tard minn sena minn meta tkun ħarġet il-LETTER OF INTENT u din kienet ħarġet fil-25 ta' Frar 2008. Dan huwa skond il-kundizzjoni nru 5 li tinsab fl-istess ktejjeb/applikazzjoni. Dawk kollha li rċevew il-Letter of Intent u onoraw il-kundizzjonijiet miktuba fl-applikazzjoni se jieħdu dan is-sussidju.
Leg 11 PQ #10191 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Għawdex - impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9439 u jgħid kemm hemm impjegati f’Għawdex mad-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista’ jagħti l-istess tagħrif għall-aħħar ta’ Diċembru 2007? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba skond il-grad u l-iskala tal-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 9439.
Leg 11 PQ #10201 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xewkija — Triq il-Madonna tar-Rummiena - applikazzjoni għall-bini ta' micro-enterprise park

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru tal-applikazzjonijiet li saru lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta' micro-enterprise park fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9764.
Leg 11 PQ #10202 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti li se jitwettqu f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9526 u 9044 u jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarjat tat-Turiżmu nieda skema ta’ ko-finanzjament għall-benefiċċju ta’ operaturi li jaħdmu fit-turiżmu. L-iskema li hija ko-finanzjata mill-UE għall-proġetti sostenibbli fit-turiżmu tgħin biex is-settur privat jinvesti. Il-proġetti li ser isiru f’Għawdex permezz ta’ din l-iskema għalhekk jiddependu ħafna mill-proposti li jiġu mressqa mis-settur privat għal konsiderazzjoni. Bħalissa qed issir l-evalwazzjoni tal-proġetti li ġew sottomessi taħt l-ewwel sejħa ta’ din l-iskema. Ġiet imnedija skema oħra li tipprovdi għal sussidju fuq l-imgħax. L-iskema li hija finanzjata mill-fondi nazzjonali u li tipprovdi sussidju fuq l-imgħax ta’ self provdut mill-banek għal estensjoni jew refurbishment ta’ stabbilimenti ta’ l-akkomodazzjoni u ristoranti wkoll tista’ tgħin lis-settur turistiku Għawdxi. L-MTA ħarġet tender biex tiġi identifikata kumpanija li tipprovdi taħriġ għall-nies li qed jaħdmu u qed ifittxu jaħdmu f’karigi maniġerjali fil-qasam turistiku. Il-program ‘ FSE 2.11 – Developing Leaders for Change and Innovation in Tourism ’, li 85% tal-valur globali tiegħu ta’ €4 miljun hu finanzjat mill-Unjoni Ewropea ser jiġi mmaniġġjat mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. 10% tal-proġett irid jiġi mplimentat Għawdex. Il-proġett mistenni jibda fl-aħħar ta’ l-2009 u jispiċċa fl-aħħar ta’ l-2012. F’April 2008 ġiet aċċettata s-sosttomissjoni għall-proġett FSE 2.11 – ‘Developing Leaders for Change and Innovation in Tourism’ . Dan il-programm hu maħsub sabiex iħarreġ u jiċċertifika individwi li jaħdmu jew li qed ifittxu impjieg f’karigi għolja, medji jew ta’ superviżjoni f’setturi li jikkontribwixxu fil-qasam turistiku. Il-programmi għandhom ikunu prattiċi, iffukati fuq riżultati u kif ukoll jinkludu fihom sessjonijiet ta’ ‘mentoring’ u żjarat internazzjonali biex isaħħu l-iżvilupp personali u professjonali. Żewġ studji li janalizzaw il-livell ta’ xogħol u ħtieġa ta’ taħriġ huma wkoll inklużi fil-proġett. Aktar minn €4 miljuni ġew allokati biex iħarrġu u jiċċertifikaw aktar minn 1200 maniġer u supervajżer fl-industrija. It-taħriġ ser ikun qed isir kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. B’hekk dan il-proġett qed jaspira li jtejjeb iż-żjara tat-turist billi jgħolli l-kwalità tas-servizzi, iżid il-profittabilità u l-kompetittività, u jintegra l-innovazzjoni fl-industrija turistika. Il-proġett mistenni jibda fl-aħħar ta’ l-2009 u jispiċċa fl-aħħar ta’ l-2012. 10% tat-taħriġ ser isir f’Għawdex. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m’għandha l-ebda proġett ippjanat li jsir minn din is-sena sal-2013, ħlief xi ko-finanzjament ta’ xi proġett li jaqa’ taħt l- Urban Improvement Fund (UIF) kif ukoll xi proġett li jaqa’ taħt l-iskema ta’ l-EIPP u li jistgħu jitressqu minn Kunsilli Lokali għall-approvazzjoni mill-MEPA.
Leg 11 PQ #10208 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — skeda

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-inħawi li bħalissa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tikkunsidra li tiskeda, madwar Malta u Ghawdex? F'liema stadju wasal il-proċess ta' l-iskedar ta' kull wieħed minn dawn is-siti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10209 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stabilimenti turitiċi — skemi ta' għajnuna

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm stabbilimenti turistiċi li setgħu japplikaw għal xi waħda mill-iskemi ta' għajnuna li ħabbar il-Gvern dan l-aħħar u li fil-fatt applikaw għal dawn l-iskemi? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, u f'liema lokalitajiet jinsabu dawk li kellhom l-applikazzjoni milqugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Iskema għall-proġetti turistiċi minn entrapriżi, iffinanzjata mill-UE, ma tillimitax l-ammont ta’ entitajiet li setgħu japplikaw għall-fondi taġt din l-iskema maħsuba għall-ħolqien ta’ proġetti relatati mat-turiżmu. Il-proġetti ppreżentati kellhom jaqgħu taħt mill-anqas waħda minn ħames oqsma ta’ interventi li kienu: · Titjib tal-Prodott u investiment f’apparat ġdid · Investiment f’miżuri favur l-ambjent · Investiment fit-teknoloġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni · Investiment fil-ħolqien ta’ servizzi jew prodotti ġodda · Investiment fil- Marketing L-ewwel sejħa nfetħet fi Frar 2009 u għalqet fit-30 ta’ Marzu 2009. Daħlu total ta’ wieħed u disgħin (91) applikazzjoni li jinsabu għaddejjin minn proċess ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi konkluż sa Settembru li ġej. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalitajiet ta’ dawk li kellhom l-applikazzjoni milqugħa. L-iskema tas-Sussidji fuq self mill-bank hija applikabbli għall-entitajiet ta’ akkomodazzjoni jew ristoranti. L-entitajiet ta’ akkomodazzjoni eliġibbli huma: · Hotels · Apart Hotels · Tourist Villages · Guesthouses · Hostels Is-sejħa għall-applikazzjonijiet infetħet f’April 2009 u ħa tibqa’miftuħa sa ma jiġu allokati l-flus kollha. It-TSDU irċeviet applikazzjoni waħda. Din l-applikazzjoni waslet fl-aħħar stadju ta’ evalwazzjoni. Ħa jiġi organizzat Seminar fejn ħa jingħata iktar informazzjoni fuq din l-iskema nhar il-Ħamis 16 ta’ Lulju. Seminar simili ħa jiġi organizzat ukoll Għawdex.
Leg 11 PQ #10236 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Presidenza Svediza tal-Unjoni Ewropea — reazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jistenna mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea? X'inhuma ir-reazzjonijiet tal-Prim Ministru dwar il-Presidenza uxxenti, jiġifieri dik Ċeka?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10295 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — Gozo Troop - full complement

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu stabbilit li jkun il-full complement ta' personnel fil-Gozo Troop tal-Forzi Armati ta' Malta? Kemm hu n-numru fil-preżent? Kemm hu n-numru ta' suldati li spiċċaw mis-servizz mis-sena 1999 'l hawn? X'inhu n-numru ta' dawk li mistennija li jirtiraw wara li jilħqu l-età tal-pensjoni fis-sentejn li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10295 ninsab infurmat li l-full complement ta’ personnel fil-Gozo Troop tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa ta’ 45 filwaqt li n-numru ta’ suldati fil-preżent huwa ta’ 32. In-numru ta’ suldati li spiċċaw mill-Forzi Armati mis-sena 1999 ’l hawn huwa ta’ 734. In-numru ta’ suldati li ser jagħlqu l-55 sena (l-età tal–irtirar fil-FAM) sa l-aħħar tal-2009 huwa 11. In-numru ta’ suldati li ser jagħlqu 55 fl-2010 huwa 23 u dawk li jagħlqu 55 sena fl-2011 huma 39.
Leg 11 PQ #10297 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu — uffiċċju

Question

Filwaqt li wieħed jaqbel li l-uffiċċju preżenti, jiġifieri dak tat-Tiġrija Palazz, xorta waħda għandu jinżamm miftuħ sabiex jipprovdi s-servizzi l-oħra kollha provduti mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta , jista' l-Prim Ministru jikkonsidra jekk hux possibli li jinfetaħ tourist information office f'xi post ċentrali fir-Rabat, Għawdex preferibbilment fl-inħawi ta' Triq ir-Repubblika jew Pjazza Indipendenza? U dan biex jaqdi bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tat-turisti li jżuru Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tat-Turiżmu diġà identifikat sit idoneju għal dan l-iskop fil-pjazza magħrufa bħala t-Tokk ġewwa r-Rabat Għawdex, u qegħda f’diskussjonijiet mas-sidien tal-post biex jiġi konkluż il-ftehim.
Leg 11 PQ #10304 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10047 u jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Prim Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpannija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm numru ta’ dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qegħdin jutilizzaw apparat ta’ enerġija alternattiva f’forma ta’ pannelli fotovoltajċi mwaħħla fuq binjiet ta’ l-UPM. Fl-2006, il-kumpanija Solar Solutions Ltd, The Ivy, Triq is-Seqer, Kappara rebħet kuntratt għall-provvista u istallazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi għall-Gvern, wara sejħa għal offerti maħruga mid-Dipartiment tal-Kuntratti. L-UPM uża parti mill-fondi allokati lilu għal inizjattivi favur l-ambjent fl-2006 u l-2007 biex inxtraw tlett sistemi li twaħħlu fuq binjiet okkupati mill-Forzi Armati f’Luqa Barracks (sistema ta’ 2.1kWp u oħra ta’ 1.2kWp) u unit ieħor ta’ 1.2kWp fl-Istamperija tal-Gvern. Dettalji dwar dawn is-sistemi jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-Auberge d’Italie, li sservi bħala uffiċċju għas-Segretarjat Parlamentari tat-Turiżmu u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, fl-2007 kienet ġiet stallata sistema fotovoltajika ta’ 3.2kWp. Din is-sistema wkoll ġiet mixtrija mingħand il-kumpanija Solar Solutions Ltd bl-istess tender imsemmija aktar ‘il fuq. Is-sistema installata, li tikkonsisti f’16-il panell fotovoltajiku, ġiet tiswa Lm8,000 jew €18,635. Fl-istess sena, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ukoll kienet investit f’dan it-tip ta’ enerġija. Il-MEPA għandha 4% mill-5,500 metru kwadru ta' spazju fuq il-bejt tal-binja tagħha qed jintuża għal pannelli fotovoltajċi b’total ta’ 7.5kWp. L-informazzjoni b'referenza għall-mistoqsijiet 3, 4 u 5 tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Wieħed irid japprezza li l-għażla tal-bini fejn għandu jitwaħħal apparat ta’ dan it-tip għandha tkun ibbażata fuq fatturi tekniċi, strutturali u ambjentali. Qabel ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-binjiet indikati aktar ‘il fuq, sar studju tal-bini kollu okkupat mid-dipartimenti li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fl-2006, inkluża l-Berġa ta’ Kastilja, bil-għan li s-sistemi jitwaħħlu f’postijiet fejn ikunu l-aktar effettivi u li jħallu l-inqas impatt possibbli kemm mill-lat ta’ estetika kif ukoll ambjentali. L-UPM, fuq bażi regolari, janalizza sew l-inizjattivi li jkun qed iwettaq favur l-ambjent bil-għan li jkompli jtejjeb fuqhom u biex jieħu miżuri addizzjonali fil-limitu tal-fondi li jkun jista’ jalloka għal inizjattivi ambjentali minn żmien għall-ieħor. Fil-preżent, qed jitħejjew pjanijiet, flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, biex iċ-Ċentru għat-Taħriġ u Riċerka fil-Politika Amministrattiva (CPRT) jimplimenta numru ta’ PV installations fil-kumpless il-ġdid li ser ikollu fil-Furjana.