Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — vakanzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'vakanzi hemm fid-Dipartimenti, uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru u x'sejħiet jew applikazzjonijiet huma maħsuba li joħorġu fix-xahrejn li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal in care b'konsegwenza ta' care order u kemm hemm in care b'mod volontarju? Tista' tgħid x'għajnuniet u servizzi għandhom dawn it-tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent hemm total ta’ 102 tifel u tifla li qed jgħixu fid-djar tat-tfal taħt care order u 70 tifel u tifla li qed jgħixu fid-djar tat-tfal li qegħdin hemm b’mod volontarju min-naħa tal-ġenituri tagħhom.
Hemm ukoll 104 tifel u tifla taħt
care order
li qed jgħixu fil-kura ta’
foster carers
, u 70 tifel u tifla li qed jgħixu fil-kura ta’
foster carers
b’mod volontarju.
Il-minuri jkollhom
social worker
mill-Appoġġ li ssegwihom u li taħdem id f’id mad-djar tat-tfal u anke professjonisti oħra li jistgħu jkunu involuti bħal psikjatra, psikoloġi jew għalliema u flimkien jaħdmu biex dawn it-tfal jkollhom pjan ta’ kura fuq bażi individwali u li jkun fl-aħjar interess tal-minuri.
Federazzjoni Maltija tal-Isparar — support lit-tiraturi
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux f'qagħda li jagħti tagħrif dwar kif hu mistenni li l-Ministeru jagħti s-sapport tiegħu lill-Federazzjoni Maltija tal-Isparar biex din tkun tista' tattira iktar tiraturi, Maltin u barranin, lejn pajjiżna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) għandu skemi li permezz tagħhom jassisti lill-għaqdiet sportivi kemm biex ikabbru d-dixxiplini sportivi tagħhom fost il-komunità lokali kif ukoll biex jattiraw barranin jipprattikaw id-dixxiplina f’Malta. Dawn huma l-Youth Development Scheme u l-iSport Tourism Scheme. Il-Federazzjoni Maltija tal-isparar gawdiet miż-żewġ skemi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21903, tista' l-Ministru tindika kemm minn dawk indikati li bdew jaħdmu mix-xahar ta' Jannar 2008 sa Ottubru 2010, huma impjegati abbażi ta' kuntratt definit full-time u kemm abbażi ta' kuntratt definit part-time?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta` ħaddiema li bdew jaħdmu mix-xahar ta` Jannar 2008 sa Ottubru 2010 abbażi ta` kuntratt definit kienu maqsuma hekk:
Full Time
Part Time
Total
Settur Pubbliku
1,359
634
1,993
Settur Privat
11,211
2,025
13,236
Tista' l-Ministru tinforma lil din il-Kamra kemm għad fadal pensjonanti ex-servicemen tas-servizzi Ingliżi li kienu jservu bl-uniformi, li għadhom qed jirċievu pensjoni mnaqqsa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ pensjonanti
ex-servicemen
tas-servizzi Ingliżi li kienu jservu bl-uniformi li għandha tiġi kkunsidrata l-pensjoni tas-Servizz tagħhom, biex tkun stabbilita r-rata tal-pesnjoni tas-Sigurtà Soċjali huwa ta’ 1459.
Unit li jħares il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24127 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tindika x'sar mill-unit li kellu jitwaqqaf skont id-diskors tiegħu tal-Budget 2011, liema unit kellu jieħu ħsieb iħares il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu ma' kuntratturi tal-Gvern u li allura qed jitħallsu minn flus il-poplu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kuntratturi tal-gvern
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24129 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tispjega x'passi qed jittieħdu mill-gvern sabiex ma jkunx hemm abbuż ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema ta' kuntratturi tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-att ta' fondazzjoni jew att kostituttiv tat-Trust Fund tal-Università li ġiet ppubbliċizzata nhar it-18 ta' April, 2011 u li lilha (t-Trust) l-gvern taha €500,000?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din il-mistoqsija parlamentari trid issir lill-Prim Ministru in rappreżentanza tal-Gvern ta' Malta, bħala s-Settlor, stante illi s-Settlor huwa l-entità kompetenti illi għandha kopja tal-att [li mhuwiex att pubbliku] u għandha d-diskrezzjoni tagħtix kopja jew le lil terzi.
L-Università ta' Malta,
per se,
hija l-
beneficiary,
mhux parti u/jew firmatarja bħala persuna ġuridika, fl-att inniffsu.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li qed jgħixu bl-assistenza soċjali ta' €514.76 fix-xahar, li minnhom qed iħallsu €300 fix-xahar kirja mal-privat peress li din il-familja bi tlett itfal ma tiflaħx tibqa' tgħaddi f'din is-sitwazzjoni u filwaqt li din il-familja rrikorriet diversi drabi għand l-Awtorità tad-Djar, l-uffiċjali għolja tal-Awtorità qed jirrifjutaw li jkellmuha minħabba li dan huwa każ antik u ma jistgħu jagħmlu xejn aktar? Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx appartamenti available għal din il-familja minħabba li dawn qed jaqgħu lura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ din il-familja qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li d-dħul ta’ din il-familja fl-2010 kien ogħla minn dak li jidher fil-mistoqsija tiegħu waqt li l-Awtorità tad-Djar tissusidja l-kirja b’ €966.69 fis-sena.
Programme for International Student Assessments — parteċipazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk Malta pparteċipatx jew kemm-il darba pparteċipat fl-Istudju msejjaħ Programme for International Student Assessment (PISA) tal-OECD? Jekk Malta ma pparteċipatx, għaliex ma pparteċipatx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 19603 u 23136.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25191, tista' l-Ministru tgħid x'kienu l-karigi ta' postijiet ta' xogħol li għalihom ġew riferuti d-disa' persuni konċernati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għal interview mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-karigi ta` postijiet ta` xogħol li għalihom ġew riferuti d-disa' persuni għal interview mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huma dawn:-
KARIGI
PERSUNI
QUALITY ASSURANCE EXECUTIVES
1
SENIOR CLERK - QUALITY ASSURANCE
1
QUALITY DEVELOPMENT EXECUTIVE
1
EXECUTIVE-TOURISM SERVICE PROVIDER DEVELOPMENT
1
I. T. TECHNICIAN
1
FIELD OFFICER (QUALITY ASSURANCE)
1
EXECUTIVE SECRETARY
1
INDUSTRY HR DEV EXECUTIVE SECRETARY
2
TOTAL
9
Pietà — Piazza Madonna ta' Fatima - stallazzjoni ta' lift
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol ta' stallazzjoni ta' lift fi Block C2, Piazza Madonna ta' Fatima, Pietà għad li beda f’jum id-Duluri, rega' waqaf ħesrem? Tista' tindika meta se jissokta x-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kuntrattur ġie ordnat li jibda x-xogħlijiet fuq l-istallazzjoni ta’ dan il-lift fil-21 ta’ Frar 2011. Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-25 ta’ Lulju 2011. L-Awtorità tad-Djar tikkonferma li l-kuntrattur qed jimxi skont il-programm ta’ xogħol stabbilit, liema xogħol jinkludi ix-xiri ta’ materjal u xogħol ieħor li ma jirrekkjedix il-prezenza fizika tal-ħaddiema fuq il-post.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn nisa separati li qegħdin fuq ir-relief illum għax mhux qed jingħataw manteniment wara s-separazzjoni minn żwieġhom? Kemm sewa dan lill-istat is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dipartiment ma għandux statistika dwar kemm hawn nisa separati li qegħdin fuq l-assistenza soċjali għax mhux jingħataw manteniment minn żwieghom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn tfal taħt care orders illum? Għaliex? Tista' tgħid kemm minn dawn ġejjin minn familji miżżewġa, separati, single u unmarried mothers? Kif kien tikkumpara dan in-numru sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Malti għall-Isport — pjanijiet għal shooting ranges
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew il-Kunsill Malti għall-Isport iffinalizzax il-pjanijiet tiegħu dwar dawk li huma għajnuniet li jistgħu jingħataw dwar il-bini ta' shooting ranges ta' livell internazzjonali f'Malta u Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) għandu skemi ta’ assistenza biex għaqdiet sportivi jkunu jistgħu jibnu jew itejbu l-faċililtajiet tagħhom. Hemm ukoll skema oħra li tagħti rifuzjoni ta’ 15.25% fuq in n-nefqa kapitali tal-proġett li jkun sar. F’kaz li l-faċilità tinbena fuq art pubblika l-gvern jagħti ukoll sussidju qawwi fuq il-kiri ta’ din l-art.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni reġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bħala diżabbli, u tagħti l-informazzjoni skont minn liema lokalità huma, is-sess tagħhom u l-età?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità — special identity card
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li għandhom special identity card tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità, u tagħti l-informazzjoni skont minn liema lokalità huma, is-sess u l-età?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità — blue sticker
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li għandhom il-blue sticker maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità u tagħti l-informazzjoni skont minn liema lokalità huma, is-sess u l-età?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li jieħdu l-pensjoni tal-invalidità, tindika t-tip ta' invalidità, minn liema lokalità huma, is-sess u l-età?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid minn liema lokalitajiet huma l-persuni li jattendi u f'kull Ċentru għal Matul il-Jum u tagħti l-informazzjoni skont l-età u s-sess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.