Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3795, jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu persuni li ġew identifikati li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali mis-sena 2014 sad-data tal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mis-sena 2015 sal-21 ta’ Mejju 2018, l-Awtorita` tad-Djar sabet 26 persuna li ġew identifikati li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi statistika qabel is-sena 2015 ma kinitx tinżamm.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali– Data Protection Officers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali inkluż dawk l-uffiċjali f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, inkluż dawk l-uffiċjali f’kull entità, dipartiment u awtorità, li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer huwa ta’ 22. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju 2018 u għaldaqstant il-ministeru, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha qed jaġġornaw il-listi skont il-provedimenti tar-Regolament.

Awtorità tad-Djar – bini ta’ units tal-housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu mibnija units tal-housing fl-erba’ snin li ġejjin f’Għawdex min-naħa tal-Gvern jew l-Awtorità għad-Djar u f’liema lokalità ġewwa Għawdex se jinbnew dawn il-units? Jista’ jgħid bħalissa f'Għawdex fejn hemm xogħol għaddej fuq bini ta' units ġodda ta' housing soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li numru ta’ appartamenti ser ikunu disponibbli f’Għawdex permezz tal-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, il-Ministeru għal Għawdex għaddej b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati għal proġett ta’ housing soċjali f’Għawdex. Għal aktar informazzjoni ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill- Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar – twaħħil ta’ lifts fi djar privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu lifts fi djar privati bl-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar għall-persuni anzjani u bi bżonnijiet speċjali f’dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jindika kemm kien l-ammont komplessiv li ntefaq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar matul dawn l-aħħar ħames snin, approvat u ffinanzjat l-istallar ta’ 154 lift jew stairlift ġewwa proprjeta` privata, b’nefqa ta’ €648,604.27.

Awtorità tad-Djar – allokazzjonijiet ta’ appartamenti proprjetà tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sistema u proċedura qiegħda tiġi pprattikata sabiex jiġu allokati appartamenti proprjetà tal-Gvern lill-applikanti li qegħdin fil-lista ta’ stennija mal-Awtorità tad-Djar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar qiegħda tuża l-istess policies preċedenti, sabiex jiġu allokati postijiet għall-akkommodazzjoni soċjali. Madankollu, kull każ għandu jingħata l-attenzjoni meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi u l-prijorità tiegħu.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Soldiarjetà Soċjali – radio advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ; Nefqa 2013 fuq Radio Advertising - €2,473.74 Nefqa 2014 fuq Radio Advertising - €2,050.68 Nefqa 2015 fuq Radio Advertising - €15,410 Nefqa 2016 fuq Radio Advertising - €12,210 Nefqa 2017 fuq Radio Advertising - €1,714.05 Nefqa 2018 sa April 2018 fuq Radio Advertising - €12,504.60. L-ammont totali minn Marzu 2013 sa April 2018 huwa €46,363.07.

Akkomodazzjoni Soċjali – każ ta’ anzjana

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn din l-anzjana toqgħod fir-raba’ sular u s-saħħa tagħha qiegħda tmur lura u li għaxar snin ilu applikat għall-akkomodazzjoni soċjali imma s’issa għadha mingħajr risposta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar diġa infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub, għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali — rwoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’inhuma l-irwoli tad-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali? Kemm hemm assessuri impjegati mad-dipartiment sabiex jaraw li min qed jipprovdi s-servizzi, jimxi mal-istandards nazzjonali elenkati fis-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali, huwa regolatur ta’ servizzi tal-ħarsien. Għaldaqstant id-Dipartiment għandu dawn l-irwoli : - Isiru spezzjonijiet kemm fid-Djar Residenzjali u aġenziji - Issir riċerka dwar il-kwalita` tas-servizz - Issir riċerka u tinġabar informazzjoni - Isiru żjarat ta’ orjentazzjoni - Titwettaq analiżi u rapporti ta’ informazzjoni li tkun inġabret - Issir riċerka qabel mal-għodda ta’ ċċekkjar jiġu żviluppati - Jiġu żviluppati l-għodod sabiex waqt l-ispezzjoni, l-Assessuri jiċċekkjaw li s-servizzi ta’ ħarsien jimxu mal-Istandards Nazzjonali - Issir ġbir ta’ statistika Barra minn hekk f’dawn l-aħħar erba’ snin : - Inħolqu working groups u focus groups biex jiġu stabbiliti l-Istandards Nazzjonali - Saret ħidma intensiva sabiex l-Istandards Nazzjonali jkunu uffiċjali u stabbiliti - Ingħatat l-assistenza fit-tfassil tal-liġijiet Fid-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali hemm jaħdmu 5 Assessuri fil-qasam tas-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita`.

Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità – investigazzjonijiet minn assessuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mill-assessuri fi Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità f’dawn l-aħħar tliet snin? Fejn saru dawn l-investigazzjonijiet u jekk instabux jew le xi nuqqasijiet fis-servizzi mogħtija minn dawn id-Djar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità – persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità kollha għandhomx persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija skont l-istandards approvati mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jindika wkoll min huma dawn il-persuni legalment responsabbli għal kull Dar Residenzjali li għandna mwaqqfa f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont informazzjoni li d-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali ġabar, jidher li fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita` hemm persuna legalment responsabbli. Minħabba li l-informazzjoni li nġabret fuq dawn il-persuni kient għall-użu biss tad-dipartiment, dan l-istess dipartiment mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti l-isem ta’ dawn il-persuni għall-fini tal-protezzjoni tad-data. Fir-rigward tad-djar residenzjani li l-operat tagħhom jaqgħu taħt r-responsabbilita` tal-Aġenzija Sapport, jitmexxew minn Leaders li jirrispondu lejn il-Manager inkarigat mir-residenzi kollha taħt id-Direttur tas-Servizzi. Finalment, r-responsabbiltà legali tas-servizzi mgħotija mill-Aġenzija Sapport taqa’ f’idejn il-Kap Eżekuttiv.

Persuni b’Diżabilità u Anzjani mħarrġa kontra vjolenza/abbużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm ġew organizzati sessjonijiet minn entitajiet fosthom l-Aġenzija Appoġġ, il-Korp tal-Pulizija u professjonisti oħra sabiex l-anzjani u persuni b’diżabilità jitgħallmu aktar dwar kif jagħrfu l-abbuż li jitwettaq fuqhom u x’għandhom jagħmlu f’każijiet bħal dawn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Sezzjoni Anzjanita` Attiva fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fl-2014 organizzat seminar dwar l-abbuż fuq l-anzjani, fl-okkażżjoni tal-ġurnata ddedikata għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani. Tqassmu ukoll fuljetti lill-pubbliku dwar dan, ġewwa il-Belt Valletta. Kienu saru wkoll żewġ radio slots iddedikati fuq is-suġġett. Fiċ-ċentri ta’ matul il-Jum saret skeda ta’ taħdidiet fiċ-ċentri kollha dwar sigurtà dwar l-użu tal-internet. Dawn it-taħdidiet saru mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija. Ipparteċipaw ‘il fuq minn 300 anzjan/a f’dawn it-taħdidiet li ġew organizzati. Fl-2015 saru wkoll sensiela ta’ taħdidiet fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani kollha dwar Prevenzjoni mill-Kriminalità, li għalihom attendew ‘l fuq minn 400 anzjan/a. Dawn saru b’kollaborazzjoni mal-Pulizija. Fil-qasam tad-diżabilità, fl-2016 il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita` (CRPD), organizzat sessjonijiet ta’ taħriġ għal persuni neqsin mid-dawl dwar kif għandhom jużaw l-ATMs b’mod sigur biex jiġi evitat serq. Fl-2017 is-CRPD ipproduċiet filmat biex tqajjem iżjed għarfien dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika. Matul l-2018 is-CRPD se tkun qiegħda torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika.

Akkomodazzjoni alternattiva – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn din il-persuna ma ngħatatx post alternattiv minkejja ż-żmien li għandha u ser ikolla terġa’ toħroġ mill-post li għandha u probabilment ser tispiċċa mingħajr post fejn toqgħod?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar diġa infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Akkomodazzjoni diċenti – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn baqgħet ma ħadet ebda risposta wara li ilha snin li applikat għal post diċenti mill-housing minħabba li qed tgħix ġo tlett ikmamar u issa ilha żmien twil ma toħroġ, peress li kellha stroke u ma tistax tinżel taraġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Akkomodazzjoni alternattiva – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn jgħix ġo kamra waħda u ilu żmien li applika għal post alternattiv?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Ħsarat fil-muturi ta’ binja

Question

Jista' l-Ministru jara meta ser jissewwew il-ħsarat li ġarrbu l-muturi fil-komun tal-Binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn f’din il-blokka qabad in-nar, nhar id-19 t'April, 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuni kkonċernati b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimhom.

Bormla Home – lift

Question

Jista' l-Ministru jindika meta se jissewwa l-lift f'Bormla Home, minħabba li ilu wieqaf tul dawn l-aħħar sitt ġimgħat għad-detriment tar-residenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u huwa nfurmat illi, l-lift ser jissewwa fil-ġranet li ġejjin, hekk kif mistennija jaslu l-parts meħtieġa. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpelant illi, d-Dar ta’ Bormla għall-Anzjani hija mgħamra b’żewġ lifts u fil-preżent ir-residenti xorta għandhom aċċess għal lift, hekk kif qed jagħmlu użu mill- lift l-ieħor.

Dar tal-Anzjani — każ ta' anzjana

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5475, jista’ l-Ministru jintervjeni biex anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li tinsab f’Dar tal-Anzjani ssirilha gwardarobba żgħira għaliex il-qraba qed jispiċċaw ġejjin u sejrin bil-ħwejjeġ għax m’għandhomx fejn ippoġġuhom, inkluż ħwejjeġ tas-sajf u tax-xitwa? Billi din l-anzjana qed tispiċċa bil-ħwejjeġ fuq is-siġġu, possibbli li tinstab soluzzjoni aktar dinjituża billi ssirilha gwardarobba żgħira li kif jien infurmat diġà saru għal xi anzjani oħrajn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – carers provduti minn kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni mal-kuntrattur li jipprovdi l-carers fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li l-carers, fosthom nisa li jaħdmu fuq bażi part-time mal-kuntrattur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jixtiequ jaħdmu numru ta’ ġranet fil-ġimgħa u minflok qed jingħataw ġurnata waħda biss filwaqt li minflokhom qed jiddaħħlu carers barranin? Filwaqt li nifhem l-importanza tal-ħaddiema barranin f’ċerti oqsma tal-ekonomija tagħna, ma jaħsibx li l-preċedenza għandha tingħata lill-carers Maltin, li ħafna minnhom huma nisa li jkunu miżewwġa bil-familja u jkunu jistgħu jaħdmu fuq bażi part-time? Ma jaħsibx il-Ministru li hija ironija li ngħidu li rridu aktar nisa fid-dinja tax-xogħol, imbagħad f’istituzzjoni tal-Gvern stess, il-kuntrattur qed jagħti preferenza lill-ħaddiema barranin fuq dawk Maltin li jkunu infurmaw il-kuntrattur konċernat kemm jixtiequ jaħdmu imma qed jaħdmu ferm u ferm anqas għax minflokhom qed jiġu mgħajta carers barranin għax-xogħol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Mobile Phones mħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4901 u jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn April 2013 sa Frar 2018, in-nefqa globali fuq mobile telephones ta’ l-uffiċjali kollha li servew fis-segretarjati fi ħdan dan il-Ministeru kienet tammonta għal €103,248.83. In-numru ta’ uffiċjali tas-segretarjati, tat-tlett Ministri u tal-erba’ Segretarji Parlamentari li servew minn April 2013 sad-data li fiha qed tkun imwieġba din l-mistoqsija parlamentari, li kienu f’xi żmien jew ieħor intitolati għal mobile telephone imħallas mill-Gvern, jammonta għal 41 persuna.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ; Nefqa 2013 fuq Print Advertising - €19, 230.40 Nefqa 2013 fuq Digital Advertising - €2,095.91 Nefqa 2014 fuq Print Advertising - €32,626 Nefqa 2014 fuq Digital Advertising - €4,333.90 Nefqa 2015 fuq Print Advertising - €43,953.82 Nefqa 2015 fuq Digital Advertising - €4,260.27 Nefqa 2016 fuq Print Advertising - €35,559.79 Nefqa 2016 fuq Digital Advertising - €3,769.26 Nefqa 2017 fuq Print Advertising - €51,065.32 Nefqa 2017 fuq Digital Advertising - €4,940.94 Nefqa 2018 fuq Print Advertising - €24,695.43 Nefqa 2018 fuq Digital Advertising - €1,255.29