Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, kif ukoll mill-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, lill-Eks Membri Parlamentari msemmija.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — rapporti lill-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il rapport kriminali sar mill-Permanent Secretary mal-Pulizija fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Ministeru? Jista' jgħid ukoll dwar xiex sar ir-rapport u x'kien l-eżitu ta’ kull rapport rispettiv?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Peress li l-baħħara u s-sajjieda ġewwa Marsaskala ilhom is-snin jiġu mwiegħda dawk imsejħa “charging stations” li jintużaw sabiex jipprovdu elettriku u ilma lill-opri tal-baħar, jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jindika jekk din it-talba ġietx mismugħa u jekk fl-affermattiv, meta ser jitwaħħlu dawn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm pillar wieħed li jipprovdu elettriku u ilma lill-opri tal-baħar ġewwa Marsaskala. Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed jaħdem fuq l-installazzjoni ta’ ħames pillars oħra madwar Marsakala u ieħor ġewwa l-Bajja ta’ San Tumas. Ix-xogħol fuq dawn il-pillars jinsab fi stat avvanzat u dawn mistennija li jiġu installati fil-ġimgħat li ġejjin.
Ministeru għall-Agrikolutra, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7120, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails bil-mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali li ma ġewx imwieġba bil-miktub, speċifikament lil dik il-media house jew l-online news portal, mill-Ministeru tiegħu u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm xi mekkaniżmu biex min ikun jixtieq jifdi l-qbiela tal-art agrikola li jkun qed jaħdem (kemm ta’ art privata u kemm ta’ art tal-Gvern), ikun jista’ jagħmel dan?
Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — karozza uffiċjali u allowance fuq is-second car tiegħu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6196, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.
Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – karozza uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tagħha? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozza uffiċjali li tuża hi u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid:
a. mingħand min inxtrat u kemm ġiet tiswa l-karozza uffiċjali tagħha; u/jew
b. kemm qed tinkera kuljum il-karozza uffiċjali tagħha?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għamla tal-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali hijaBMW X3 XDrive 30e Plugin-Hybrid. Ma kienx hemm ħruġ ta’ tender u din il-karozza tinkera mingħand Burmarrad Commercials għal €43 kuljum (VAT mhux inkluż).
Ninfurmak ukoll li s-Segretarju Parlamentari ma tagħmilx użu minn second car.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – effett fuq il-prezz tal-qbiela ta’ art privata
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid x'effett fuq il-prezz tal-qbiela ta' art privata ser ikun hemm, jekk ir-raba’ jkollu razzett fuqu?
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – qbiela – kirja perpetwa
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-qbiela stabbilita mill-Bord hux ser tkun kirja perpetwa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif stabbilit fl-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’, il-kera għandha tapplika għal perjodu ta’ tmien snin u għandha tibqa’ l-istess wara l-għeluq tat-tmien snin, sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor bejn il-kerrej u sid il-kera, jew sakemm sid il-kera ma jerġax jitlob iż-żieda fil-kera.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – rziezet residenzjali
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' razzett residenzjali li kien mibni mill-kerrej stess fuq art tal-privat, il-kerrej iridx iħallas għalih kirja bir-rata ta’ 2% tal-prezz tar-razzett residenzjali fis-suq miftuħ lil sid ir-raba' li fuqu jinsab dan ir-razzett residenzjali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif stabbilit fl-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’, meta r-raba’ jinkludi razzett li jkun użat mill-kerrej bħala l-uniku post ta’ residenza tiegħu u tal-familja tiegħu, f’każ ta’ rikors, il-kerrej jingħata l-opportunità li jżomm dak ir-razzett bil-kera stabbilita mill-Bord li ma teċċedix tnejn fil-mija (2%) fis-sena tal-valur liberu u frank tar-razzett fis-suq miftuħ, u taħt kondizzjonijiet ġodda, inkluż kondizzjonijiet dwar żiediet gradwali, li jista’ jistabbilixxi l-Bord fir-rigward tal-kera. Il-Gvern kif diġà ħabbar, ser jkun qiegħed jipprovdi għall-kirjiet residenzjali.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – irziezet ta’ raħħala li jinsabu fuq art bi qbiela tal-privat
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid kif irziezet ta’ raħħala li jinsabu fuq art bi qbiela tal-privat ser jkunu affettwati b’dan l-Abbozz?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba’ hu li jirregola l-kiri mill-ġdid ta’ raba’ u biex jipprovdi għall-ħwejjeġ konnessi u anċillari. Hekk kif definit fl-att stess, raba’ tfisser kull art li tkun prinċipalment mikrija għall-koltivazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fjuri, siġar tal-frott jew dwieli u għal skopijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-agrikoltura, inkluż it-twaqqif ta’ serer, cloches jew cold frames, iżda ma tinkludix art intiża biex jirgħu l-annimali.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – qbiela ta’ art agrikola tal-privat – sussidju mill-Gvern
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-qbiela ta’ art agrikola tal-privat hux ser tkun sussidjata mill-Gvern? Jekk fl-affermattiv, din ser tkun ikkappjata u ser ikollha xi terminu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern mhux ser ikun qed jissussidja l-qbiela ta’ art privata, però nfakkar li l-Gvern diġà beda jgħin lill-bdiewa permezz ta’ żieda fil-pagamenti diretti sabiex itejjeb l-għajxien tagħhom.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – part-time farmers
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk part-time farmers hux ser ikunu kkunsidrati bħala bdiewa ġenwini? X'ser jiddetermina jekk bidwi hux bidwi ġenwin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ ma jagħmilx distinzjoni bejn bidwi part-time u bidwi full-time.
Ministeru għall-Agrikolutra, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?
Response (REFALO, ANTON)
Bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi.
Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu.
Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — impjegati ġodda f'awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5781 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella t'hawn taħt b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet tas-Siġġiewi San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Kerċem, Għajnsielem, Qrendi, Xewkija, Rabat, Fontana, Muxar, , Xagħra, u Ħal Għaxaq.
Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.
Entità/Awtorità
Ħaddiema igaġġati
Ħaddiema li spiċċaw
Malta Food Agency
10
2
Governance for Agriculture Bioresources (GAB)
5
1
Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6196 jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx tender għall-kiri tal-karozza uffiċjali tiegħu u mingħand min hi mikrija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma nħarġitx tender għall-kiri tal-karozza uffiċjali. Din qed tinkera mingħand South Lease Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi infurzata l-liġi li tirrikjedi li l-klieb kollha jkunu micro chipped?
Response (REFALO, ANTON)
Il-liġi “Regolamenti dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-klieb (SL 437.101)”, taqa’ taħt id-Direttorat tar-Regolamentazzjoni Veterinarja, però huma l-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jamministraw l-infurzar tagħha, skont MOU bejn iż-żewġ Direttorati. F’kull spezzjoni li tinkludi kwalunkwe tip ta’ kelb, tiġi ċċekkjata l-preżenza ta’ microchip.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu klieb minn Jannar 2023 s’issa? Kemm minnhom kienu micro chipped u kemm minnhom ma kinux? X'ġara minn dawk li kienu micro chipped?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Fid-dawl li jinstabu klieb mitluqa li huma micro chipped, jiġu ritornati lil sidhom u ftit wara dawn jerġgħu jispiċċaw mitluqin, jista’ l-Ministru jgħid x'qed tkun ir-reazzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'sitwazzjonijiet bħal dawn ma' dawn is-sidien irresponsabbli? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm minn dawn is-sidien li ttellgħu l-Qorti u jekk ġewx ikkastigati hekk kif titlob il-liġi f' dan ir-rigward?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każijiet fejn is-sidien ikunu irresponsabbli id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jikkonfiska dawn il-klieb u tinħareġ piena amministrattiva. Jekk din ma tiġix imħallsa s-sidien jitressqu l-qorti. Dan l-aħħar, kien hemm żewġ każijiet li s-sidien tressqu l-qorti.
Peress li matul dawn l-aħħar ġranet instabet kelba abbandunata li rriżulta li setgħet ġiet użata bħala 'bait' għal klieb oħrajn li sfortunatament jiġu użati fi ġlied tal-klieb, jista’ l-Ministru jgħid jekk infetħitx investigazzjoni f'dan ir-rigward?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja li sar dak kollu neċessarju mid-Dipartiment biex jiġi traċċat is-sid, dan irriżulta fin-negattiv fin nuqqas li il-klieba ma kienx microchipped.