Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9906 u cioè: Billi mill-programm "Irrid Nistaqsi" mxandar fuq Radju RTK ta' 23 ta' Ġunju, 2009 ħareg ċar li t-tnaqqis fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ sar mid-Direttur tas-Saħħa Primarja, li ismu qed jintbagħat separatament, u billi l-istess Direttur diversi drabi jsemmi riforma li se jagħmel fil-qasam tas-saħħa primarja, fosthom fil-bereġ, jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tnaqqis ta' ġranet u ħinijiet tal-bereġ kollha f'Malta beda mill-ġimgħa ta' qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali u ma tħalliex għal meta ssir din ir-riforma?
Sistema teknoloġika mqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9907 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bereġ ikollhom ukoll sistema teknoloġika (computers) imqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet biex fost oħrajn ikun faċilitat ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera (partikolarment fejn jidħlu appuntamenti)? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan isir u wasalx allura ż-żmien li l-infermiera jibdew jingħataw it-taħriġ li għandhom bżonn?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9462 u jgħid billi dan l-aħħar ġranet kien hemm bdil fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ:
a) x'inhuma l-ġranet u l-ħinjiet ġodda tal-bereġ kollha f'Malta?
b) x'kienu l-ġranet u l-ħinjiet kollha f'Malta qabel dan it-tibdil?
ċ) kemm tnaqqas il-ħin ta' kull berġa kull ġimgħa?
Jista' jgħid x'kien in-numru ta' pazjenti li attendew il-bereġ fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Minn dan it-total, kemm minn dawn il-pazjenti attendew il-bereġ:
a) biex jaraw it-tabib?
b) biex jaraw l-infermiera?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijet il-ġodda tax-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? X'inhuma l-ħinijiet il-ġodda tax-xogħol tat-tobba f'kull berġa? Fil-ħinijiet imnaqqsa lillhom, it-tobba u l-infermiera fejn qed jirrapportaw għax-xogħol?
Jista' jgħid x'wassal lid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja jagħmel tibdil fix-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? Dan it-tibdil kien approvat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali? Għaliex dan it-tibdil kellu jsir issa u wieħed ma stenniex li jagħmlu meta jitlestew fost l-oħrajn id-diskussjonijiet mat-tobba u r-riforma prevista fiċ-Ċentri tas-Saħħa? Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kkonsulta mal-unions tat-tobba u l-infermiera dwar dan it-tibdil u jekk fl-affermattiv, x'kienet il-pożizzjoni ta' kull union? Għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma avżax minn qabel (fost oħrajn permezz ta' press release u avviż fuq il-mezzi tax-xandir) dan it-tibdil u riżultat li fejn ma tteħditx inizjattiva mill-infermiera responsabbli mill-bereġ li qabdu u ċemplu lill-pazjenti li kellhom in-numru tat-telefon tagħhom, dawn marru bħas-soltu għall-appuntament mat-tabib jew biex jaraw l-infermierta u sabu l-bieb magħluq? X'inhu jsir mill-appuntamenti li kienu saru qabel fil-ġranet u ħinijiet li fihom issa l-bereġ m'humiex jinfetħu? Jidhirlu l-Ministru li l-erba' minuti allokati għal kull pazjent quddiem it-tabib huma biżżejjed?
Hemm ħsieb li fir-rigward tal-bereġ, ikun hemm xi tibdil ieħor fil-ġranet, ġimgħat jew xhur (short jew medium term) li ġejjin u jekk fl-affermattiv, x'se jkun dan it-tibdil?
L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini out of stock
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn mediċini out of stock illum? X'tip huma? Kemm minn dawn huma out of stock fl-ispiżeriji li huma parti mill-iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek?
l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — Spiżeriji li m'għadhomx fl-iskema
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx spiżeriji li daħlu fl-iskema tal-l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u li m'għadhomx fl-iskema? Jekk iva, f'liema lokalitajiet huma? Jista' jgħid ukoll kemm hawn persuni li qalbu mill-ispiżerija li għażlu oriġinarjament għal xi oħra?
Persuna li taħdem f'home tal-anzjani u ma tirrapportax għax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga u jieħu l-passi neċessarji sabiex il-persuna li taħdem f'home tal-anzjani jumejn ġewwa u jumejn barra, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma tibqax tabbuża u tippreġudika lil sħabha l-oħra billi ma tirrapportax għax-xogħol fil-ġranet li jmissha tidħol, imma nonostante tirraporta għax-xogħol filgħaxija fl-ingaġġ ta' kuntrattur u xorta titħallas tal-jumejn li ma tkunx daħlet għalihom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm naqsu l-waiting lists għall-operazzjonijiet matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2009? Kemm kienu fil-bidu tas-sena u kemm kienu wara ħames xhur il-waiting lists għall-operazzjonijiet tal-kataretti u tal-hip/knee replacements?
Nies kwalifikati li jistgħu jaħdmu — informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu bejn l-età ta' 15 u 35 sena, 36 u 59 sena u minn 60 sena 'l fuq? Kemm hemm nies f'kull kategorija li jikkwalifikaw li jekk iridu jistgħu jaħdmu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mogħtija hija dik ta’ Novembru 2008 peress li dik hija l-aħħar li ġiet ppublikata mill-NSO.
Tabella A turi kemm kien hemm nies jaħdmu f’Novembru 2008 maqsuma skond l-etajiet kif jiġu miġbura mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
Tabella A
Eta'
Total
16-34
64,273
35-44
31,716
45-54
31,658
55-64
16,695
Total
144,342
Tabella B turi kemm hemm nies f’kull kategorija li jikkwalifikaw li jekk iridu jistgħu jaħdmu.
Tabella B
Eta'
Total
16-34
114,293
35-44
51,062
45-54
59,845
55-64
59,691
Total
284,891
Jista' l-Ministru jgħid kemm nies ġodda ġew identifikati matul l-ewwel erba' xhur tas-sena 2009 bħala persuni li għandhom l-HIV positive? Kull wieħed li jiġi identifikat HIV positivekemm jiġi jiswa bħala kura fix-xahar u jekk dik il-kura tingħatax b'xejn mid-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2009, fil-laboratorjii tal-isptar Mater Dei ġew identifikati tmien kampjuni ta’ demm li kienu seropositive. Minn dawn ħamsa kienu HIV 1 u tlieta kienu HIV 2. Wieħed irid jinnota li billi dawn it-testijiet jiġu rikjesti fuq bażi anonima, jista’ jkun li wħud minnhom ikunu tal-istess pazjent.
Informat ukoll li mhux kull pazjent li jirriżulta HIV positive ikollu bżonn trattament. Dan jingħata b’xejn mid-Dipartiment tas-Saħħa skond l-iskema tas-Schedule V u skond protokolli approvati mid-Dipartiment tal-Pharmaceutical Policy and Monitoring. Dan it-trattament jiswa madwar €910.20 fix-xahar għal kull pazjent.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni meqjusa bħala refuġjati li għandhom permess regolari li jaħdmu f’pajjiżna? Tinżamm statistika ta’fejn huma mpjegati? Minbarra dawk li għandhom status ta’ refuġjati, jista' jgħid jekk hemmx persuni oħra li huma/kienu immigranti irregolari li għandhom tali permess?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-nurmu ta’ persuni meqjusa bħala refuġjati li għandhom permess regolari li jaħdmu f’pajjiżna hu ta’ 50.
Informat ukoll li tinżamm statistika ta’ fejn huma mpjegati. Minbarra dawk li għandhom
status
ta’ refuġjati, hawn 1,266 persuna oħra li huma immigrant irregolari li għandhom tali permess
Sidien li nqabdu jimpjegaw immigranti illegali mingħajr permess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu sidien mill-1 ta’ Jannar 2009 ‘l hawn impjegaw immigranti illegali mingħajr permess? X’passi ttieħdu kontrihom? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm każi fejn instab li dawn il-ħaddiema ma ngħatawx il-paga kif stipulata skond il-ligi? Jekk iva, kemm kienu u x'xogħol kienu qed jagħmlu? X’passi ttieħdu kontra s-sidien?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Ispettorat tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ jindaga u jinvestiga dwar il-permess tax-xogħol ta’ persuni barranin misjuba jaħdmu fuq post tax-xogħol.
Informat ukoll li minn Jannar 2009 sa Mejju 2009, l-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sabu dawn il-barranin jaħdmu mingħajr permess:
E.U.
Non-Eu
Total
Jannar
22
30
52
Frar
14
15
29
Marzu
17
11
28
April
11
8
19
Mejju
16
16
32
Total
80
80
160
It-tip ta’ xogħolijiet li fihom instabu jaħdmu dawn il-barranin, kienu hekk:
Konstruzzjoni - 11; Catering - 129; Bejgħ - 14; Servizzi - 5; Trasport -1
F’ċerti każijiet, l-ispezzjonijiet saru direttament flimkien mal-pulizija tal-Immigrazzjoni. Il-Korporazzjoni tipproċedi, permezz tal-pulizija, bil-Qorti kontra min iħaddem, skond Avviż Legali 110 tal-1993.
Il-Korporazzjoni tax-Xoghol u Taħrig mhix responsabbli li tinvestiga dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol mogħtija lill-ħaddiema barranin.
Persuni li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Jannar 2009 ‘l hawn kemm kien hemm persuni li nqabdu jaħdmu waqt li kienu jirreġistraw? Kemm kienu nisa u kemm irgiel? Jista’ jgħid minn liema lokalità kienu? X’passi ttieħdu kontrihom?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom aktar minn 45 sena u li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm hemm minn dawn il-persuni li ilhom jirreġistraw:
a) inqas minn sitt xhur?
b) bejn sitt xhur u sena?
ċ) bejn sena u sentejn?
d) bejn sentejn u ħames snin?
e) iktar minn ħames snin?
Hemm xi programm partikulari għal dawn in-nies biex jirritornaw għax-xogħol kemm jista' jkun malajr?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ċentri li l-Aġenzija Sapport, u aġenziji oħra governattivi għandhom madwar Malta u Għawdex biex fil-fatt jagħtu s-sapport tagħhom lil dawk ir-residenti li għandhom ħtieġa ta' għajnuna partikolari? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi sistema partikolari biex permezz tagħha dawk li għandhom bżonn din l-għajnuna fil-fatt jersqu 'l quddiem u jitolbuha?
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-individwu li għandu 70 sena u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux qed jieħu pensjoni? Jista’ jara wkoll li dan jigi kkuntattjat bil-għan li jirregola l-bżonnijiet meħtieġa?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jirrimedja l-problema li l-anzjan b'diżabilità li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jiffaċċja mad Dipartiment u cioè li la qed jingħata benefiċċju tal-mard u agħar minn hekk qed jiġi mitlub jirrifondi l-flus li huma dovuti lilu bi dritt taħt l-iskema tas-sickness benefits ?
Billi fil-mument dan l-individwu jeħtieġ urġenti l-flus għall-kura sabiex jieħu ħsieb saħħtu fl-eta ta' 69 sena u dan minkejja li huwa wkoll bla saqajn, jista l-Ministru jitratta u jirrimedja l-każ imsemmi immedjatament?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema oqsma il-Gvern ħoloq in-numru ta' impjiegi li jgħid li ħoloq matul is-sena 2008? Kemm attwalment ġew maħluqa impjiegi matul din is-sena u kemm minn dawn l-impjiegi kienu fuq bażi ta' full-time u fuq bażi ta' part-time?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.