Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fiċ-ċivil fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2009? F'liema setturi u dipartimenti kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 1458 promozzjoni ta’ Uffiċjali Pubbliċi minn grad / pożizzjoni għal grad / pożizzjoni ogħla fis-Servizz Pubbliku fi ħdan is-Setturi u Ministeri / Dipartimenti kif elenkati fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-promozzjonijiet saru b’riżultat ta’ sejħiet t’applikazzjonijiet minn ġewwa s-Servizz (u f’ċerti każijiet minn barra) jew wara perijodu ta’ servizz sodisfaċenti skond id-diversi ftehim li jirregolaw kull klassi tas-Servizz kif miftiehma bejn il-Gvern u l-
Unions
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies mal-Gvern fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2009? F'liema dipartimenti daħlu u b'liema skali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju, 2009 ġew impjegati 613 persuna mas-Servizz Pubbliku. Dettalji tal-Ministeri u d-dipartimenti li ġew impjegati fihom, u l-iskali tas-salarji tagħhom jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid ukoll illi matul l-istess perijodu, 735 persuna temmew l-impjieg tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx l-evalwazzjoni tal-proċeduri u tal-proċessi kollha relatati mas-servizzi mogħtija mill-Kunsilli Lokali fir-rigward tal-ġbir tal-iskart domestiku minn kull belt u raħal? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-punti ewlenin ta' din l-evalwazzjoni u jekk se jigu attwati xi proċeduri ġodda eċċ., x'inhuma u minn meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħala parti mill-politika nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-iskart, li tinkludi titjib fl-istandards tas-servizz mogħti kif ukoll kuntratti separati għal ġbir ta’ skart domestiku u għal dak ta’ skart separat, ġie konkluż u daħal fis-seħħ Dokument ta’ l-Offerti estensiv għal ġbir ta’ skart domestiku mħallat.
Dan id-dokument ġie mfassal wara li saret konsultazzjoni mal-entitajiet kollha involuti inklużi l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, id-Dipartiment tal-Kuntratti, il-Wasteserv Malta Ltd, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u l-General Retailers and Traders’ Union.
Il-kuntratti l-ġodda għandhom jaħsbu kemm biex jiġu assigurati
standards
fl-għoti tas-servizz kif ukoll sabiex dawn il-kuntratti jkunu konformi mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar servizzi. Bdew jidħlu fis-seħħ ukoll, skemi approvati li jagħtu s-servizz għall ġbir ta’ skart separat.
Kull Kunsill qed jiġi mħeġġeġ biex jieħu miżuri mar-residenti tal-lokalità tiegħu sabiex tiżdied is-separazzjoni ta’ skart u b’hekk jitnaqqas l-iskart organiku.
Bord tal-validità tal-ħruġ ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm, matul l-aħħar tnax-il xahar, appelli quddiem il-bord li jikkunsidra l-validità tal-ħruġ ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku? Kemm minn dawn l-appelli ġew milqugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar tnax il-xahar (i.e. Settembru 2008 sa Settembru 2009) saru 19,590 petizzjonijiet quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.
Min dawn s’issa ġew deċiżi 13,887 kif ġej:
8,393 ġew aċċettati;
396 ġew aċċettati partzjalment;
4,796 ġew irrifjutati;
302 ġew kanċellati.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — nefqa globali ta' safar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8163, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm, b'mod kumpless, il-Gvern ħallas flus f'sussidji lill-kumpaniji kollha li jħaddmu titjiriet minn u lejn Malta fuq bażi low cost?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din l-iskema tkun miftuħa għal-linji tal-ajru kollha, u tiġi mogħtija lill-offerta l-aktar attrajenti in termini ta’ frekwenza ta’ servizz u assistenza mitluba. Ladarba l-ammont ta’ assistenza jkun stabbilit, u dan ivarja minn rotta għal oħra, l-ammont dovut jiġi kalkulat fuq kull passiġġier li jinġarr fuq ir-rotta. M’huwiex possibbli li jingħataw id-dettalji mitluba għaliex huma suġġetti għall-kuntratti li jgawdu minn kunfidenzjalità ta’ natura kummerċjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn CCTV Cameras istallati mill-kunsilli lokali sabiex jikkontrollaw it-traffiku u l-ħarsien tar-regolamenti tal-istess traffiku? F'liema lokalità (bl-isem tat-triq) qegħdin? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' permess, u minn liema awtorità hu meħtieġ, biex tiġi mwaħħla camera ta' dan it-tip?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — postijiet tal-logħob
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin ( 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008) x'kien in-numru ta' permessi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini jew għal bdil ta' użu għal postijiet tal-logħob (gambling)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10486.
diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali — passi biex kriżi tolqotna fl-inqas livell
Question
Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali li laqtu lid-dinja kollha, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif fil-qosor tal-passi li ħa l-Gvern biex fil-fatt jiġi assigurat li din il-kriżi tolqotna fl-inqas livell possibli u dan fid-dawl tal-fatt li aħna niddipendu ħafna minn dak li jiġri fil-pajjiżi ta' madwarna u wkoll tal-pajjiżi mhux daqstant qrib tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ekonomija Maltija hija fost l-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja. Għaldaqstant ma jistax jonqos illi tintlaqat minn dak li huwa għaddej fl-ekonomija dinjija. Fit-tfassil tal-aħħar baġit, il-Gvern ta każ ta’ dak li kien qiegħed jiġi previst dak iż-żmien u għaldaqstant fassal baġit li jagħti emfasi partikulari fuq l-investiment fl-ekonomija u għas-sostenn għall-intrapriżi li joperaw hawnhekk. Id-dettalji dwar l-istrateġija tal-Gvern u l-miżuri li ttieħdu dakinhar jinsabu fid-diskors tal-baġit.
Imma minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Gvern ħa passi oħra. L-ewwel, beda programm ta’ għajnuna lill-diversi intrapriżi fil-qasam tal-manifattura li huwa mmirat għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull intrapriża li ssib ruħha f’xi diffikultajiet. Dan il-programm qiegħed jitwettaq u nistgħu ngħidu li permezz tiegħu qegħdin mhux biss jiġu salvati l-impjiegi imma qegħdin ukoll jinħolqu mpjiegi ġodda filwaqt li qiegħed jiġi attirat investiment ġdid ukoll. It-tieni, żidna l-għajnuna lill-qasam turistiku permezz ta’ allokazzjoni akbar għall-promozzjoni turistika. Ħloqna wkoll fond speċjali sabiex nattiraw aktar konferenzi lejn Malta. Se tingħata wkoll għajnuna lil min irid jinvesti fil-faċilitajiet turistiċi tagħna.
Il-Gvern qiegħed isegwi dak li għaddej fl-ekonomija internazzjonali u dik lokali ġurnata b’ġurnata u qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn b’mod proattiv.
Entitatjiet Għawdxin li talbu għajununa lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux talbiet għall-għajnuna sponsorshipminn entitajiet Għawdxin lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Min huma dawn l-entitajiet li talbu din ix-xorta ta' għajnuna [sponsorship]? Kemm se jieħdu għajnuna kull entita' mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn sabiex jibbenefikaw minn din l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tindika l-perjodu taż-żmien li għalih qed tintalab l-informazzjoni.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Persuna li mhix perit
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk matul dawn l-aħħar xhur fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienx hemm rapport dwar persuna jew persuni partikolari, li mhumiex periti, u li regolarment kienu qed jidhru f'isem applikanti biex isegwu l-ħruġ ta' compliance certificates f'inħawi differenti f'Malta u partikolarment f'areas outside development zone? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fil-każijiet li għalihom dehret din il-persuna kienx hemm xi rregolaritajiet fl-applikazzjoni għal compliance certificate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10383.
Salina, San Pawl il-Bahar u l-Għadira — Caravan site
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fis-Salina, San Pawl il-Bahar u l-Għadira hux se jsir caravan site? X'kundizzjonijiet se jkun hemm għal dawk li jridu jagħmlu użu minn din iż-żona? Jista' jgħid jekk dawk li kellhom caravan li kien poġġut is-Salina humiex ser jingħataw preferenza biex jagħmlu użu minn din is-site? Kemm ġejja tiswa l-kera biex jagħmlu użu minn dan il-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali tal-Majjistral (North West Local Plan) ma jidentifikax siti partikulari għal caravans fil-lokalitajiet imsemmijja. Il-Pjan jagħti linji gwida ġenerali fil-policy NWRE2 lil dawk l-applikanti li jkunu jridu jiżviluppaw sit għal caravans fiż-żona tal-Pjan. Bħalissa, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema erba' (4) applikazzjonijiet għal caravan sites. Tnejn (2) fil-Mellieħa, waħda (1) fin-Naxxar u waħda (1) Marsascala. Peress li dawn l-applikazzjonijiet għadhom pendenti, għad ma nistgħux ngħidu x'kundizzjonijiet se jkollhom imposti, dejjem jekk jiġu approvati.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta' l-informatika ta' l-istess Awtorità minn applikazzjonijiet pendenti li fil-proposta hemm il-kelma
caravan.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn hawn permess li jsir camping f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid jekk dan il-permess huwiex għall-kampijiet tal-canvas jew għall-caravans ukoll? Hemm xi ħlasijiet relatati ma' dan il-permess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pjanijiet Lokali, jiġifieri CMLP, NHLP, SMLP, MBLP m'hemm l-ebda "designated site" għall-camping. L-unika "search area for camping in Comino" tinsab fil-Mappa 14.2-A1 u tagħmel parti mill-GCLP.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9434, fejn ġie kwotat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat tliet (3) permessi għal
camping/caravan sites
. Minn analiżi tal-proposti, jidher li dawn it-tliet permessi inħarġu bħala
camping sites.
(Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn fil-proposta ta' l-iżvilupp hemm il-kliem
camping
jew
caravan.)
B'referenza għal aħħar mistoqsija, nixtieq li l-Onorevoli jiċċara l-mistoqsija.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Ħaddiema li jiddeċiedu dwar ħruġ ta' permessi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li jagħmlu parti mill-pool ta' ħaddiema li jiddeċiedu jekk il-permessi joħorġux jew le fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jaħdmux part-time jew full time ma' xi kumpanija privata? Jekk iva, kemm hemm ħaddiema li jaħdmu ma' xi kumpanija privatament wara l-ħin tax-xogħol tagħhom f''din l-Awtorità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament il-Bord tal-MEPA u l-Kummissjonijiet tal-Kontroll ta’ l-Iżvilupp huma kollha magħmula minn ħatriet part-time ħlief għaċ-Chairman Eżekuttiv tal-MEPA, is-Sur Austin Walker.
Bħal ma memmen li jaf l-Onorevoli Interpellant fit-tħabbir tal-proposti li saru għar-riforma tal-MEPA jiena ħabbart numru ta’ proposti sabiex din il-prattika tinbidel.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — żbalji fil-local plans
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabitx żbalji oħra fil-local plans li ġew approvati fl-2006, bħal dak li nstab fil-local plans ta' Ħal-Balzan? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-iżbalji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2007 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ippublikat dokument - Local Plans Interpretation Document - u li għadu jinstab fuq is-sit eletroniku tagħha. Dan jindika numru ta' anomaliji u kif wieħed jindirizzhom. Jinkludi wkoll e-mail address ta' fejn wieħed jikkomunika anomalija meta jiltaqa' magħha.
Anomaliji oħra x'akarx li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt applikazzjonijiet għall-żvilupp u ħafna drabi dawn jiġu wkoll indirizzati.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu konoxxenza ta' xi żbalji, napprezza ħafna jekk dawn jiġu ndikati malajr kemm jista jkun lil MEPA.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — skedar ta' propjetà,
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta beda l-iskedar ta' proprjetà, siti eċċ. pubbliċi u privati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Minn dakinhar 'l hawn, liema hi dik il-prorpjetà, sit eċċ li ġie skedat sena b'sena, lokalità, lokalità? F'liema grad kull proprjetà jew sit ġie skedat? Xi jfisser kull grad ta' skedar?
Hemm ħsieb li jkunu skedati proprjetajiet jew siti oħra din is-sena jew fis-snin li ġejjin? Liema huma dawn il-proprjetajiet, siti, eċċ? F'liema lokalitajiet qegħdin? Meta hemm il-ħsieb li jkunu skedati? X'moniteraġġ tagħmel l-Awtorità biex tassigura li r-rekwiżiti fl-iskedar ta' tali proprjetajiet jew siti, eċċ. ikunu mħarsa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2377 fejn kienu ngħataw dettalji tal-proprjetajiet u siti kollha skedati sa dakinhar skond is-sena u l-Gradi, Livelli u Klassijiet differenti. Infakkar ukoll li dakinhar il-MEPA kienet qalet li din l-informazzjoni hi kollha aċċessibli minn fuq is-sit elettroniku tagħha www.mepa.org.mt. Din il-lista għadha hemm u tinkludi wkoll is-siti u proprjetajiet li ġew skedati minn dakinhar sal-llum. Hemm ukoll spjegazzjoni tal-gradi, livelli u l-klassijiet ta' l-iskedar kif definiti fil-Pjan ta' Struttura. Matul is-snin saru diversi eżerċizzi ta' moniteraġġ tal-proprjetà skedata (inkluż wieħed attwali) li għadu qed isir u fil-futur dan il-moniteraġġ għandu jitkompla. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji.
Matul is-snin 2003 u 2004 sar eżerċizzju ta' reviżjoni u korrezzjonijiet ta' l-iskedar preċendenti u għalhekk ma sarx skedar ġdid.
Għal din is-sena hemm diversi tipi ta' binjiet ta' valur storiku, arkitettoniku, kulturali jew kuntestwali madwar Malta u Għawdex proposti għall-iskedar kif ukoll numru ta' siti ta' valur arkeoloġiku u ekoloġiku. Il-lista ta' proprjetajiet proposti għall-iskedar bħalissa tinkudi kwazi 1,000 sit/proprjetà jew
feature.
L-Awtorità qegħda fil-proċess li tiskeda l-propretajiet li ġejjin tul din is-sena, fost oħrajn 85 knejjes (Parroċċi), 52 Arkeoloġija (
Antiquities (Protection) List
), 26 Bini (
Antiquities (Protection) List
) u 59 Proprjetajiet oħra.
Barra skedar ta' bini u siti ta' wirt kulturali sar ukoll skedar ta' siti estensivi ta' wirt ekoloġiku u xjentifiku, bħal per eżempju l-Irdumijiet ta' Malta (1996), u għadd ta' widien u pajsaġġi li jkopru numru ta' kilometri kwadri.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7624 u 9888 li oriġinarjament saru lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u lill-Ministru għall-Politika Soċjali rispettivament u issa ġew riferuti lilu u ċioe jispjega x'inhi l-iskema konnessa mal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha jingħataw ross u għaġin lill-familji fil-bżonn? Min jirregola t-tqassim ta' dan l-ikel? Kif jigi aċċertat li kollox jimxi skond is-sewwa?
Kemm tqassmu ross u għaġin jew ikel ieħor taħt din l-iskema, sena b'sena minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea? F'liema rħula tqassmu? Kemm gawdew familji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Unjoni Ewropea toffri prodotti mill-Ħażniet ta’ Intervent lill-Pajjiżi Membri sabiex dawn jitqassmu lil dawk in-nies l-aktar fil-bżonn fil-Komunità. Kull sena l-Kummissjoni tqassam is-sorsi għad-dispożizzjoni tagħha bejn l-iStati Membri li jkunu esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw f’dan il-Programm. Il-prodotti offruti huma dawk maħżuna fl-Aġenziji ta’ Intervent, jew fil-każ li jkun hemm skarsezza tagħhom, il-Kummissjoni tipprovdi fondi (fresh money) sabiex jinxtraw mis-suq komunitarju.
Sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, l-benefiċċjarji jridu jaqgħu taħt waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji:
· Persuni li m’għandhomx il-possibiltà li jmantnu lilhom infushom u/jew jaqgħu taħt il-livell ta’ għixien bażiku;
· Persuni li joqgħodu f’istituzzjonijiet mhux governattivi bla ħlas bħal orfanotrofji,
shelters
, etc
· Persuni li jirċievu assistenza mhux kontributorja tas-sigurtà soċjali li jinkludu, assistenza għall-qagħad, diżabilità u benefiċċji mediċi.
Dawn il-persuni għandhom jippreżentaw ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment responsabbli mis-Servizzi Soċjali lill-Kappillan jew lill-Organizzazzjoni responsabbli mit-tqassim ta’ dan l-ikel sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw.
L-Aġenzija għall-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hija responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-programm u anke tagħmel il-kontrolli neċessarji sabiex jiġi aċċertat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) 3149/1992 li jirregolaw dan il-Programm jiġu mħarrsa. Żewġ għaqdiet non-Governattivi, waħda għal Malta u oħra għal Għawdex, jiġu magħżula kull sena, wara sejħa ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, sabiex jieħdu ħsieb li jwasslu l-prodotti għand il-benefiċċjarji. Awdituri Interni mqabbda mill-Aġenzija għall-Pagamenti u anke awdituri tal-IAID regolarment jagħmlu l-kontrolli neċessarji.
Malta ġiet allokata fondi/prodotti biex jiġu mqassma lin-nies l-aktar fil-bżonn kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.