Il-Fgura — Ilma qiegħed fi Triq l-14 ta Dicembru 1945
Question
Jista’ l-Ministru jinvestiga għaliex fit-tarf ta’ Triq l-14 ta Diċembru 1945 k/m Triq is-Sur qed iżomm ħafna ilma kif tagħmel ix-xita u dan minn wara li saret ir-rikostruzzjoni ta’ Triq is-Sur minn Infrastruttura Malta? Jista’ jara li l-Aġenzija responsabbli ssib rimedju għal din il-problema peress li meta jinġemgħa l-ilma, speċjalment wara x-xita, dan jispiċċa bħala ilma qiegħed b’ħafna dud u insetti b’detriment għas-saħħa tar-residenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2945.
Jista’ l-Ministru jindika meta huwa pproġettat li jitlesta kompletament il-proġett li qed isir fix-Xatt tal-Kalkara? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti finali ta' kif ser jiġi l-proġett ġaladarba jkun lest?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ser jkun lest sa nofs is-sena 2023. Pjanti tal-proġett huma tekniċi u ma jgħatux indikazzjoni ċara għall-publiku tal-aspett finali tal-proġett. Wieħed jista jara dan il-proġett permezz ta’ 3D walk through li tista tiġi aċċessata fuq il-link https://youtu.be/8k31idE9nH8 jew fuq is-sit uffiċjali tal-GHRC.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2693, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti l-kejl tal-livelli tal-baħar f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li dan l-istudju isir mill-Physical Oceanography Unit tal-Università ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jagħti data definittiva meta se jitlestew il-proġetti prinċipali ta’ dawn it-toroq:
a. Il-Flyover tal-Airport;
b. Il-Flyover ta’ Ħal Luqa; u
L-Imrieħel Underpass?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mrieħel Underpass Project għandu jitlesta sa tmiem din is-sena. Infrastructure Malta ppjanat dan il-proġett biex ittejjeb l-impatti poħittivi ta’ Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina ġdida tal-Imrieħel, li nfetħet bħal-lum ġimgħa, tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Din il-mina se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, l-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project, li qed jinbnew biswit xulxin, huma l-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. Kif kien ippjanat l-ewwel korsiji ta’ KTAIP, b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-Ajruport, infetħu fl-ewwel nofs tas-sena u bħalissa qed jinbnew il-mina ħdejn l-ajruport u ż-żewġ flyovers. Rotot oħrajn ġodda li jagħmlu parti mill-proġetti se jinfetħu fix-xhur li ġejjin. Dawn iż-żewġ proġetti huwa mmirat li jitlestew sa nofs is-sena d-dieħla u flimkien ser inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta b’aktar minn 70%, li jfisser ukoll tnaqqis kbir fit-tniġġis tal-arja u l-istorbju mill-konġestjoni.
Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – Triq l-Imdina — traffic light controlled intersection
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju ta’ kif ġie affettwat it-traffiku wara li saret it-traffic light controlled intersection ġdida fi Triq l-Imdina bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi u jekk hemmx riżultati mqabbla ma’ kif kienet is-sitwazzjoni qabel ma sar il-proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2192.
Ir-Rabat — Telgħa tas-Saqqajja – Xogħlijiet fit-taraġ
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-taraġ li sar fil-ġenb ta’ taħt il-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat, kellu jinqala’ darbtejn waqt li qed isir il-proġett ta’ rinovazzjoni? Jista’ jgħid min ħallas għal dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett ta’ madwar €500,000 biex issebbaħ il-belvedere, it-taraġ u l-bankini fiż-żona tas-Saqqajja, ir-Rabat.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina, peress li din iż-żona, għalkemm magħrufa bħala s-Saqqajja tar-Rabat, tifforma parti mill-konfini tal-Imdina. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar.
Qabel ma t-taraġ u l-bankini tal-madwar bdew jinksew b’ċangatura tal-qawwi li nġiebet minn Għawdex, inbidlu s-servizzi tal-ilma u katusi tad-drenaġġ, kif ukoll ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona. Ġew mgħoddijin ukoll pajpijiet taħt l-art f’każ li 'l quddiem ikun hemm ħtieġa li jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl tat-triq. L-għażla tal-materjali li qed jintużaw f’dan il-proġett ta’ tisbiħ saret skont rakkomandazzjonijiet li ngħataw mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex ikun assigurat li dawn jintegraw mal-estetika tal-inħawi partikolarment il-binja storika ta’ Casino Notabile li nbniet fl-1887.
F’kull proġett li tagħmel, Infrastructure Malta tesiġi li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħol mitlub skont l-istandards stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà. Meta x-xogħlijiet ma jilħqux il-livelli ta’ kwalità rikjesta u ma jsirux skont is-sengħa, l-aġenzija ġġiegħel lill-kuntrattur jerġa’ jagħmel ix-xogħol mill-ġdid bi spejjeż tiegħu u hekk sar f’dan il-każ.
Marsaxlokk – Triq G. Maniscalco – Coaches tat-turisti
Question
Jista’ l-Ministru jara permezz ta’ Transport Malta, x’qed jiġri ġewwa Triq G. Maniscalco ġewwa Marsaxlokk, fejn qed ikun hemm coaches tat-turisti li mid-dehra qed ikunu ta’ inkonvenjent għar-residenti li diġà lmentaw mal-Awtorità u ma ħadu l-ebda risposta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali sabiex tinstab soluzzjoni, kemm għar-Residenti kif ukoll għall-Coaches li qegħdin jipprovdi servizz lit-turistiku.
Infurmat li hemm proġettati laqgħat ukoll li għalihom se tkun mistiedna l-Assoċjazzjoni tal-Coaches.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
San Pawl il-Baħar – survey fuq il-moll biswit il-Menqa
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar survey li kien qed isir matul l-aħħar jiem fuq il-moll li hemm biswit il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar? X’inhu l-iskop ta’ dan is-survey? Hemm xogħlijiet ippjanati fuq dan il-moll? Jekk iva, x’inhuma dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moll iż-żgħir ta' ħdejn il-Menqa jinsab fi stat ħazin, tant li hu mgħawwar minn taħt u għalhekk hemm bżonn li jsir intervent biex il-moll jissewwa u jissaħħaħ. Meta l-baħar ikun imqalleb, parti mill-ħsarat saħansitra jkunu jidhru. Għaldaqstant, permezz ta’ għaddasa sar survey tal-ħsarat qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-moll fiż-żmien li ġej.
Transport Malta — Sezzjoni Marittima– impjegati li telqu jew ġew trasferiti
Question
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm impjegati ta' Transport Malta ġew trasferiti jew telqu mis-Sezzjoni Marittima bejn l-2013 u l-2022? Jista’ jgħid kemm damu impjegati qabel telqu? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati ġodda mas-sezzjoni fl-istess ħin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri
Question
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 696 u 1269, jista’ l-Ministru jgħid:
a. min kienu l-membri, li skont ma ntqal fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 696, offrew ir-riżenja tagħhom lill-Gvern; u
b. jekk issa nħatarx bord ġdid, u fil-każ min huma l-membri u għal kemm hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom, u jekk le x’inhi r-raġuni għalfejn ma saret l-ebda ħatra sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin f’parti minn Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti jew mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dwar din il-materja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Qormi l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq l-Għargħar 1979, Triq maġenb Triq il-Mitħna, Triq Dun G Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, il-Bypass tal-Imrieħel u n-niżla li għall-mini ta’ Santa Venera, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq l-Isqof Depasquale, Triq Ġorġ Borg, toroq bla isem f’Tal-Ħlas, f’Tal-Ħandaq, fil-limiti Tal-Ħammieri u ħdejn Triq il-Belt Valletta, Triq Għarrqam u Triq il-Ħarrub.
Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom Triq l-Imdina (lejn it-Tramuntana), f’Ħal Qormi. It-triq indikata, Triq il-Belt Valletta, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.
Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin f’parti minn Triq San Edwardu, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fi Triq San Edwardu, f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti jew mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dwar din il-materja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Qormi l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq l-Għargħar 1979, Triq maġenb Triq il-Mitħna, Triq Dun G Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, il-Bypass tal-Imrieħel u n-niżla li għall-mini ta’ Santa Venera, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq l-Isqof Depasquale, Triq Ġorġ Borg, toroq bla isem f’Tal-Ħlas, f’Tal-Ħandaq, fil-limiti Tal-Ħammieri u ħdejn Triq il-Belt Valletta, Triq Għarrqam u Triq il-Ħarrub.
Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom Triq l-Imdina (lejn it-tramuntana), f’Ħal Qormi. It-triq indikata, Triq San Edwardu, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1488 u 1946 dwar Triq San Leonardu, Żabbar billi bil-konfigurazzjoni ġdida tagħha hemm inkonvenjent kbir lir-residenti kif ukoll perikolu lil min juża t-triq, tant li li seħħew inċidenti serji?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid Triq San Leonardu, fix-Xgħajra, fuq disinn ġdid b’infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha u anke ser issebbaħha bi strixxi ta’ siġar u arbuxelli ġodda. Wara li tlestiet it-triq, ser tinbena wkoll mill-ġdid ir-roundabout.
L-aġenzija għamlet bankina fuq in-naħa tat-triq fejn qabel ma kienx hemm. Din il-bankina ġdida ġiet iddisinjata skont l-istandards applikabbli u l-linji gwida għall-aċċessibbiltà mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
It-triq qabel ma kellhiex spazji għall-parkeġġ definiti u l-ispazju tat-triq li oriġinarjament kien maħsub għall-bankina l-ġdida (li ma kinitx inbniet fil-passat) kien qed jintuża għall-parkeġġ fit-toroq.
Id-disinn il-ġdid tat-triq jinkludi l-bankina li kienet nieqsa u waqfiet ġodda għall-karozzi tal-linja biex b’hekk ittejjeb ukoll l-aċċess għat-trasport pubbliku. Ħoloq ukoll spazji ta’ parkeġġ definiti kif sippost waqt li l-karreġġjata nżammet sigura b’żewġ korsiji. It-triq għad fiha spazji għall-parkeġġ fuq iż-żewġ naħat.
Biswit partijiet mill-bankina ġdida, Infrastructure Malta għamlet strixxi biex issebbaħ it-triq bit-tħawwil ta’ 14-il siġra taċ-Ċipress u Ta’ Ġuda, aktar minn 1,600 arbuxell u pjanti oħra. Dawn ser jikkontribwixxu għal ambjent imtejjeb tul din it-triq, filwaqt li tiżdied is-segregazzjoni bejn il-persuni li jgħaddu bil-mixi u l-karozzi. Is-siġar u l-arbuxxelli ġodda f’din it-triq se jissaqqew permezz ta’ sistema ġdida ta’ tisqija li se tkun imqabbda ma’ ġibjun ġdid għall-ħażna tal-ilma tax-xita li l-aġenzija ser tibni taħt ir-roundabout tul l-istess triq, bħala parti mill-istess proġett.
Id-disinn il-ġdid tat-triq qed jistabbilixxi bilanċ bejn infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha, dehra isbaħ permezz tas-siġar u l-arbuxelli kif ukoll jipprovdi spazji għall-parkeġġ siguri għar-residenti tal-inħawi. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien jinkludi wkoll pajipijiet ġodda tal-ilma kif ukoll cables ġodda taħt l-art biex tneħħew il-wires li kienu jaqsmu min-naħa għal oħra u dwal ġodda tat-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jistax jieħu l-passi meħtieġa biex fi Triq Buqana, limiti tal-Mosta, fit-triq lejn l-Imġarr fejn fuq in-naħa tal-lemin tat-triq hemm bankina u cycling lane quddiem entraturi tal-għelieqi tal-bdiewa, jingħata permess ta' temporary parking fis-cycling lane jew isir xogħol biex jinstab spazju għall-parkeġġ ta' vetturi tal-bdiewa li jkunu meħtieġa biex iġorru inġenji jew tgħabija għall-użu tal-istess bdiewa sidien ta' raba’ u dan għaliex illum il-bdiewa ma għandhom l-ebda opportunità li jużaw il-vetturi tagħhom biex ikun possibbli li jaħdmu r-raba’ tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport se tkun qed tiddiskuti internament is-sitwazzjoni li qegħdin jiltaqgħu magħha il-bdiewa fi Triq Buqana sabiex, filwaqt li tibqa' tħares is-sigurtà fit-toroq, tara wkoll li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għal kulħadd.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħalissa fl-Imġarr biex tmur minn Triq l-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit, direzzjoni lejn il-Mosta, wieħed irid ikollu jieħu dawra u jdur mar-roundabout ’il fuq mit-tempji ta’ Skorba u l-knisja taż-Żebbiegħ, meta qabel kien iktar faċli li jsir dan u hemm metodi effiċjenti biex jiġi ffrankat dan id-dewmien żejjed?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għamlet proġett b’investiment ta’ madwar €6 miljun għal aktar sigurezza fi Triq l-Imġarr, ir-rotta prinċipali bejn il-Mosta u l-Imġarr. Din it-triq twila 3 kilometri, li hija wkoll waħda mir-rotot ewlenin lejn in-naħa ta’ fuq (tramuntana) ta’ Malta u li ħafna jirreferu għaliha bħala l-Bypass tal-Imġarr, qabel kienet magħmulha minn karreġġjata waħda b’korsija lejn kull direzzjoni, u bankina wiesgħa fuq naħa li kienet tintuża wkoll bħala korsija għar-roti minkejja li kienet pavimentata.
Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn vetturi li jkunu ġejjin kontra xulxin. F’diversi partijiet minnha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet fiha li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqla’ lil oħra.
Wara diversi appelli li sarulha kemm minn membri tal-pubbliku li spiss jużaw din it-triq, mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u saħansitra minn paramediċi, Infrastructure Malta fasslet proġett biex ittejjeb is-sigurezza ta’ din it-triq u tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti f’din ir-rotta bejn l-Imġarr u l-Mosta. Minbarra li bniet it-triq mill-ġdid kif ukoll il-bankina t-tul kollu tagħha biex tejbet l-aċċess għal min jgħaddi minnha bil-mixi, l-aġenzija ħolqot żewġ karreġġjati separati billi poġġiet bollards u barrikati ġodda li jifirdu l-korsiji li baqgħu waħda f’kull direzzjoni. Dawn il-barrikati jnaqqsu r-riskji li vetturi jinqalbu jew jaħbtu ma' vetturi ġejjin mid-direzzjoni opposta, u b'hekk inaqqsu r-riskji ta' ġrieħi serji. Barra minn hekk, it-triq issa għandha wkoll korsija speċfikament għar-roti fuq kull naħa.
Biex jittejjeb l-aċċess f’din it-triq saru wkoll punti ta’ qsim għal min jgħaddi minnha bil-mixi, kif ukoll inbniet roundabout ġdida fil-junction mat-triq li twassal għall-inħawi ta’ L-Imselliet biex tipprovdi konnessjonijiet aktar siguri lejn iż-żewġ skejjel li hemm f’din iż-żona billi servi wkoll bħala miżura oħra għat-trażżin fis-sewqan.
L-istess proġett kien jinkludi wkoll titjib simili għal aktar sigurezza anke fi Triq Sir Temi Zammit fejn saret roundabout oħra fil-junction ma’ Triq il-Ħżejjen, kif ukoll infetħet triq li kienet skemata li tgħaqqad din it-triq ma’ Triq iż-Żebbiegħ. L-iskema implimentata tal-ġestjoni tat-traffiku, kif approvata minn Transport Malta, hija maħsuba biex tipprijoritizza l-influss prinċipali tat-traffiku u tnaqqas il-konġestjoni fil-ħruġ mill-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit.
B’hekk, dawk li jkunu qed jivjaġġaw lejn it-tramuntana tul Triq Sir Temi Zammit jistgħu jipproċedu għall-Bypass tal-Imġarr jew jibqgħu għaddejjin fl-istess triq, mingħajr ebda ostaklu minn traffiku li jaqsam biex imur fid-direzzjoni tan-nofsinhar. Kull min ikun ħiereġ mill-Imġarr lejn in-nofsinhar jista’ jingħaqad mat-traffiku lejn it-tramuntana, imbagħad jibdel id-direzzjoni fir-roundabout ġdida li saret aktar ‘il fuq. Bħala miżura oħra ta’ sigurtà f’din iż-żona wkoll tpoġġew bollards biex jiggwidaw it-traffiku u hekk jkun evitat li jsir qsim. Għalkemm hija ftit itwal, din ir-rotta hija ferm aktar sigura u effiċjenti waqt li naqqset ir-riskji t’aċċidenti li kien hemm qabel biex wieħed joħroġ mil-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il siġra ġiet maqlugħa biex isiru proġetti infrastrutturali s’issa fis-sena 2022? Kemm tħawlu siġar ġodda minflok dawk li nqalgħu f’dawn il-proġetti? Mis-siġar li nqalgħu biex jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħrajn, kemm ġew salvati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta jkun hemm ħtieġa li jitneħħew siġar minħabba infrastruttura pubblika ġdida, Infrastructure Malta tikkollabora mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex tikseb il-permessi meħtieġa u tiżgura li l-impatt ambjentali jkun l-inqas possibbli. L-aġenzija tagħmel l-almu tagħha biex siġar li jkollhom jitneħħew, sakemm ma jkunux speċi aljeni u invażivi, terġa’ tħawwilhom fl-istess inħawi u fejn dan ma jkunx possibbli jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħra. Apparti siġar li ma kienux speċi indiġeni u protetti, din is-sena kellhom jinqalgħu 58 siġra li mbagħad reġgħu tħawlu mill-ġdid ħafna minnhom f’postijiet oħra fl-istess inħawi u l-aġenzija għadha tieħu ħsiebhom biex tiżgura li jibqgħu jikbru.
L-ERA tobbliga wkoll lill-aġenzija sabiex bħala kumpens, tħawwel għadd ta’ siġar għal kull waħda li titneħħa, kif stipulat fil-liġijiet ambjentali. Madankollu, Infrastructure Malta tagħmel aktar minn hekk, għaliex tħawwel ferm aktar siġar minn kemm tkun obbligata li tagħmel. Fil-fatt, fl-aħħar tliet snin, l-aġenzija ħawlet mal-44,000 siġra u 40,000 arbuxell u pjanti oħrajn f’postijiet urbani u rurali differenti madwar il-pajjiż. Din il-ħidma ambjentali saħansitra kienet tinkludi l-ħolqien ta’ tliet imsaġar ġodda, wieħed f’Bengħajsa, Birżebbuġa ħdejn il-Malta Freeport, ieħor fejn qabel kien hemm niżla wiesgħa li kienet tgħaqqad Triq Reġjonali ma’ Triq il-Wied tal-Imsida u masħar madwar id-dar tal-Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ, li titmexxa minn Caritas Malta. L-aġenzija qed tiżgura wkoll is-servizzi meħtieġa sabiex dawn l-eluf ta’ siġar jibqgħu jissaqqew u jiġu kkurati għal numru ta’ snin, sakemm jaqbdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom.
Persuni li għandhom blue sticker – servizz jew drittijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk il-persuni li għandhom il-blue sticker (persuni b’diżabilità) għandhomx servizzi jew drittijiet ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bħal pereżempju li wieħed ma joqgħodx jistenna fil-kju biex jagħmel check-in? Jekk iva x’inhuma dawn?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2699 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett li nbeda s-sena li għaddiet ġewwa r-Ramla li tagħmel parti mil-lokalità ta’ Wied il-Għajn, hux ser jitkompla fosthom li jsir l-asfaltar tal-parti li fadal?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta, bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb ukoll il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex, bniet mill-ġdid it-tliet mollijiet tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, wara li partijiet minnhom kienu nqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin.
Dawn il-mollijiet twal mal-50 metru ‘l wieħed tant kienu fi stat imwiegħer li kienu qed jipperikolaw saħħet l-għawwiema, d-dilettanti tas-sajd u tad-dgħajjes u persuni oħrajn li jżuru din il-bajja popolari. Wara li reġgħet bniet il-mollijiet, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid ukoll it-triq ta' din ix-xtajta, b'bankini ġodda u titjib ieħor.