Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-green space l-ġdid li ġie inawgurat f’Mejju 2024 f’San Ġwann? Tista’ tagħti d-dettalji tal-ispejjeż, is-suppliers u l-proċedura li ntużat biex intgħażlu s-suppliers?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għall-proġett ta’ Ġnien id-Dakkara f’San Ġwann sar memorandum of understanding bejn Project Green u l-Kunsill Lokali. L-aġenzija allokat €350,000 għal dan il-ġnien waqt li l-proċess tal-akkwist tas-servizzi tmexxa mill-Kunsill Lokali.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Xiri ta’ MacBooks
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tagħha li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Tista’ tgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza inxtraw żewġ macbooks għall-użu ta’ staff fis-segretarjat tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħlijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmata li l-MITA mhux talli ma toġġezjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn ħames xhur u għadu ma nbeda ebda xogħol relatat mas-sejħa WSC/T/110/2023 - Works – Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra? Tista’ tgħid meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol? Tista’ tgħid għal kemm flus kienet ġiet awarded din is-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma assigurat ruħha li kull proċess amministrattiv ikun ġie attwat. Is-sejħa għall-offerti indikata ġiet mirbuħa għal €169,284 u x-xogħlijiet marbuta magħha hu ppjanat li jinbdew f’Jannar li ġej u jieħdu madwar tnax-il ġimgħa biex jitlestew. Dan kemm-il dabra ma jinqalgħux ċirkostanzi li l-Korporazzjoni ma jkollhiex kontroll fuqhom, bħal fil-każ ta’ sejbiet arkeoloġiċi jew fatturi oħrajn waqt l-eżitu tax-xogħlijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid għala nħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa 'WSC/T/120/2024 - Works – Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Wsc - Tender For Water And New Water Works At Għajnsielem, Xewkija And Nadur, Gozo'? Tista’ tgħid ukoll jekk minn fejn ser jgħaddu dawn it-trinek hux ħa tinbena t-triq kollha mill-ġdid jew inkella jiġu asfaltati jew mogħtija l-konkos it-trinek biss? X'hemm mitlub li għandu jsir fis-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti indikata nħarġet primarjament biex jinbidel il-mejn ewlieni li jwassal il-provvista tal-ilma tax-xorb lejn erba’ rħula - ix-Xagħra, Nadur, il-Qala u Għajnsielem. Dan it-titjib fl-infarstruttura se jwassal għal kwalità ta’ ilma aħjar kif ukoll pressa iktar b’saħħita. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasbet biex dan il-proġett jinkorpora wkoll mejn tan-New Water tul l-istess rotta. Partijiet sostanzjali minn din ir-rotta u fejn hemm il-ħtieġa se jiġu asfaltati.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex se tkun tikkonsisti l-espansjoni/tkabbir li hemm ippjanat li jsir ġewwa l-Impjant tad-drenaġġ f'Tal-Fessej ġewwa Għawdex u b'kemm se titkabbar il-kapaċità ta’ dan l-impjant? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess jew tracking number? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan il-proġett u kemm minnu hu maħsub li se jkun iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll meta hu maħsub li jinħarġu t-tenders għax-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett qiegħed fi stadju ta’ pjanar u l-estensjoni tal-impjant se ssir biex il-kapaċità preżenti tat-trattament tad-drenaġġ tiżdied għal madwar 12,000 metru kubu kuljum, kif ukoll iżżid il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ New Water. Bħalissa għaddej il-proċess biex jiġi finalizzat id-disinn inizjali u l-abbozzar tas-sejħa għall-offerti li flimkien mal-istima tal-investiment għandhom jitlestew fl-ewwel kwart tas-sena 2025. Fl-istess żmien ukoll, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tissottometti l-applikazzjoni għall-kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea (Programm 2021-2027).
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Impjegati ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru wara l-2022? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Impjegati li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Ministeru tagħha u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts, u meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Tista’ tgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21454.
Sena 2024 — Għawdex u Kemmuna – Proġetti ta’ Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti saru minn Project Green ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm intefqu flus fuq kull proġett? Tista’ tgħid ukoll xi proġetti ġodda hemm ippjanati li jsiru u meta f’Għawdex u Kemmuna minn Project Green u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green qed tħejji biex matul is-sena li ġejja tibda twettaq żewġ proġetti f’Għawdex, li għalihom diġà nħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar, wieħed f'Għajnsielem u l-ieħor fix-Xewkija.
Ir-Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem, b’investiment ta’ madwar €1,050,000, se jkun qed joffri spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet fosthom tagħmir tal-logħob għat-tfal, anfiteatru u ċentru edukattiv. Filwaqt li fil-każ tal-ECO Garden fix-Xewkija, li għalih se jsir investiment ta’ madwar €470,000, l-aġenzija se tagħti prijorità lill-enerġija rinnovabbli biex il-ġnien ikun awtosuffiċjenti. Hawnhekk ukoll se jkun hemm tagħmir tal-logħob għat-tfal u se jinbena ġibjun biex l-ilma li jinħażen fih jintuża għat-tisqija.
Barra minn hekk, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Project Green ser tkun qed twettaq proġett ta’ riabilitazzjoni f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata.
Ambjent Malta kompliet għaddejja bil-ħidma tagħha f’Kemmuna fejn saru interventi ta’ manutenzzjoni fuq interventi li saru fil-bajja ta’ Santa Marija, fejn ġie rranġat il-cording li kien qed idawwar l-għaram tar-ramel. Tkompliet ukoll il-manutenzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ li jwasslu minn Santa Marija għal Tal-Ful, kif ukoll b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issokta l-programm ta’ interventi għat-tneħħija ta’ speċi invażivi li hemm fuq il-gżira.
Il-Qala Għawdex – Żona tal-Kunċizzjoni – Sub station
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex tinbena substation ġdida ġewwa l-żona tal-Kunċizzjoni fil-Qala Għawdex? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn hi ppjanata li ssir din is-substation?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li għaddej il-proċess biex jiġi identifikat sit tal-gvern li mbagħad jgħaddi għand l-Enemalta biex issir is-substation.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti għar-riġenerazzjoni tal-port? Tista’ tagħti pjan dettaljat tax-xogħlijiet pendenti u d-dati meta dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22040, fejn intqal li saret laqgħa bejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), tista’ l-Ministru tgħid x’ser isir biex jiġu indirizzati l-irwejjaħ li qed ikun hemm f'Raħal Ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22045, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kellha diversi laqgħat mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid rigward irwejjaħ fl-istess lokalità bil-għan li jiġu identifikati d-diversi sorsi li qed jikkontribwixxu għal dan l-inkonvenjent u jkomplu jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji. L-ERA se tkompli twettaq spezzjonijiet regolari kemm wara li jidħlu rapporti kif ukoll b’mod proattiv biex jiġi assigurat li l-operat fil-faċilitajiet tal-madwar ikun konformi mal-permess maħruġ mill-Awtorità jew mal-liġijiet relevanti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport irċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-preżenza ta’ slime fil-baħar f’dawn l-aħħar tliet snin u tgħid liema kienu l-postijiet speċifiċi fejn ġie osservat dan l-islime?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Multi amministrattivi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21101, tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar il-ksur tar-regolamenti ambjentali li għalihom inħarġu multi amministrattivi lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-parti tat-Triq it-Tarzna f’Ħal Tarxien minn Triq Manuel Buhagiar sa Triq in-Nazzarenu huwiex ser isir xi xogħol fuqha matul is-sena 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Deputati tal-Gvern
Question
Peress li l-mistoqsija parlamentari 14842 ma kinetx imwieġba għax l-informazzjoni kienet għadha qeda tinġabar, issa li għaddew għaxar xhur, tista’ l-Ministru tgħid min kienu/huma d-Deputati tal-Gvern, minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li kienu/huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qegħdin iservu, l-kariga li kienu/qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom inklużi perkaċċi oħra bħal fuel vouchers, car allowances, expertise allowance, shift allowance, disturbance allowance, communication allowance, overtime u kull allowance ieħor?
Tista’ tqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn April 2013 sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom u/jew sal-ġurnata li fiha tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23202 fejn ingħad li “il-bozoz fit-toroq tagħna li kienu tal-Enemalta saru tal-Gvern Ċentrali fejn Enemalta hija biss operatur”, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm bozoz f’kull lokalità li huma tal-Gvern Ċentrali (bl-Enemalta tkun l-operatur), maqsuma lokalità b’lokalità? Peress li s-sitwazzjoni qed twassal biex numru ta’ rapporti li jsiru, idumu x-xhur biex jittieħdu passi konkreti dwarhom u l-bozoz jerġgħu jinxtegħlu, tista’ l-Ministru tara li jkun hemm metodu iktar effiċjenti sabiex it-tiswijiet isiru fi żmien qasir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li madwar Malta kollha hemm 41,885 lampa reġistrata mal-Enemalta. Minn dan l-ammont huma 12,119-il bozza li Enemalta hija l-operatur tagħhom skont il-‘Public Service Obligation’ (PSO).
Madankollu, hemm numru ta’ bozoz li ġew installati u li qatt ma ġew reġistrati mal-Enemalta, li l-maġġoranza tagħhom saru minn Kunsilli Lokali diversi. Sfortunatament, din is-sitwazzjoni qed tikkawża dewmien biex dawn il-bozoz jiġu rranġati minħabba l-fatt li xi Kunsilli Lokali qed jirreġistrawhom meta dawn ikollhom xi ħsara flok meta jiġu installati.
Biex dawn il-bozzoz jiġu reġistrati, l-Kunsill Lokali rispettiv irid jissottometti applikazzjoni mal-ARMS u wara tiġi proċessata.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta’ bozoz, lokalità b’lokalità, li l-Enemalta hija l-operatur tagħhom.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-Gvern preżentement għandu għal-landscaping mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kuntratt li għandha Ambjent Malta għal xogħlijiet ta’ landscaping huwa ma’ GEB Landscaping Ltd.
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-ordnijiet kollha ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lill-Awtorità tal-Artijiet rigward artijiet proprjetà tagħha, u għal kull avviż tispeċifika d-data, in-numru ta’ referenza u l-post?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Nefqa fuq fjuri għal funerali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12045 u 18986 u tgħid kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista tgħid jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri kemm għal-funerali kif ukoll għal okkażjonijiet oħra hija koperta mil-Line Item 22 “Materials and Supplies” fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.