Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta? Jista' jgħid f’liema istituzzjonijiet edukattivi jattendu dawn l-istess studenti Għawdxin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti Għawdxin tal-MCAST – sussidju tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex numru ta’ studenti tal-MCAST Għawdxin ilhom sitt xhur mingħajr is-sussidju tal-kera meta normalment dan jitħallas aktar frekwenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sussidju li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma jitħallasx mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u, għaldaqstant, dan il-Ministeru ma jkollux l-informazzjoni mitluba.

Ċentru tal-Università ta’ Għawdex — studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed jinżammu fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex bħalissa u kemm hemm studenti jattendu f'kull kors? Jista' jgħid x’inhu jsir biex dan iċ-Ċentru li tant kien suċċess fl-ewwel snin tiegħu jingħata l-ħajja u jerġa’ jibda joffri numru ta' korsijiet ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-korsijiet li qed jinżammu fil-Kampus t’Għawdex huma: - Certificate in Proof Reading: Maltese - 5 studenti - Bachelor of Commerce - 6 studenti - Bachelor of Psychology - 6 studenti - Diploma in Community Access for Disabled People (video-conferencing) - student 1 - Diploma in Creativity, Innovation and Entrepreneurship - 4 studenti - Diploma in Facilitating Inclusive Education (video-conferencing) - 2 studenti - Post Graduate Certificate in Teaching of Ethics in Schools (video-conferencing) - 2 studenti - MBA Executive in Public Management (video-conferencing) - 7 studenti Kif ġie spjegat diġà fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1893, l-Università għandha permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ estensjoni fil-ġenb tal-binja tal-Kampus t’Għawdex. Il-pjanijiet odjerni għal dan il-kampus jinkludu mhux biss lil dan ix-xogħol imma potenzjalment anke ieħor intiż sabiex il-kampus jiġi rranġat aħjar b’mod li jakkomoda numru ikbar ta’ studenti u attivitajiet akkademiċi li jistgħu jsiru fih; l-intenzjoni hi li l-post ikabbar u jtejjeb il-faċilitajiet operattivi tiegħu fil-limiti finanzjarji li l-Università għandha biex isir dan ix-xogħol.

Jobsplus – current job mhux imniżżel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif persuni (bħall-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) li qed jaħdmu fl-Air Malta, il-current job tagħhom mhux qiegħed imniżżel ġewwa l-Jobsplus? Jista’ jara meta l-pożizzjoni tagħhom se tiġi rranġata peress li qed jitnaqqsilhom id-dritt milli jieħdu l-work benefit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Jobsplus illi l-ingaġġ ta’ tali ħaddiema ser ikun qiegħed jiġi proċessat elettronikament fi ftit jiem oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn id-direct orders ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji - direct orders

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 520.

Għalliema, Kinder Garden Assistants u Facilitators – xogħlijiet differenti mill-job description

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Għalliema, Kinder Garden Assistants u Facilitators li jagħmlu xogħol differenti mill-job description tagħhom (alternative duties)? Jista jgħid kemm hemm minnhom li huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin kif ukoll x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu bħalissa kemm ilhom jagħmlu dan ix-xogħol u x’ħinijiet qed jaħdmu u x’pagi għandhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol differenti mill-job description tagħhom (alternative duties) fil-gradi indikati mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: · 27 għalliem li minnhom 25 huma Maltin u 2 Għawdxin bil-paga tvarja bejn €21,485 u €26,618; · Instructor Malti li għandu paga ta’ €21,777; · 3 Kindergarten Assistants Maltin li għandhom paga ta’ €17,968 rispettivament; · 1 Kindergarten Assistant II Maltija li l-paga tagħha hi ta’ €19,150; · 2 Learning Support Assistants I Għawdxin b’paga li tvarja bejn €14,268 u €14,864; · Learning Support Assistant II Għawdxi b’paga ta’ €21,369; · 4 Supply Learning Support Assistants , li minnhom 2 huma Għawdxin u 2 Maltin, b’paga li tvarja bejn €13,970 u €15,758; · Supply Teacher (indefinite) Malti li għandu paga ta’ €21,369; Dawn il-ħaddiema kollha qed jagħmlu xogħol amministrattiv u jaħdmu ħinijiet tal-uffiċċju. L-impjegati ilhom bejn sena u sitt snin jagħmlu dan ix-xogħol. Hemm impjegat wieħed li ilu 20 sena jagħmel xogħol alternattiv.

Kontribuzzjonijiet ta’ kumpaniji – fond

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min jamministra l-fond li fih jiġu depożitati l-kontribuzzjonijiet ta' kumpaniji li ma jimpjegawx persuni b'diżabilità skont il-liġi? Jista’ jgħid kif jintużaw dawn il-fondi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fond li fih jiġu depożitati l-kontribuzzjonijiet ta’ kumpaniji li ma jimpjegawx persuni b’diżabilità skont il-liġi huwa amministrat minn Jobsplus. Jobsplus tuża dan il-fond sabiex tiffinanzja l-ħidma tal-Fondazzjoni Lino Spiteri fejn fost oħrajn, jiġi pprovdut taħriġ u sapport lil min iħaddem sabiex jiġi ffaċilitat l-impieg ta’ persuni b’diżabilità.

Junior College – akkademiċi full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm akkademiċi full-time jaħdmu l-Junior College, u kemm minnhom għandhom dottorat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 163 akkademiċi full-time jaħdmu l-Junior College u 31 minnhom għandhom dottorat.

Tliet kulleġġi tal-MCAST – spiża assoċjata mat-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hija l-ispiża assoċjata mat-tmexxija tat-tliet kulleġġi tal-MCAST? Jista’ jinkludi s-salarji u l-allowances tal-Assistenti Diretturi, tal-Kapijiet tal-Kulleġġi u s-Segretarji u Assistenti, li huma mpjegati direttament minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tliet kulleġġi fi ħdan l-MCAST ma jimpjegaw lill-ebda impjegat direttament u huma parti mill-istruttura tal-MCAST. Is-salarju u l-allowances tat-tliet Kapijiet tal-Kulleġġi, li jiffurmaw parti mit-Top Management tal-MCAST, huma kif se nsemmi: Salarju Allowance tat-Trasport Allowance tat-Telefonija Kap tal-Kulleġġ €41,000 €2,500 €1,200

Stipendju lill-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ stipendji li l-Gvern jipprovdi lil studenti differenti? Jista’ jgħid jekk jingħatax stipendju addizzjonali lil studenti li għandhom bżonn aktar għajnuna minħabba ċirkostanzi personali jew familjari? Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żieda fl-istipendju tal-istudenti fl-aħħar snin? Jekk iva, f’kemm kienet tikkonsisti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra elenku ta’ rati ta’ għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti li l-Gvern jipprovdi lill-istudenti f’korsijiet f’diversi istituzzjonijiet post sekondarji, vokazzjonali u terzjari f’livelli differenti. F’dawn l-aħħar ħames snin ġew imnedija diversi miżuri ġodda u tkomplew issaħħew miżuri eżistenti fosthom bit-twessiegħ tal-parametri għall-istipendju supplimentari biex jgħinu studenti li għandhom bżonn aktar għajnuna minħabba ċirkostanzi personali jew familjari fosthom: Miżuri ġodda: · Studenti b’diżabbiltà bdew jitqiesu awtomatikament eliġibbli għall-Għotjiet ta’ Manteniment, inklużi dawk Supplimentari. · Studenti residenti fi djar tal-Knisja jew konservatorji bdew jitqiesu awtomatikament eliġibbli għall-Għotjiet ta’ Manteniment, inklużi dawk Supplimentari. · Bdiet tingħata għotja addizzjonali lil studenti li huma ġenituri waħedhom u li jiddependu finanzjarjament fuq dak li jirċievu mis-Sigurtà Soċjali, u li fl-istess ħin qegħdin jistudjaw f’livell post-sekondarju jew terzjarju full time . Għotja Supplimentari: Bħala parti mill-miżuri mħabbrin fil-Baġit, f’Jannar tal-2017 it-thresholds tad-dħul annwali għolew. B’hekk, aktar studenti saru eliġibbli għall-Għotjiet Supplimentari kif ġej: Thresholds għall-Għotjiet Supplimentari Sa Jannar 2017 Minn Jannar 2017 (skont ir-reviżjoni tal-Baġit) Rata ta’ persuna li tgħix waħedha €8,900 €9,100 Rata ta’ persuna b’ġenitur wieħed €9,800 €10,500 Rata ta’ persuna li tgħix mal-familja €11,900 €12,700 Din il-miżura bdiet tiġi implimentata f’Marzu 2017. Fl-2017, l-Uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment ipproċessa 2,458 applikazzjoni għal għotja supplimentari. Sad-data ta’ din il-PQ għas-sena akkademika 2017/2018 kien hemm 2,473 studenti li imlew it-talba tagħhom għall-għotja supplimentari. Żjieda tal-Għoli tal-Ħajja Fi Frar 2015, l-istipendji tal-istudenti kollha ġew aġġustati biex jirriflettu ż-żjieda tal-Għoli tal-Ħajja (COLA). L-ammont taż-żjieda tal-Għoli tal-Ħajja, mifrux fuq 10 pagamenti għas-sena 2014/15 u l-ewwel stipendju għas sena 2015/16 laħaq is-somma ta’ €125,000. F’Marzu 2015, 17,714-il student irċieva bonus pro rata għal darba (skont il-Baġit tal-2014) li tela’ għal spiza ta’ €81,817. Fi Frar 2016 l-istipendji u stipendji supplimentari reġgħu ġew riveduti b’ammont proporzjonali taż-żjieda tal-għoli tal-ħajja (cola) u għaldaqstant l-istipendji u stipendji supplimentari ġew aġġustati b’żjieda ta’ 0.93%. Dan sarraf f’investiment akbar ta’ madwar €161,405 għas-sena akkademika 2015/16. Fi Frar 2017, l-istipendji tal-istudenti kollha ġew aġġustati b’żieda pro rata biex jirriflettu ż-żjieda mogħtija fil-Baġit ta’ 0.91% tal-Għoli tal-Ħajja (COLA). Dan l-ammont taż-żjieda tal-Għoli tal-Ħajja affettwa seba’ (7) pagamenti ta’ stipendji minn Frar sa Awwissu 2017, li jaqgħu mas-sena akkademika 2016-17. Iż-żewġ stipendji li tħallsu f’Diċembru 2017, u li jaqgħu mas-sena akkademika 2017-18 ukoll irriflettew din iż-żieda. Iż-żieda fl-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti tal-cola pro rata għas-sena 2018 ser tkun 0.91%.

Skola Nazzjonali tal-Isport — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li qed jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport huwa 215 u huma mqassmin kif ġej: Sena Subien Bniet Total 7 sena 26 14 40 8 sena 23 16 39 9 sena 31 15 46 10 sena 28 17 45 11-il sena 26 19 45 Total 134 81 215

Skola Nazzjonali tal-Isport – kriterji biex jintgħażlu studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex jintgħażlu studenti għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dħul għas-seba’ sena huwa mmirat għal studenti li jinsabu fl-aħħar sena skolastika primarja. Id-dħul għad-disa’ sena huwa mmirat għal studenti li jinsabu fit-tieni sena skolastika sekondarja. Il-prinċipju ewlieni tal-iskola huwa li toffri biss post għal atleti adoloxxenti fl-ogħla livelli ta’ ħiliet sportivi li tal-età tagħhom, jirriżultaw fost l-aqwa fil-qasam sportiv tagħhom fil-Gżejjer Maltin. Fil-każ ta' studenti li japplikaw għal dħul fis-seba' sena, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tidentifika dawk il-kandidati li jaqgħu taħt dawn il-kriterji:- - Il-kandidat irid ikun twieled wara l-ewwel ta’ Jannar 2007 . - Il-kandidat irid ikun irrekomandat bħala atleta ta’ livell għoli mill-assoċjazzjoni sportiva akkreditata. - Il-kandidat irid ikun qed jieħu sehem fi skema għaż-żgħażagħ imħaddma minn assoċjazzjoni sportiva akkreditata għal mhux inqas minn sena (12-il xahar) mid-data tal-applikazzjoni. Fil-każ ta' studenti li japplikaw għal dħul fid-disa' sena, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tidentifika dawk il-kandidati li jaqgħu taħt dawn il-kriterji:- - Il-kandidat irid ikun twieled wara l-ewwel ta’ Jannar 2005. - Il-kandidat irid ikun irrekomandat bħala atleta ta’ livell għoli mill-assoċjazzjoni sportiva akkreditata. - Il-kandidat irid ikun qed jieħu sehem fi skema għaż-żgħażagħ imħaddma minn assoċjazzjoni sportiva akkreditata għal mhux inqas minn sentejn mid-data tal-applikazzjoni. Barra minn hekk, għall-għażla ta’ studenti-atleti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport jiġu kkunsidrati dawn il-kriterji: - Attitudni pożittiva u entużjasta biex isostnu l-iżvilupp personali tagħhom - Ħerqa li j/tirnexxi - Kunfidenza fih/a nnifsu/nnifsiha - Potenzjal għoli għall-futur fl-iżvilupp tal-isport magħżul - Livell għoli fl-ikkowċjar li tgħinhom jagħrfu u jaċċettaw rispons differenti - Livell tajjeb ħafna fl-attributi fiżjoloġiċi, kompetenzi fit-teknika relevanti għall-isport magħżul tagħhom (evalwat fl-assessjar tal-isport magħżul) - Livell tajjeb ta’ għarfien sportiv (regoli ġenerali, ħiliet, teknika u tattiċi) relevanti għall-isport magħżul - J/Turi sforz akkademiku pożittiv, imġiba u attitudni li j/tirnexxi - Livell għoli ta’ appoġġ mill-ġenituri/kustodji

Kumpaniji — kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji li ppreferew iħallsu kontribuzzjoni minflok jimpjegaw persuni b'diżabilità matul is-sena 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità (Kapitolu 210), it-talba lill-kumpaniji għall-kontribuzzjoni relatata mas-sena 2017 għandha ssir aktar tard din is-sena. It-talbiet għall-kontribuzzjoni li diġà ħarġu lill-kumpaniji kienu relatati mas-snin 2015/2016. Minn dawn, sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 kien hemm 402 kumpaniji li ħallsu l-kontribuzzjoni għan-nuqqas ta’ impjiegi ta’ persuni b’diżabilità.

Kumpaniji li ma ħallsux kontribuzzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kumpaniji li qed jirrifjutaw li jħallsu l-kontribuzzjoni wara li fl-2017 naqsu li jimpjegaw persuni b'diżabilità skont il-liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità (Kapitolu 210), it-talba lill-kumpaniji għall-kontribuzzjoni relatata mas-sena 2017 għandha ssir aktar tard din is-sena. It-talbiet għall-kontribuzzjoni li diġà ħarġu lill-kumpaniji kienu relatati mas-snin 2015/2016. Minn dawn, sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 kien hemm 149 kumpanija li ma ħalsitx il-kontribuzzjoni għan-nuqqas ta’ impjiegi ta’ persuni b’diżabilità.

Kumpaniji li rrifjutaw li jimpjegaw persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu kontra kumpaniji li jirrifjutaw li jimpjegaw persuni b'diżabilità jew li jħallsu l-kontribuzzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus tieħu passi legali f’każijiet fejn kumpanija tirrifjuta li tħallas kontribuzzjoni relatata mal-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.

Kumpaniji – ħlas ta’ kontribuzzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'kemm tammonta l-kontribuzzjoni li kumpanija jeħtieġ tħallas, fl-eventwalità li tonqos li timpjega persuni b'diżabilità skont il-liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar l-impieg ta’ persuni b’diżabilità (Kapitolu 210), il-kontribuzzjoni li kumpanija teħtieġ tħallas fl-eventwalità li tonqos li timpjega persuni b'diżabilità skont il-liġi tammonta għall-€800 għall-2015, €1,600 għall-2016 u €2,400 fis-snin segwenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni dwar l-entitajiet li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji ser tingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari oħra magħmula mill-istess Onor. Interpellant.

Giovanni Curmi Higher Secondary – studenti ġodda reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati studenti ġodda sabiex jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary ġewwa n-Naxxar matul is-sena 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti ġodda reġistrati f`Giovanni Curmi HSS din is-sena huwa 892. Dan huwa n-numru ta` studenti ta' l-Ewwel sena.