Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant ta' Sant' Antnin — informazzjoni

Question

Rigward l-Impjant ta’ Sant' Antnin, jista' l-Ministru jgħid : · kemm qed jiġi prodott renewable electricity mill- biogas ; · kemm qed jiġi prodott kompost biex jiġi risupplit lill-għelieqi; u · jikkonferma li f’kull stadju (24 x 7) id- data relevanti qed tkun on line in real time ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-impjant għadu fi stadju ta’ commissioning u bejn 7,000 u 10,000 kWhr ta’ renewable electricity qed jiġi ġġenerat kuljum. Il-kompost li qed jiġi prodott qedt jintbagħat għat-testijiet biex inkunu nafu l-kwalità tiegħu, għaldaqstant preżentement l-ebda kompost mhu qed jiġi mqassam għal fuq l-għelieqi. Ma hemm l-ebda obbligu statutorju li l-WasteServ tpoġġi dettalji on line.

recycling performance ta' pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jippubblika figuri li juri r-recycling performance ta' pajjiżna minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea sena b’sena u jekk id-data neċessarja tal-waste streams tagħna dejjem kenitx available fil-ħin lill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk Malta jew qattx talbet u/jew ingħatat xi perijodu tranżitorju biex tilħaq dawn ir-recycling targets? Jista' jagħmel dan b’mod komparattiv mal-istati membri ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-istess żmien tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà nazzjonali għaż-żamma ta’ data dwar riċiklaġġ u l-ilħuq ta’ targets tal-Unjoni Ewropea hija tal-MEPA. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Lista aġġornata tal-awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iktar lista aġġornata tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairmen, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallas kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari identika, numru 25309 imressqa mill-istess Interpellant u li ngħatat xahar biss ilu, nhar il-11 ta’ Mejju 2011.

Bormla — naħa ta' Santa Liena - ħsarat fil-pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Ministeru tiegħu rigward il-proġett tal-Awtorità tad-Djar li se jsir in-naħa ta' Santa Liena Bormla fir-rigward l-ħsarat li faċilment jista' jkun hemm fil-pavimentar taż-żonqor u ż-żonqor tal-bankina?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità tad-Djar.

Tas-Sliema — Triq Bisazza - spiża tal-proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa b'kollox il-proġett ta' Triq Bisazza, Tas-Sliema u jagħti breakdown ta' din l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta Triq Bisazza sewa €768,635 maqsuma kif ġej: 1. Xiri ta’ Materjali, nkluż: • Sistemi ta’ Dawl LED, • Siġar u t-tħawwil tagħhom • Bins • Bollards • Funtani • Konkrit • Pajpijiet • Traffic signs • Bricks • Shielded Cables • Steel u Fibre Mesh • Pavimentar u t-tqegħid tiegħu mill-kuntrattur € 453,843 2. Spejjeż tal-ħlas lill-Impjegati tal-Gvern € 199,181 3. Kiri ta’ Inġenji € 12,980 4. Servizzi € 26,231 5. Spejjeż Oħra € 76,220

Tas-Sliema — Triq Bisazza - attivitajiet - flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-attivitajiet relatati mal-ftuħ ta' Triq Bisazza, Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-inawgurazzjoni ta’ Triq Bisazza f’ Tas-Sliema kienet ta’ € 37,200. L-attivitajiet kienu mqassma fuq jumejn, inkluż open day nhar is-7 ta’ Ġunju li minnha gawdew in-negozji taż-żona kummerċjali primarja ta' Tas-Sliema li tħallew joperaw.

Servizz tat-trasport pubbliku — tlestija tax-xogħol ta' ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru/Dipartiment li tiegħu huwa responsabbli, kienx konxju mill-ftehim li kien hemm bejn Transport Malta u l-Arriva biex it-trasport pubbliku jibqa’ jgħaddi minn Triq Bisazza, Tas-Sliema wara li jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar? Kien hemm xi laqgħat ta’ koordinazzjoni dwar din it-triq bejn il-Ministeru/dipartiment tiegħu u l-Transport Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-istqarrija numru 1148 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2011. Kopja ta’ din l-istqarrija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwota ta' sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inħadmet il-kwota tas-sajd li għandna llum il-ġurnata fejn tidħol il-kwestjoni tat-tonn? Jista' jgħid jekk din il-kwota tistax terġa' tiġi negozjata? Jista' jgħid jekk din il-kwota tistax tinbidel minħabba raġunijiet li aħna bħala pajjiż m'għandniex kontroll fuqhom, bħal ngħidu aħna li tkompli tonqos minħabba li jiġi deċiż hekk mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-qabda totali għall-qbid tat-tonn tkun deċiża waqt il-laqgħa annwali ta l-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) maqsuma fi kwoti bejn il- Membri ta’ din l-organizzazjoni. Dan l-ammont f’qabda totali tkun ddeterminata abbażi ta’ studju xjentifiku li jwassal għal parir mogħti lill-ICCAT. L-allokazjoni tal-kwota bejn il-Membri hija bbażata fuq l-qabdiet tat-tonn irregistrati mill-pajjizi konċernati fil-passat u s-sena bażi originali kienet il-qabda rrapurtata fl-1993 jew 1994 skond liema kienet l-aħjar qabda. F’dan il qafas. l-UE tigi allokata kwota waħda li fiha tiġbor lill-pajjiżi membri u li wara tigi maqsuma bejn il-Membri tagħha abbazi tal-qabdiet tat-tonn f’kull pajjiz membru skond tabella ta’ stabbilita relattiva ibbazata fuq il-qabdiet storiċi rrapurtati; skond l-istess linji mħaddma mill-ICCAT. Malta daħlet f’din it-tabella fl-2006 u abbażi tal-qabda rrekordjata, l-kwota li ġiet allokat lill-Malta dak inhar kienet tifforma 1.16% tal-kwota totali tal- Unjoni Ewropea. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-kwota ma tistax terġa’ tigi negozjata fl-ebda stadju ħlief fil-laqgha annwali tal-ICCAT. Id-decizjoni li tonqos il-kwota ma hijiex f’idejn l-Unjoni Ewropea iżda tiġi deċiza fil-laqgha annwali tal-ICCAT. Ir-reviżżjoni mill-ICCAT tal-qabda totali permessibbli hija msejsa biex filwaqt li tiżgura l-andament tal-industrija fl-istess ħin ikun hemm ħarsien tal-ispeċi kontra sfruttament żejjed li jista’ jwassal għall-qerda tal-ispeċi u l-kollass tal-istess industrija tas-sajd. Għaldaqstant wieħed jispera li l-Onorevoli Interpellant jifhem li huwa diffiċli li tiżdied il-kwota tal-qabda meta il-pariri mogħtija fuq xhieda xjentifika jibqgħu jindikaw ħtieġa ta’ aktar tnaqqis.

MRA — budget edukattiv dwar l-enerġija alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kemm qed tonfoq bħalissa fuq budget edukattiv dwar l-enerġija alternattiva? Kemm minnhom ġejjin minn fondi Ewropej? L-Awtorità hija intitolata għal xi fondi Ewropej għal dan l-iskop li għal xi raġuni jew oħra s'issa għadha ma użatx jew applikat għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar-Riżorsi għandha budget edukattiv dwar l-enerġija alternattiva ta’ €542,800 li jridu jintużaw sal-2013. Dan il- budget ġej 85% minn fondi Ewropej.

Sikka l-Bajda — wind data

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi/kumpaniji/entitajiet li xtraw il-wind data dwar is-Sikka l-Bajda li nifhem li kienet tiswa xi €3000?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li sallum ħadd ma għamel talba biex jixtri l-wind data dwar is-Sikka l-Bajda

Impjant ta’ Sant' Antnin — thermal recovery unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-thermal recovery unit li suppost kellu jaħdem 24 siegħa kuljum fl-Impjant ta’ Sant' Antnin huwiex qed jaħdem u jekk iva, meta beda jitħaddem? Kif jinkwadra dan kollu mal-wegħda li dan kellu jissuplixxi l-elettriku kemm lill-impjant innifsu kif ukoll lir-Razzett tal-Ħbiberija, illum imsejjaħ Inspire?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq nigbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi l-Impjant ta’ Sant’ Antnin hemm Combined Heat and Power plant (CHP). Dan il-makkinarju jiggenera kemm elettriku kif ukoll sħana. Bħalissa l-impjant qiegħed fi stadju ta’ commissioning li allura jfisser li CHP mhux qed ikun imħaddem fil-kapaċità massima tiegħu skond il-prattika normali f’impjanti simili matul il- commissioning . Fil-kapaċità limitata temporanja tiegħu dan l-impjant qed jiġġenera ‘waste heat’ biżżejjed biex tintuza fl-operat ta’ l-istess impjant ħalli żżomm it-temperaturi mehtiega. Madankollu, huwa mahsub li ma jdumx ma jintlaħaq livell ta’ operat li jiġġenera sħana bizzejjed biex inkunu nistgħu nofru din l-energija mill-iskart lil-Inspire u entitajiet oħra. Ta’ minn jinnota wkoll li l-gvern, permess tal-WasteServ, diġà reġa’ħareg tenders għal materjal u xogħol meħtieġ biex din l-enerġija tkun tista' titwassal sal-impjant tal-Inspire. Dawn it- tenders kellhom jerġgħu jinħargu wara li l-għotjiet abbażi tal-ewwel sejħiet ma jistgħux jiġu konklużi

Impjant ta’ Sant' Antnin — informazzjoni

Question

Rigward l-Impjant ta’ Sant' Antnin, jista' l-Ministru jgħid: · x’inhu l-volum tal-materjal li qed jiġi fed lit -treatment plant ; · x’inhi l-kompożizzjoni tiegħu; · in- non biodegradable impurities fil -feed qed jiġu mneħħija bl-idejn jew b’mezzi mekkaniċi; · x’inhu l-livell ta' removal efficiency f’termini ta’ plastic , metall, karta u ħġieġ fost komponenti oħrajn; · il-batteriji kif qed jiġu mneħħija; · x’qed jiġri bl- end product bħalissa; u · il-fatt li pajjiżna waqa' daqstant lura f’dik li hija separazzjoni at source , x’effett qed ikollu fuq dan l-operat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhux possibbli li jitkejjel il-volum tal-materjal li qed jiġi trattat. Hija prattika normali li dan l-iskart jigi mkejjel bil-piż. Ghaldaqstant, l-informazzjoni li għandna hi bbażata fuq piż u mhux volum. Il-materjal li jiġi depositat fit-treatment plant hu dak domestiku u l-fdal tal-ħxejjex mill-pitkalija. In-non biodegradable impurities jiġu mneħħija b’mezzi mekkaniċi, u r-removal efficiency hija bejn 85% - 90%. L-impjant hu mgħammar ukoll b’kalamiti biex ineħħu kontaminazzjonijiet oħra. Mill-proċess tal-MTP qed jiġu prodotti l-kompost, li ha jintuża biex issir ir-rijabilitazzjoni tal-landfills; l-energija elettrika, li qed tiġi mitfugha fuq il-grid; l-ilma, li jigi msaffi biex jintuza ghal process tad-digestjoni u l-RDF, li partijiet minnu jigu esportati u l-kumplament għalissa qed jintbagħat fil-landfill. L-impurities, li jissejħu rejects, imorru l-landfill. Mill-process tal-MRF jiġu prodotti l-iskart riciklabbli, li jinbiegħ kull xahar, u kif ukoll l-RDF li jinħazen iżda bħalissa qed jiġi esportat, u rejects li jmorru l-landfill. Rigward data nazzjonali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-awtorità responsabbli biex tirrapporta din l-informazzjoni fuq bażi nazzjonali.

Dipartiment tas-Servizz Veterinarju — sitwazzjoni dwar l-E.coli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tad-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju llum dwar l-E.coli u dan fid-dawl ta' dak li ġie komunikat mill-BBC riċentement dwar l-impatt fuq l-umanità li din il-bacteria qed tikkawża fir-Renju Unit u dan fid-dawl li ħafna mit-turisti fil-gżejjer tagħna jiġu mir-Renju Unit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26664. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu relatata mas-saħħa tal-bniedem lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika

Bajja ta' Għar Lapsi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23084, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment fl-eżami li kellu jagħmel biex jiżdied l-aċċess fil-bajja msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25479.

Budget lill-għaqdiet tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid wara tħabbir fil-budget dwar għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet tal-annimali, jista' jgħid kemm mill-wegħdiet ġew imwettqa, liema ma ġewx imwettqa u kemm ibbaġitja l-Gvern sena b'sena mill-2007 sal-2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 22416.

Dipartiment tal-Agrikultura u Sajd — postijiet ta' promozzjonijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu postijiet ġodda ta' promozzjonijiet fid-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd matul iż-żmien ta' bejn Awwissu 2010 u April 2011? Kemm kien hemm applikanti għal dawn il-postijiet u fuq liema mertu ttieħdu dawn il-postijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat illi bejn Awwissu 2010 u April 2011, inħarġu 29 sejħa għal promozzjonijiet ġodda fid-Dipartimenti tal-iŻvilupp Rurali u Akwakultura, Regolazzjoni tal-Biedja u s-Sajd u fl-Aġenzija għall-Pagamenti li qabel kienu magħrufa bħala Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ sejħiet u n-numru tal-applikanti għal kull sejħa. Il-postijiet jimtlew wara li ssir intervista minn Bord tal-Għażla kif approvat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Il-Bord jimxi fuq proċeduri ffissati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Dipartiment tal-Biedja u Sajd — diretturi ġenerali, diretturi u managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni konċernati li għandhom pożizzjoni ta' tmexxija bħala diretturi ġenerali u diretturi u managers fid-Dipartimenti tal-Biedja u Sajd? Min huwa responsabbli għal liema settur u jekk sarux xi tibdil fil-posts li kienu okkupaw xi diretturi dan l-aħħar tliet xhur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda il-lista ta’ diriġenti għal dak li kien id-Dipartiment tal-Biedja u Sajd fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, kif mitluba fil-mistoqsija parlamentari. Matul dawn l-aħħar tliet (3) xhur kien hemm Direttur wieħed li rriżenja għal raġunijiet personali, u minfloku ġie assenjat uffiċjal ieħor biex jagħmel xogħol ta’ Direttur deputising .

Kummissarji tal-Azzjoni dwar il-Klima — żjara f'Malta

Question

Billi l-Kummissarju tal-Azzjoni dwar il-Klima bħalissa qiegħed iżżur stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li żżur Malta kif nifhem li kien ippjanat sabiex anke tiltaqa' kif għadha kif iltaqgħet f'pajjiżi oħrajn mal-stakeholders ewlenin u l-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej tal-pajjiżi rispettivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien stidint lil-Kummissarju tal-Azzjoni dwar il-Klima biex iżżur Malta u diġà kien hemm kuntatt mal-uffiċċju tagħha sabiex jinstabu dati addatati sabiex din iż-żjara tkun tista’ seħħ .

Upgrading ta' pompi tal-petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid min stabbilixxa ċ-ċifra ta' €25 miljun bħala spiża li trid tintnefaq fuq upgrading ta' pompi tal-petrol? Jista' jgħid kif ġiet stabbilità din iċ-ċifra u jekk din ġietx kollaborata ma' stimi oħra? Jista' jgħid x'ġara mill-fond li kien twaqqaf mill-Korporazzjoni Enemalta biex suppost jagħmel tajjeb għal din l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari hija identika kelma b’kelma għall-mistoqsija numru 26287 imressqa mill-Onorevoli Gino Cauchi u mwieġba f’seduta 350. Għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għaliha

San Pawl il-Baħar — bajja tal-għażżenin - tindif

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-bajja tal-għażżenin, ħdejn l-iskola primarja tal-gvern ta' San Pawl il-Baħar, fejn hemm il-club tal-windsurfing, titnaddaf, u jieħdu ukoll il-passi neċessarji biex titranġa r-rampa tal-aċċess għall-istess bajja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ tindif fil-bajja msemmija diġà sar. Ngħarrfu wkoll li din tkun imnaddfa regolarment. Fil-preżent il-ħaddiema responsabbli qegħdin fuq progamm ta’ tneħħija tal-alka min fuq il-bajjiet kollha. Wieħed għandu jgħid li għalkemm tista’ toħloq inkonvenjent lill-għawwiema, l-alka tagħmel ġid kemm għaż-żamma tar-ramel fuq ix-xtajta kotra l-eruzzjoni mill-mewġ qawwi kif ukoll toħloq mikro-ambjent għal numru ta’ ħlejjaq li jgħixu fuq ix-xtajta. Ta’ min ifakkar ukoll l-alka tinġabar partikolarment meta jkun ir-riħ akkumpanjat minn baħar qawwi fid-direzzjoni tal-art. Mhux l-ewwel darba li bajjiet li ġew imnaddfa mill-alka, reggħu jintlew minhabba ir-riħ qawwi bħal ma għamel dan l-aħħar. Għalkemm ninsab infurmat li nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju din il-bajja kienet imnaddfa, ma nistax’ niggarantixxi li sa dan il-mument ma reġax inġabar xi alka. Għar-rigward tar-rampa imsemmija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa saret spezzjoni fuq il-post biex ikun evalutat x’hemm bżonn isir biex f’qasir żmien dan isir.