Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-distretti u s-sezzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija li tul is-sena 2009 naqsu spetturi minnhom u sal-lum għadhom b'dan in-nuqqas?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm ħames spetturi li naqsu mid-distretti u s-sezzjonijiet kif ukoll li preżentement hemm proċess ta' reklutaġġ ta' din il-kariga.
għases u tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija — tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tindif tal-għases u tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija, l-ogħla rank preżenti huwa fid-dmir u fid-dover li jara li l-post li jkun responsabbli minnu jinżamm dejjem nadif, fil-fatt wieħed mid-dmirijiet tar-rank ta’ Surġent Maġġur huwa propju li jieħu ħsieb il-postijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsibilita' tieghu. Fl-aħħarnett l-Uffiċċjali kollha tal-Korp taqa' fuqhom b’mod ġenerali r-responsabilita' li tinżamm l-indafa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-full complement tal-Pulizija tal-SAG fil-preżent? Kemm kien dan il-full complement tal-SAG sena b'sena, f'dawn l-aħħar 15-il sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddej proċess ta' riforma f'din it-Taqsima fejn huwa intenzjonat li l-complement preżenti jiżdied.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-kmamar tan-nar? Ta' fejn huma dawn l-applikazzjonijiet pendenti? Kemm ilhom pendenti kull waħda minnhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn naħa tal-Pulizija ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal xi kamra tan-nar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' vjolenza fiżika li seħħew u ġew rapportati lill-pulizija fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha) matul l-aħħar tliet xhur tal-2009 u l-ewwel tliet xhur tal-2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tlett xhur tal-2009 il-Pulizija kellha 29 rapport ta' każijiet ta' vjolenza fiżika li allegatament seħħew fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, filwaqt li matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena ġew irrappurtati 27 każ li minnhom hemm tmintax-il każ (18) ta' vjolenza domestika.
Jista' l-Ministru jgħid fir-reklutaġġ ta' pulizija, kemm għadu jingħata importanza lit-tul tal-applikant? Jekk għadu jingħata importanza, dan isir fil-każ taż-żewġ sessi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skont is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal dħul fil-kors ta’ taħriġ għall-kuntistabbli rġiel u nisa ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta’ Marzu ta’ din is-sena, il-kandidati jrid ikollhom tul ta’ mhux anqas minn 1.70m fil-każ tal-irġiel u mhux anqas minn 1.65m fil-każ tan-nisa, meta jitkejlu.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk Malta rratifikatx l-protokol addizzjoniali Nru. 99 tal-Kunsill tal-Ewropa (European Convention on Mutual Assistance in Criminal Matters)? Jekk ma rritaifikatx, jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dan isir?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-protokol addizzjonali numru 99 kif ukoll konvenzjonijiet u protokolli oħra tal-Kunsill tal-Ewropa, jkunu ratifikati la darba l-Abbozz tal-Liġi numru 45, li bħalissa qiegħed quddiem il-Parlament, isir Liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex legali jew illegali illi lukandi jittrasmettu films hard core għall-qliegħ minn fuq il-pornografija? Jekk le għaliex il-Pulizija ma teħux passi? Jista' jara li l-Pulizija tindaga jekk programmi li qed jixxandru kważi kuljum stallazzjonijiet tal-cable TV humiex pornografiċi jew le? Jekk iva għandhom jitwaqqfu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Jien infurmat li l-pulizija qed tindaga dwar il-fatti allegati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17326 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-awtoritajiet tat-trasport għal tow zones f’San Ġiljan bir-rakkmandazzjoni tal-kunsill lokali tal-belt konċernata? Billi hemm uħud minnhom li jikkonċernaw żoni residenzjali qrib stabbilimenti ta' divertiment, jistgħu dawn jingħataw prijorità billi l-problema ta’ parkeġġ kontra l-liġi hemm ir-riskju li jiżdied issa li ġejja t-Tazza tad-Dinja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi min-naħa tal-Pulizija hemm talba waħda pendenti għal tow zone fejn indikat mill-Onorevoli Interpellant, liema talba qed tiġi investigata.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma llum l-avukati li jagħtu l-għajnuna legali lill-persuni/familji foqra? Kemm-il siegħa ħadmu ma’ dawn il-persuni s-sena l-oħra? Kemm huwa l-ħlas ta’ kull siegħa li jaħdmu dawn l-avukati? Kemm għandhom każijiet attivi u li qed jaħdmu fuqhom dawn l-avukati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għar-rigward l-ewwel domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16239. Ninsab infurmat illi x-xogħol ta’ dawn jikkonsistu billi jippatroċinaw, skont min ikun imissu, lil dawk li jkunu ġew ammessi għal benefiċċju tal-għajnuna legali mill-Avukat għall-Għajnuna Legali jew mill-Assistent tiegħu f’kawżi ta’ natura ċivili. Oltre dan, dawn jassistu lill-imputati u l-akkużati f’kawżi kriminali fil-Qrati tal-Maġistrati, skont min ikun imissu, wara li jkunu ġew maħtura għal dan il-għan mill-Maġistrat li quddiemu jkun il-każ, u meta jkun meħtieġ, fil-Qorti tal-Appell Kriminali minn deċizjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati.
Infurmat ukoll illi l-Avukat għall-Għajnuna Legali jitħallsu b'rata fissa ta' €2,329.37 fis-sena u li jaraw lin-nies darbtejn fil-ġimgħa u jdumu fl-uffiċċju sakemm jinqeda kulħadd. Barra minn hekk jiddefendu skont il-ħtieġa akkużati quddiem il-Qorti Kriminali (ġurijiet) u quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali minn deċizjonijiet tal-Qorti Kriminali. Ma jinżammx
record
tas-siegħat li jaħdmu peress li dawn jaħdmu kemm ikun meħtieġ, inkluż wara l-ħin normali tax-xogħol.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-aħħar parti tad-domanda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għases li hawn f'Malta u f'Għawdex humiex kollha aċċessibbli? Jista' jgħid kemm-il għassa tkun miftuħa kuljum? Jista' jgħid jekk hemmx għases li ma jkunux miftuħin kuljum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlib lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11355.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni tal-ħabs illum? Kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm għandha żmien l-iżgħar persuna li hemm il-ħabs u kemm għandu eta' l-ikbar priġunier?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-24 ta' Mejju 2010 il-popolazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kienet ta' 575; 536 irġiel u 39 nisa. Infurmat ukoll illi l-età tal-iżgħar persuna hija ta' 16-il sena filwaqt li dik tal-akbar persuna hija ta' 77 sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux courses lill-priġunieri li jkunu qed jiskontaw sentenza ta' priġunerija? Jekk hemm, kemm hemm priġunieri li qed jagħmlu kors bħalissa u f'liema istituzzjoni qegħdin, jekk hemmx in house jew fil-livell universitarju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin isiru diversi courses kemm akkademiċi bħal per eżempju fil-lingwa Maltija u dik Ingliża, fil-Matematika u fl-ICT, kif ukoll fis-snajja bħal fl-istallazzjoni tal-elettriku, spray painting, carpentry, sheet metal xogħol ta' kostruzzjoni u fit-tisjir. Infurmat ukoll li n-numru ta' priġunieri li jattendu ivarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' moħqrija fuq l-annimali u tjur rapportati lill-Pulizija matul l-ewwel erba' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 30 każ ta' moħqrija fuq annimali, 26 f'Malta u 4 f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' hold ups rapportati lill-Pulizija matul l-ewwel erba' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Kummissarju tal-Pulizija — informazzjoni mingħand il-kontrollur tad-dwana
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17023, jista’ l-Ministru jgħid x’ikun qed jistenna l-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu l-passi? Il-Kontrollur tad-Dwana huwa neċessarju li jieħu daqshekk żmien sabiex jagħti informazzjoni lill-pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' nfurmajt lill-Kamra, il-Pulizija qed tistenna mingħand il-Kontrollur tad-Dwana sabiex tkun tista' tipproċedi quddiem il-Qorti skont kif previst fl-Ordinanza tad-Dwana (Kap37). Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti minn kawzi fil-Qorti Ċivili, dawk Kriminali Superjuri u minn deċiżjonijiet tal-Maġistrati separatament? F’kull każ kemm ilu l-aktar wieħed?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Qorti tal-Appell (Sede Ċivili - Superjuri) hemm 611 appell pendenti u li wieħed minnhom ilu pendenti mill-1993 Sine Die, filwqat li fil-Qorti tal-Appell (Sede Ċivili - Inferjuri - Malta) hemm 99 appell pendenti u li wieħed minnhom ilu pendenti mill-2007. Fil-każ ta' dawk l-appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Superjuri) in-numru sat-30 ta' April 2010, kien ta' 28 u l-aktar wieħed ilu reġistrat mit-22 ta' April 2008. Quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (minn deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati) in-numru ta' appelli pendenti sat-30 ta' April 2010 kien ta' 261 u l-aktar wieħed ilu reġistrat mill-21 ta' Ottubru 2003.
Infurmat ukoll li n-numru ta' deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Appelli (Inferjuri Ċivili) fil-Qorti ta' Għawdex kien ta' 10 appelli maqsumin hekk:-
2 mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Inferjuri Ċivili
5 mill-Bord Dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba'
3 mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar
L-aktar appell li ilu pendenti huwa appell minn sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati, Inferjuri Ċivili, intavolat fl-24 ta' Settembru 2009 ( differit għas-sentenza).
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din il-leġislatura kont akkumpanjat tlett darbiet minn marti u dawn kienu; l-ewwel għall-Kunsill Informali f'Lulju 2008 fi Franza, it-tieni, laqgħa tal-Ministru tal-Intern f'Pariġi fejn kont akkumpanjat ukoll minn ibni minuri u t-tielet, għall-Kunsill Informali f'Lulju 2009 fi Stokkolma u fl-Estonja. Għal dawn it-tlett okkażjonijiet l-ispejjeż tagħhom kienu mħallsa minni.