Legislature:
Category:
Reset
Active:

Looked After Children Service – social welfare professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-caseload tas-social welfare professionals fil-Looked After Children Service (LAC) f’Lulju 2023?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, kif weġibt f’għadd ta’ tweġibiet għal interpellanzi oħra lil diversi membri ta’ din il-Kamra, hija proċedura stabbilita tal-FSWS għal numru ta’ snin minħabba raġunijiet marbuta mal-validità u l-integrità tal-istatistika u data li tinġabar minnha, l-istatistika tal-istess Fondazzjoni tiġi ppubblikata darbtejn fis-sena. Jiġifieri, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti u li, għaldaqstant, tkun ippubblikata bejn Awwissu u Settembru tas-sena kurrenti waqt li għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena l-istatistika tkun ippubblikata bejn April u Mejju tas-sena ta’ wara. Għaldaqstant, mhux possibbli li dan it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanta jingħata f’dan l-istadju.

FSWS — Studenti tal-Masters in Social Work

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4916, fejn intqal li minn mindu tnieda l-Masters fis-Social Work (MSW) fl-2018, 36 student bdew, u wħud komplew, dan il-kors, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-istudenti kienu impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) meta bdew il-kors tal-MSW?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha f’din il-mistoqsija parlamentari kien hemm żewġ (2) impjegati li għamlu l-kors imsemmi u baqgħu impjegati magħna, waqt li l-FSWS ingaġġat ukoll żewġ (2) impjegati oħra li għandhom il-kwalifika tal-MSW. Minbarra dawn l-erba’ (4) impjegati bil-kwalifika tal-MSW, għandi pjaċir ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellanta li preżentament hemm seba’ (7) impjegati li qed isegwu dan il-kors li jwassal għall-grad akkademiku ta’ Master in Social Work (MSW). Dan huwa riżultat tal-impenn tal-management tal-FSWS li jippubbliċiżża dan il-kors ta’ studju fost l-impjegati meta jkun se jiftaħ u anki li jagħmel l-arranġamenti mal-impjegati konċernati ħalli jkunu jistgħu jattendu għall-kors. Irid ikun iċċarat li waqt li l-FSWS tagħmel dak kollu possibli biex tħeġġeġ lill-impjegati japplikaw kemm għal dan il-kors u kemm għal korsijiet oħra ta’ studju, id-deċiżjoni aħħarija tibqa’ tal-individwu. Fil-kuntest partikolari ta’ dan il-Masters in Social Work irid jingħad ukoll li kemm jiġu aċċettati studenti u min jiġi aċċettat huwa għal kollox f’idejn id-Dipartiment tal-Ħidma Soċjali u Politika Soċjali fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri tas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta.

Carers grant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex ġenitur jikkwalifika għal carers grant (ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb lil uliedhom minħabba d-diżabilità severa tagħhom)? Jista’ jgħid ukoll kemm-il ġenitur ikkwalifika għal din il-grant fis-sena 2021, 2022 u 2023 u kemm kienet in-nefqa għal kull sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġenituri li ma jkunux jaħdmu minħabba li jkunu jieħdu ħsieb wild li jkun qiegħed jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, jkunu ntitolati għal Carers Grant li ġiet introdotta għall-ewwel darba fis-sena 2021 u titħallas fl-ekwivalenti ta’ nofs il-Paga Minima Nazzjonali. It-tabella li ssegwi tirreferi għan-numru ta’ benefiċċjarji u n-nefqa għas-snin 2021, 2022 u 2023. Għotja għall-Carers Benefiċċjarji Nefqa 2021 421 €129,600.00 2022 442 €231,800.00 2023 449 €1,435,307.50

Looked After Children Service – Riżenji ta’ social workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw social workers mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2023 sal-lum kien hemm 3 Social Workers illi rriżenjaw mis-servizz tal-Looked After Children (LAC). Tnejn minn dawn kienu ilhom aktar minn 3 snin jaħdmu mal-Looked After Children, waqt li Social Worker oħra (ta’ nazzjonalità barranija), irriżenjat wara ġimgħa.

Looked After Children Service — Riżenji ta’ social welfare professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw social welfare professionals mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha kien hemm biss Social Welfare Professional wieħed / waħda biss li rriżenja/t mis-servizz li qiegħda tirreferi għalih.

Looked After Children Service – Trasferimenti ta’ Social Workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti social workers mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-FSWS, bħal kull entità oħra governattiva, meta tagħmel il-kuntratt tal-impjieg ma’ kull impjegat ġdid għandha kuntratt standard li, fost l-oħrajn, jindika li l-impjegat qed jiġi impjegat mal-Fondazzjoni u mhux ma’ servizz partikolari u li, għad li jkun indikat servizz partikolari bħala first place of employment, dik mhux assenjazzjoni għal dejjem, imma l-impjegat jista’ jiġi trasferit skont l-esiġenzi tas-servizz. Minkejja dan, il-prassi hija li la impjegat ikun sejjer tajjeb u ma jkunx hemm raġunijiet straordinarji biex impjegat jiġi trasferit dan ma jsirx ħlief jekk l-esiġenzi jitolbu hekk jew issir talba mill-impjegat innifsu. Ilum l-prassi hija li ħlief jekk ikun assolutament meħtieġ għall-esiġenzi tas-servizz, ma jsirux forced moves. Għaldaqstant, bħalissa fis-servizz indikat mill-Onor. Interpellanta, hemm 3 impjegati li qed jitolbu transfer. Ovvjament dawn it-talbiet jintlaqgħu meta jkun hemm post/vakanza fis-servizz li wrew ix-xewqa li jmorru fih u meta ukoll ikun hemm min jissostitwixxihom.

Looked After Children Service – Trasferimenti ta’ Social Welfare Professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti social welfare professionals mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha, kien hemm talba waħda biss għal transfer minn dan is-servizz mill-kategorija ta’ impjegati msemmija fil-mistoqsija tagħha.

Child Protection Services – Taħriġ lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bil-lista tat-taħriġ speċjalizzat, inkluż il-units jew it-temi, li jingħataw lill-ħaddiema meta jibdew fiċ-Child Protection Services? Jista’ jispeċifika wkoll il-kategorija tal-ħaddiema li jiġu msejħa biex jattendu dan it-training?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’ topics li dwarhom jingħata taħriġ lill-ħaddiema meta jibdew jaħdmu fid-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri hija kif qed ikun elenkat hawn taħt, u għaldaqstant it-taħriġ jikkonsisti fl-areas u dwar is-suġġetti elenkati: 1. Working at CPS, 2. Preparing for Courts, 3. Child Development, 4. Hidden Challenges: The Professionals' Role - Knowledge and Practices, 5. Baby Basic Care, 6. Working with Neglectful Parents, 7. Attachment, 8. Trauma-informed practice, 9. Child Abuse & Neglect - What is Maltreatment? 10. Sexual Abuse, 11. Parental Alienation, 12. Substance Misuse in Pregnant Users & Parents, 13. Recognising Non-Accidental Injuries, 14. Forensic Interviewing, 15. Assessment Framework & Dept. of Health Review Tools (UK), 16. Ontario Assessment Tools, 17. Tools for Working with Children, 18. SDM (Strategic Decision Making), 19. Basic principles of forensic psychology, u 20. L-induction training ġeneriku li jingħata lill-impjegati ġodda kollha li jiġu ingaġġati mill-FSWS.

Looked After Children Service — Dettalji tat-taħriġ speċjalizzat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bil-lista tat-taħriġ speċjalizzat, inkluż il-units jew temi, li jingħataw il-ħaddiema meta jibdew fil-Looked After Children Service (LAC)? Jista’ jispeċifika wkoll il-kategorija tal-ħaddiema li jiġu msejħa biex jattendu dan it-taħriġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, s-servizz tal-Looked After Children huwa servizz speċjalizzat li jaħdem ma’ tfal f’kura alternativa. Għaldaqstant, kull ħaddiem f’dan is-servizz matul l-2023 ingħata s-segwenti taħriġ: 1. Taħriġ fuq ir-reintegrazzjoni, l-assessjar u s-servizz li jista’ jingħata li kull familja li tkun qed tipprepara biex terġa’ tilqa’ fi ħdanha lil ulied, 2. Taħriġ fuq il-ħidma maż-żgħażagħ li għandhom diversi diffikultajiet, 3. Taħriġ fuq gender and sexual diversity in adolescents, 4. Taħriġ fuq l-effetti ta’ sustanzi illeċiti fuq iż-żgħażagħ, 5. Taħriġ fuq il-liġi tat-tfal li daħlet fis-seħħ għall-ewwel darba fl-2020, 6. Taħriġ fuq l-użu tal-internet b’mod san għat-tfal u żgħażagħ b’kollaborazzjoni ma’ Be Smart Online, 7. Taħriġ fuq assessjar speċjalizzat mħaddem mill-Looked After Children li jgħin sabiex jiġu assessjati l-possibilitajiet ta’ re-integrazzjoni (North Carolina Risk Assessment), 8. Taħriġ fuq l-għan tas-servizz tal-SAV, dwar Smart Goals li jridu jiġu identifikati mill-Looked After Children sabiex l-aċċess ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal jilħaq l-għanijiet mixtieqa, 9. Taħriġ fuq l-aspetti Soċio-Mediċi ta’ tfal li esperjenzaw diversi trawmiet f’ħajjithom, 10. Taħriġ fuq Bruises/ signs of abuse, 11. Taħriġ fuq therapeutic parenting mis-Centre of Excellence in Child Trauma tal-Ingilterra. Nixtieq nelenka li, minbarra t-taħriġ li qed issir referenza għalih aktar ‘l fuq, is-social welfare professionals li jaħdmu fil-Looked After Children ingħataw u jingħataw ukoll taħriġ iktar speċifiku. Dan jinkludi: 1. Taħriġ fuq Social Work skills/principles/values, 2. Taħriġ fuq il-liġi iktar intensiv, 3. Taħriġ fuq North Carolina Risk Assessment ; liema assessjar pero’ dawn ma jistgħux jagħmluh waħedhom iżda biss taħt is-superviżjoni stretta ta’ social worker, u 4. Inbeda wkoll taħriġ, mogħti mill-Universita’ ta’ Malta lis-Social Welfare Professionals li jaħdmu fil-Looked After Children, speċifikament fuq Trauma informed practice. Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, matul dan ix-xahar ta’ November, hemm ukoll iktar taħriġ ippjanat, li jinkludi: 1. Strategies and Solutions workshop (Centre of Excellence in Child Trauma, UK), u 2. Ser jingħata taħriġ fuq Positive parenting. Inżid ukoll li, kull ħaddiem jingħata wkoll l-opportunità jattendi: 1. First aid course, 2. Paediatric First aid, 3. Mental health first aid. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, din ma hijiex il-lista sħiħa tat-taħriġ li jingħata, hekk kif it-taħriġ jiġi mogħti u assenjat kontinwament skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tas-servizz. Ngħalaq billi ninforma lill-Onor. Interpellanta li, is-social welfare professionals tal-Looked After Children Service, minkejja dan it-taħriġ, xorta jeħtieġ li jaħdmu taħt il-gwida tal-key workers li huma kollha social workers. Ir-rapporti u l-assessments huma kollha monitored u ffirmati minn social workers li josservaw x-xogħol li jkun sar. Diversi interventi jsiru wkoll bl-assistenza diretta tas-social workers li huma assenjati ma’ kull social welfare professional. Dan kollu jgħodd b’mod esklussiv ghall-Looked After Children Service.

Tax Deduction fil-pensjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9431 dwar it-tax deductions fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali msemmija fl-aħħar żewġ baġits, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dawn it-tax deductions għadhom ma ħarġux?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed fl-aħħar fażijiet tal-ittestjar tas-sistema awtomizzata ta’ kif jitħaddem dan il-mekkaniżmu biex it-tax deductions ikunu skont l-Avviż Legali.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Nefqa fuq reklmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Att dwar is-Sigurtà Soċjali — Appelli pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12396, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir minn naħa tal-Ministeru tiegħu sabiex in-numru ta’ appelli pendenti quddiem l-Arbitri, kif ukoll appelli li sallum għadhom ma ġewx appuntati, jara li jitnaqqsu drastikament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din is-sena kien appuntat arbitru ieħor biex kemm jista’ jkun jitnaqqas in-numru ta’ każijiet li għadhom ma ġewx appuntati. Fil-fatt fil-preżent hemm 11-il arbitru. Tajjeb li nżid li mhux kull każ ikun l-istess u filwaqt li xi wħud mill-każi jiġu deċiżi malajr, il-biċċa l-kbira minnhom ikunu jirrikjedu aktar minn seduta waħda biex ikunu konklużi, ġieli anke erbgħa jew aktar. Dan isir sabiex l-appellant jingħata l-opportunità kollha li jissostanzja l-każ tiegħu. Dan naturalment ikompli jtawwal il-proċess.

FSWS – SOCIAL WORKERS U SOCIAL WELFARE PROFESSIONALS

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5795, fejn il-Ministru jagħti x’jifhem li l-job descriptions tas-social workers u l-job descriptions tas-social welfare professionals huma l-istess mal-entitatjiet kollha fejn jaħdmu s-social workers u s-social welfare professionals fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm tip wieħed ta’ job description kemm għas-social workers u kemm għas-social welfare professionals fi ħdan l-FSWS? Jekk hemm job descriptions ta’ social workers u social welfare professionals differenti ta’ units differenti, jista’ l-Ministru jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

FSWS – SOCIAL WELFARE PROFESSIONALS

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9368, fejn intqal li hemm madwar 120 social welfare professional, jista’ l-Ministru jgħid f’liema units tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) jaħdmu s-social welfare professionals? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm social welfare professionals f’kull unit u kemm-il każ hemm assenjat fuqhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Benefiċċji Soċjali — Persuni li jirċievu benefiċċji f’isem ħaddiehor

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11765 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u jgħid jekk hemmx istanzi fejn hemm persuni li jirċievu l-benefiċċji soċjali f’isem jew f’kontijiet ta’ persuni qraba tagħhom u mhux f’isem il-persuna li hi eliġibbli għal għajnuna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jkollux informazzjoni jekk il-kont bankarju li jipprovdi l-benefiċjarju jkunx tiegħu jew inkella ta’ xi qraba tiegħu. Madanakollu, irrid inżid li, id-Dipartiment jesiġi li l-kont bankarju pprovdut jkun tal-benefiċjarju u li l-kont ikun wieħed ta’ tfaddil jew inkella kurrenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-banek ma jgħaddulniex informazzjoni jekk il-kont bankarju ikunx filfatt tal-benefiċjarju jew le. Huwa importanti dejjem li l-benefiċċjarju jara li n-numru tal-kont bankarju li jipprovdi ikun tajjeb, u li jinforma lid-Dipartiment mill-ewwel f’kas li ikun ser jibdel il-kont bankarju tiegħu.

Pensjonijiet ta’ persuni b'diżabilità – Tibdil fil-liġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux mistenni li jsir fil-futur qarib tibdil fil-liġijiet dwar il-pensjoni ta' persuni b'diżabilità, biex dawk il-persuni b'diżabilità severa (li sal-lum jistgħu jaħdmu u fl-istess ħin jingħataw il-benefiċċji) li jilħqu l-età pensjonabbli fil-fatt ikomplu jirċievu l-istess benefiċċji, minkejja li jkunu qed jieħdu l-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Shelter Homes – Lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa Maltin, nisa barranin u tfal jgħixu f'shelter homes? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-lista ta' stennija għal dawn ix-shelters?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, qiegħed nifhem li bil-frażi shelter homes huwa qed jirreferi għall-homeless shelters. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-istatistika disponibbli għal kemm hemm nisa Maltin, nisa barranin u tfal jgħixu f’homeless shelters, hija dik għal bejn 1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju, 2023, kif qed ikun preżentat fit-tabella t’hawn taħt: Nisa u Tfal li kienu riferuti fil-Homeless Shelters bejn Jannar u Ġunju 2023 Maltin Barranin Total Nisa 63 43 106 Tfal 27 23 50 Każijiet pendenti 8

Shelter Homes — Lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa Maltin u kemm barranin, kif ukoll tfal fuq il-lista ta' stennija biex jidħlu f'shelter homes? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha fuq din il-lista ta’ stennija l-iktar applikazzjoni antika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li billi s-sors aħħari tat-tagħrif mitlub minnhu mhuwiex entità tal-Gvern imma l-NGOs li jipprovdu dan is-servizz u billi dawn ma jżommux id-data tagħhom kollha fil-format li jixtieq hu, ninfurmah li ma għandix aktar x’inżid mat-tagħrif li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 11329.

Servizz.gov – Uffiċċju f’San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru ser ikunu qed jingħataw mill-uffiċċji tas-‘servizz.gov’ li nfetaħ ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid liema minn dawn is servizzi kienu jingħataw mill-uffiċċju tal-Qawra? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi li kienu jingħataw mill-Qawra hux ser jibqgħu jingħataw minn hemm ukoll?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.