Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat Għawdex – ftuħ ta’ Ċentru tas-Saħħa ġdid

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat, Għawdex? Meta hu previst li dan iċ-Ċentru jinfetaħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjanijiet taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid wasslu sabiex tlesta x-xogħol ta’ mosaic u silicato fit-taraġ prinċipali u il-ħajt biswit. Xogħol estern jinstab fi stadju avvanzat. Ġew aġġudikati u awarded kemm it-tender tal-lift, tal-Istandby Generator kif ukoll tal-maġġor parti tal-appart mediku. Hu previst li dan iċ-Ċentru jinfetaħ għall-aħħar tas-sena d-dieħla.

Bereġ tas-Saħħa — konsenja tal-influwenza

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser tasal il-konsenja tal-influwenza u tkun tisponibbli mill-ġdid fil-bereġ tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tieni konsenja ta’ tilqim tal-influwenza se tibda’ tingħata aktar tard dan ix-xahar.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa hemm 1404 li huma ħaddiema minn skala 6 ‘l fuq jew ekwivalenti. Minn dawn hemm 596 li huma nisa u 808 li huma rġiel.

Sptar Mater Dei — operazzjonijiet - waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16701 u jelenka sena b’sena mill-2013 sal-lum, kemm hemm pazjenti fuq il-waiting list ta’ kull operazzjoni li ssir f’Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li kien hemm żieda ta’ aktar minn 10,000 operazzjoni li saret bejn l-2012 (45,461) u l-2019 (56,181), l-waiting lists tas-snin msemmija għadhom qed jinġabru.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — tilqim tal-influwenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta (ġurnata u xahar) se jerġgħu jibdew jingħataw it-tilqim tal-influwenza fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu se tkun qed tingħata fiż-żmien li ġej. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi sa issa diġà ngħataw 100,000 vaċċin tal-influwenza u se jkun hemm 150,000 vaċċin ieħor disponibbli fil-gżejjer tagħna.

Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Persuni li nqabdu bil-COVID-19

Question

B'referenza għar-risposta tal-Ministru għas-Saħħa għall-mistoqsija parlamentari 15750, tat-30 ta' Ġunju, li kienet "Ninforma lill-Onor. Interpellant li studju biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ persuni b’immunità għal COVID-19 f’Malta qed isir." Għaldaqstant nitlob lill-Ministru jinfurma lill-Kamra jekk sal-lum ġietx ikkalkulata l-imsemmija immunita', u jekk, fin-negattiv, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti indikazzjoni ta' meta r-riżultati tal-istudju imsemmi mill-Ministru se jiġu pubblikati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tajjeb li wieħed jikkjarifika li l-immunita’ li rreferejna għaliha fil-mistoqsija parlamentari 15750 hija dik ibbażata fuq l-antikorpi għall-COVID-19. Minn dak iż-żmien lil hawn kien hemm żviluppi fir-riċerka li indikaw dan li ġej (a) hemm probabiltà għolja li l-livell ta’ dawn l-antikorpi jinżel wara ftit xhur (b) mhux kulħadd jiżviluppa dawn l-antikorpi (c) hemm immunità oħra fuq bażi ċellulari mhux antikorpi li diffiċli tiġi kkwantifikata fuq livell ta’ popolazzjoni. Għaldaqstant m’għadniex nirreferu għal dan l-istudju bħala studju fuq l-immunità iżda fuq l-antikorpi. L-ewwel studju kopra 3 popolazzjonijiet prinċipali – ħaddiema fis-settur tas-saħħa, ħaddiema fis-settur tal-kura soċjali ta’ persuni anzjani jew inkella b’diżabbiltà u donaturi tad-demm. Dan intemm matul ix-xahar ta’ Lulju. Fl-isfond ta’ dawn ir-riżultati u r-riċerka ġdida spjegata hawn fuq, dawn ir-riżultati għandhom valur limitat. Ftit wara ġew konklużi dawn l-istudji, żdiedu ferm il-każi (lejn it-tielet ġimgħa ta’ Lulju). Għaldaqstant qed jiġi kkunsidrat studju simili aktar tard fix-xitwa, liema deċiżjoni tiddependi fuq l-andament tal-imxija. Madankollu, dan l-istudju jista’ biss jikkunsidra l-livell ta’ antikorpi li huwa dejjem suġġett għal-limitazzjonijiet msemmija hawn fuq.

Regolamenti rigward apparat li jiġġenera radjazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti kollha li nħarġu mill-Ministeru tas-Saħħa u/jew mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika in konnessjoni ma’ kwalunkwe tip ta' apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing", inkluż kwalunkwe "standards", prassi u proċeduri li għandhom jiġu segwiti in konnessjoni mal-imsemmi apparat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-leġiżlazzjoni attwali tistipula li hija r-Radiation Protection Commission li tittratta kemm radjazzjoni non ionizing kif ukoll ionizing, nitolbu jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tip ta’ moniteraġġ ta’ livelli ta’ exposure ta’ radjazzjoni non ionizing

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ ta' livelli ta' exposure ta’ radjazzjoni tat-tip "non ionizing", flimkien mar-riżultati ta' dak il-monitoraġġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Moniteraġġ tas-Saħħa ta’ membri tal-pubbliku wara l-użu ta’ apparat li jiġġenera radjazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ tas-saħħa ta' membri tal-pubbliku matul kif ukoll wara l-użu ta’ apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing" kif ukoll matul u wara l-imsemmi exposure, flimkien mar-riżultati ta' dak il-moniteraġġ tas-saħħa tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li rigward moniteraġġ u riżultati tal-moniteraġġ msemmi minnu, jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat filwaqt li ninfurmah li r-riżultati tal-kejl jintbagħtu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa rilevanti biex jieħdu kwalunkwe azzjoni li jqisu meħtieġa. Ir-rapporti tal-moniteraġġ li ntbagħtu lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali s’issa huma kollha fil-livelli aċċettabli u huma fil-fatt livelli baxxi ħafna.

Regolamenti Speċifiċi għall-protezzjoni ta’ persuni u ambjent mill-effetti negattivi ta’ radjazzjoni non ionizing

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti speċifiċi li nħarġu sabiex jiġu protetti persuni kif ukoll l-ambjent kontra l-effetti negattivi ta' radjazzjoni non ionizing minn apparat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jimxi fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Limitazzjoni tal-Esponiment tal-Pubbliku (Council Recommendation 1999/519/EC on the limitation of the exposure of the public to electromagnetic fields (0 Hz to 300 GHz).

Finanzjament għal ġlieda kontra l-COVID-19 mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont ta’ finanzjament li pajjiżna ħa mill-Unjoni Ewropea sabiex jintużaw għal miżuri biex bħala pajjiż niġġieldu l-pandemija tal-COVID-19? Jista’ jgħid kif dawn il-finanzjamenti ntefqu u fiex tħallsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa daħal fi ftehim mal-Unjoni Ewropea biex jirċievi fondi li jammontaw għal €1,227,559.90 biex jiġu koperti spejjeż relatati ma trasport ta’ apparat mediku impurtat mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn pajjiżi terzi, biex is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż tkun tista’ tirrispondi għall- ħtiġijiet ikkawżati mill-pandemija COVID-19. Dan il- finanzjament sar possibli permezz tal- Emergency Support Instrument li ġie mniedi mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin Malta ser tkun qed tuża fondi oħra Ewropej sabiex tagħmel tajjeb għal-spejjeż oħra relatati mal- Covid-19.

Stat ta’ Emerġenza fis-Saħħa Pubblika

Question

Peress li l-aħħar li kien issejjaħ stat ta’ emerġenza fis-Saħħa Pubblika kien l-1 ta’ April 2020 meta fil-gżejjer Maltin kien hawn 186 każijiet attivi u dan kien tneħħa fl-aħħar ta’ Ġunju, u peress li llum hawn aktar minn 2,000 każ attiv, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min għandu dmir isejjaħ stat ta’ emerġenza fis-Saħħa Pubblika, jekk hux il-Prim Ministru jew is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika? Jekk hu s-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, x’qed iżomm biex terġa’ tissejjaħ stat ta’ emerġenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija ma tinkwadrax fil-parametri tal-Artiklu 27 tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati.

Sptar Mater Dei – Drittijiet ta’ Qraba ta’ pazjent bil-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma d-drittijiet tal-qraba ta’ pazjent bil-COVID-19 waqt li jkun qed jieħu l-kura fl-Isptar Mater Dei, kemm fis-sala jew fl-ITU, kif ukoll wara l-mewt tal-istess pazjent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li Covid 19 hija marda infettiva, l-aċċess tal-qraba għal pazjenti bil-Covid 19 qed ikun ristrett biex innaqqsu it-tifrix tal-imxija kif ukoll għas-sigurta’ tal-istess qraba. Il-qraba jistaw ukoll jagħmlu kuntatt telefoniku kemm mal-pazjent innisfu kif ukoll mat-tobba. F’każ ta’ mewt, il-pazjent li jkun identifikat li miet waqt li kien pożittiv għal-Covid 19, jitpoġġa f’’ double body bag speċjali biex titnaqqas il-possibilita’ ta’ tifrix u biex ukoll il-qraba jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ funeral denju ta’ kull rispett. F’każ li l-pazjent jiġi amministrat bil-griżma tal-morda, isiru arranġamenti speċjali biex il-qraba jkunu jistgħu iżuru l-pazjent fl-aħħar ħin ta’ ħajtu.

Sptar Mater Dei – drittijiet ta’ pazjenti morda bil-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma d-drittijiet tal-pazjent li għandu l-COVID-19 u qiegħed f’kura fl-Isptar Mater Dei? Liema huma d-drittijiet li jitneħħulu meta mqabbla ma’ pazjenti oħra li jkunu kkurati f’sodda fl-Isptar Mater Dei? Il-pazjent għandu dritt li jkun milqugħ u mdawwar bi qrabatu la għandu l-COVID-19? Fl-aħħar ta’ ħajjithom, dawk il-pazjenti li jkunu morda bil-COVID-19 u huma Kattoliċi, tingħatalhom l-griżma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-drittijiet tal-pazjenti bil-Covid 19 u pazjenti li m’humiex infettati bil-Covid 19 għandhom l-istess drittijiet, pero f’każ li pazjent ikun infettat bil-Covid 19, peress li din hija infettiva, il-pazjent ma jkunx jista’ joħroġ mill-kamra tiegħu u ma jkunux jistaw iżuruh qrabatu. Dan isir sabiex ikun żgurat li titnaqqas it-trasmissjoni ta’ dan il-virus. Il-pazjenti li jkunu jixtiequ li ssirilhom il-griżma tal-morda, din tkun tista’ tiġi amministrata kif mixtieq minnhom stess.

Pazjenti li jmutu — awtopsji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid dawk il-pazjenti li jmutu bil-COVID-19 indirettament minħabba l-COVID-19 jsirulhom awtopsji? Jekk le kif wieħed jista’ jasal b’mod konkret jekk il-COVID-19 kienx il-kaġun tal-mewt jew le?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-indikazzjonijiet għal awtopsja f’pazjenti li jmutu waqt li jkollhom Covid-19 huma l-istess bħal pazjenti oħra.

Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington – rakkomandazzjonijiet rigward il-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni lil din il-Kamra għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa mhux qiegħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżentati fid-dikjarazzjoni ta' Great Barrington, maħruġa ftit ġimgħat ilu, li tindirizza l-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19, liema dikjarazzjoni u rakkomandazzjonijiet ġew appoġġjati minn iktar minn 30,000 tabib u 10,000 xjenzjat mediku u speċjalizzat fis-saħħa pubblika, minħabba li d-dipartiment ħareġ regolamenti li huma kontrarji għal jew ħafna iktar ħorox mir-rakkomandazzjonijiet imsemmija tad-Dikjarazzjoni ta' Great Barrington?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-15 t’Ottubru ta’ din is-sena, l-Organizzazjoni Dinjija għas-Saħħa ħarġet spjegazzjoni ċara ta’ kif l-immunita’ tal-massa ma tistax tiġi milħuqa billi tesponi aktar nies għal infezzjoni u konsegwentement għall-mewt imma permezz ta’ kampanji ta’ tilqim. Dawn mhumiex rakkomandazzjonijiet ġodda li saru fi żmien din il-pandemija tal-COVID-19 imma huwa prinċipju kardinali tas-Saħħa Pubblika li kien hemm minn dejjem. Id-Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington tisħaq il-kontra bl-argument li l-popolazzjoni f’riskju tista’ tiġi protetta kompletament. L-esperjenza kemm lokali kif ukoll internazzjonali turi li dan ma seħħ imkien, lanqas hawn Malta. Fil-qasam xjentifiku, dejjem ikun hemm diverġenza t’opinjoni. Fil-fatt, tliet esponenti ewlenin tas-Saħħa Pubblika f’dawn l-aħħar ġimgħat urew evidenza waqt il-Kungress Dinji tas-Saħħa Pubblika li sar dan ix-xahar, kif ukoll ippublikaw artiklu f’ġurnal Ingliż, li kien hemm xi organizzazzjonijiet Amerikani bi tradizzjoni ta’ aġenda kontra t-tilqim inġenerali li għenu bis-sħiħ biex issir din id-dikjarazzjoni. Bħal dejjem, l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika Maltija joqogħdu fuq il-linji gwidi pprovduti lilhom mill-awtoritajiet internazzjonali fil-qasam, bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-ECDC.

Regolamenti għal COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni għaliex l-istess regolamenti in vigore imorru wkoll ħafna oltre dawk maħruġin mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tirrakkomanda li l-maskri għandhom jintużaw minn persuni li m'għandhomx sintomi ta' mard BISS meta qegħdin xi mkien fejn ma jistgħux jitbiegħdu mill-inqas metru minn ħaddiehor f'postijiet pubbliċi, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li ffurmaw il-bażi tad-deċiżjonijiet u regolamenti maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fir-rigward tal-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu nett tal-pandemija tal-COVID-19, ġew ikkonsultati aktar standards minbarra dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-World Health Organisation. Infakkar li r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO japplikaw għad-dinja kollha. Hemm standards ferm ogħla li japplikaw għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (ECDC), ir-Renju Unit (Public Health England), l-Italja (Istituto Superiore di Sanita’), l-Istati Uniti (CDC) u numru ta’ awtorijiet regolatorji madwar id-dinja (Korea t’Isfel, Ġappun, Singapore, Awstralja ul-Kanada). B’hekk bnejna bażi xjentifika qawwija ħafna sabiex nipproteġu bl-aħjar mod il-poplu Malti u Ghawdxi.

Lista ta’ persuni li mietu bil-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti n-numru ta' persuni li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, li effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala "the underlying cause of death", u jagħti n-numru ta’ awtopsji li saru fuq xi persuni mniżżlin f'din il-lista mingħajr ma jiżvela, sintendi, id-dettalji ta' natura personali ta' dawn il-persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ebda minn dawn il-każijiet ma saret awtopsja minħabba li d-dijanjożi kienet magħrufa. Minn 64 persuna li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, 47 effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala the underlying cause of death. Fil-15-il persuna l-oħra, il-COVID-19 kien meqjus bħala kawża kontributorja. Rigward l-aħħar 2 imwiet għadhom għaddejjin il-verifikazzjonijiet neċessarji.