Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’interventi saru sabiex jiġi indirizzat l-iżbroff tad-drenaġġ fil-Wied ta’ Ħal Qormi biswit Triq l-Għargħar 1979?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvestiga l-preżenza ta’ ilma fiż-żona msemmija. S’issa ma jirriżultax li dan huwa drenaġġ mis-sistemi tal-Korporazzjoni. Se jkunu qed jsiru iktar testijiet fil-jiem li ġejjin.
Proġett tal-Bini tal-Inċineratur – Studju relatati mal-impatt ambjentali
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-impatt ambjentali li l-proġett tal-bini tal-Inċineratur ser ikollu u anke tindika fiex wasal il-proċess tal-għoti tat-tender relatat mal-istess proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex, dwar l-istudji relatati mal-impatt ambjentali tal-proġett tal-Waste to Energy, jirreferi għad-diversi tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet. Fost dawn nista’ nsemmi t-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 21156, 21157, 21310, 21600 u 24528. Fir-rigward tal-proċess tal-għoti tat-tender, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa jinsab miftuħ il-Pre-Qualification Questionnaire (PQQ) fejn offerenti interessati għandhom sal-aħħar ta’ Mejju biex jipprovdu informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja u ekonomika tagħhom, kif ukoll l-esperjenza u l-kompetenza għad-disinn, il-bini u l-operat tal-faċilità.
Tista’ l-Ministru tindika jekk fuq iż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ il-Gvern hux ser jimxi fuq il-proposta tal-Oppożizzjoni li dawn isiru Park Nazzjonali bit-tliet binjiet ewlenin fl-istess żona (il-Lukanda u l-Palazz ta’ Selmun flimkien mal-Forti Campbell) jingħataw lura lill-poplu Malti fl-interess tal-ġid komuni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern hu mpenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin, bħala parti mill-manifest elettorali, li għadu kemm ingħata fiduċja assoluta mill-poplu. Dwar il-proġetti speċifiċi msemmijin, nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 109 ta’ din l-istess seduta u għad-diskors tal-Prim Ministru fis-seduta tal-11 ta’ Mejju li għadda.
Tista’ l-Ministru tindika fiex wasal il-proċess tal-appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni PA 2427/21 li jittratta proġett fiż-żona ta’ ħdejn it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar u jekk effettivament hemmx data meta ser jinstema’ l-istess appell?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija ssussidjata mill-Gvern, l-Enemed, hix qiegħda tagħmel telf? Jekk qiegħda tagħmel it-telf, kemm kien dan, matul dawn l-aħħar sentejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Enemed mhix issussidjata mill-Gvern. Bħal kull kumpanija kummerċjali oħra, għandha l-obbligi tagħha mal-awtoritajiet kompetenti.
Households/kumpaniji privati li għandhom pannelli solari
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn households u kumpaniji privati li jagħmlu użu minn pannelli solari? Tista’ tgħid kemm hu l-voltaġġ iġġenerat minn dawn il-pannelli? Tista’ tgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn dawn il-pannelli bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sa l-aħħar tas-sena 2021 il-kapaċita’ totali ta’ enerġija iġġenerata mill-pannelli tax-xemx qabżet il-205MW. In-numru ta’ households li jagħmlu użu minn pannelli solari laħaq il- 28,652 u b’kapaċita totali ta’ 94MW u filwaqt li n-numru ta’ sistemi ta’ pannelli installati fis-setturi l-oħra laħaq l-1,970 u b’kapaċita totali ta’ 111.5MW. Il-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn pannelli solari bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika, skont l-aħħar ċifri uffiċjali li jirreferu għas-sena 2020, laħaq id-9.5% li huwa parti mil-persentaġġ totali ta’ 10.71% iġġenerata minn enerġija renovabbli.