Kunsilli Lokali – bankini – aċċessibilità għall-anzjani u persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk il-bankini u postijiet fil-lokalitajiet tal-Fgura, Wied il-Għajn u ż-Żejtun li għadhom mhumiex kompletament aċċessibli għall-anzjani u persuni b’diżabilità? F’liema triq huma u x’qed isir biex dawn il-bankini jkunu aktar aċċessibbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 33(1)(a), tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali, li jiddeskrivi l-funzjonijiet tagħhom jgħid:
“(
a
) li jipprovdi biex tinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib fi, kull triq jew mogħdija, li ma tkunx proprjetà privata:
Iżda l-manutenzjoni għar-rigward ta’ xi triq jew mogħdija tinkludi l-kisi jew l-asfaltar tagħha, iżda ma tinkludix ir-rikostruzzjoni tagħha”
Intant, ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, li fil-lokalità hemm tlett toroq li l-bankini tagħhom m’humiex kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità. Dawn huma Triq il-Qadi, Triq l-Isqof Emmanuel Galea u Triq il-Ħaddara. Il-Kunsill qed jieħu ħsieb li jsiru dawk it-toroq li huma l-aktar frekwentati minn persuni b’diżabilità u anzjani, kif ukoll dawk viċin postijiet pubbliċi.
Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, li l-bankini fit-toroq tal-lokalità huma kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità u li l-Kunsill fil-proċess li jibda jinstalla techtiles mal-belishia crossings kollha.
Min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, jien infurmat li l-bankini huma kollha kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità, tant li ma rċieva l-ebda lment ta’ dan it-tip matul is-sena l-oħra. Infurmat mill-istess Kunsill li meta jirċievi xi lment jieħu azzjoni mmedjata sabiex il-problema tkun solvuta.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi maqsuma l-allokazzjoni ta’ €46,219,000 bejn it-tmienja u sittin Kunsill Lokali, Kunsill Kunsill, li qed tiġi allokata lill-Kunsilli Lokali għas-sena 2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Allokazzjoni Finanzjarja għall-Kunsilli Lokali għall-2018 kif ukoll cirkulari li turi kif din ser tigi mqassma Kunsill Kunsill.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jaħdem dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali u għaliex inħasset il-ħtieġa għaliha? X’jista’ jistenna ċ-ċittadin komuni minn tali bidliet li jaffettwawlu pożittivament l-għixien tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kif se jissaħħu r-reġjuni b’din ir-riforma fil-lokalitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar ir-Riforma tal-Gvern Lokali twaqqaf Kumitat ta’ Tmexxija u sotto-kumitati bex jaħdmu fuq oqsma differenti. Dawn qegħdin fil-fażi li jikkonsultaw lill-istakeholders interni, fosthom kunsilli lokali, l-Assoċjazzjoni ta-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Segretarji Eżekuttivi u l-Partiti Politiċi, kif ukoll issir evalwazzjoni tal-liġi tal-kunsilli lokali biex isiru rakkomandazzjonijiet għal emendi jew dispożizzjonijiet ġodda. Fost id-diversi proposti li qed jiġu kunsidrati hemm dik dwar it-tisħiħ tar-Reġjuni. Wara din il-fażi ser ikun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika biex wara dan jitħejjew l-emendi leġislattivi meħtieġa. Ta’ min isemmi li hu inkoraġġanti u ta’ min ifaħħar l-impenn tal-istakeholders interni kollha, li urew sens ta’ responsabbiltà u impenn li jaraw titjib fir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet lokali, kif ukoll titjib fl-istandards biex togħla l-kwalità tas-servizz liċ-ċittadini lokali, inkluż titijib fil-kwalità tal-ħajja permezz ta’ impenn mill-awtoritajiet lokali fil-qafas soċjali u tal-wellbeing taċ-ċittadini. Ta’ min iżid li l-impenn ta’ dan il-ministeru hu li jara li din ir-riforma tkun suċċess għaliex tkun ibbażata fuq konsultazzjoni wiesa’ u wara evalwazzjoni ta’ fejn irridu mmorru wara 25 sena ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet - direct orders
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 528.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 18 - direct orders
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 18, jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 528.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni reġistrati fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri fil-Qorti sal-aħħar tas-sena 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li 56 persuna kienu reġistrati fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri miżmum fil-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja) sal-aħħar tas-sena 2017. Pero` għandu jingħad illi fir-Reġistru hemm 57 reġistrazzjoni u dan peress li persuna partikolari hija reġistrata darbtejn minħabba li ġie kundannat darbtejn b’żewġ sentenzi li t-tnejn talbu r-reġistrazzjoni ta’ din il-persuna.
Mill-56 persuna reġistrata persuna waħda hija mara filwaqt li 55 huma rġiel.
Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta – operating Surplus/Deficit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-operating surplus/deficit fil-finanzi tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għal kull sena mis-sena 2010 sas-sena 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Financial Situation Indicator tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, skont it-termini ta’ Regolament 4 (2)* tar-Regolament dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) (L.S. 363.01) hu:
2010+€219,636
2011- €51,197
2012- €95,000
2013- €626,160
2014- €715,967
2015- €738,650
2016- €513,006
* (2) Għall-iskop ta’ dawn ir-regolamenti, l-indikatur tal-qagħda finanzjarja jkun il-mezz kif għandu jiġi applikat bl-iskop li jiddetermina bilanċ pożittiv u kif dan jirriżulta mid-differenza bejn l-assi kurrenti totali kollha u t-total tal-rbit kurrenti fit-tul għas-snin finanzjarji kurrenti u ta’ wara, mnaqqsa xi rbit fit-tul approvat mill-Ministru skond ma hemm fl-Att.
L-Operating Surplus / Defecit skont l-Istqarrijiet Finanzjarji, hekk kif jirriżultaw mill-Income & Expenditure Account huma:
2010€78,169
2011€24,854
2012 - €29,897
2013- €215,972
2014- €165,478
2015€14,609
2016 - €83,756
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-każijiet fejn s-Supretendenza vvutat kontra l-vot tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għas-sena 2016 u għas-sena 2017 (listi separati)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li skond il-liġi tal-ipjannar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ma għandha ebda vot ebda kumitat tal-Awtorita tal-Ippjanar (PA).
Peress li s-Sovraintendent ghandu d-dritt ahhari li jzomm progett milli jsir minhabba r-raguni li tikkontempla l-ligi dwar il-harsien storiku, kieku s-Sovraintendent kellu vot fuq xi kumitat, dan kien ikun tnaqqis tal-poteri tieghu, mhux tishih. Dan il-Gvern sahhah il-poteri tas-Sovraintendent u mhux naqqashom.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3628, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qiegħed sena wara l-oħra jinjora d-deadline impost mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex jippreżenta l-audited accounts? Jista’ jgħid għalfejn l-audited accounts għas-sena 2016 li suppost ġew ippreżentati fis-17 ta’ Frar 2017 mill-Kunsill Lokali għadhom ma ġewx ippreżentati? Jista’ jgħid jekk hemmx ħjiel meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser jippreżenta l-audited accounts għas-sena 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-kawża prinċipali tad-dewmien li seħħ kien minħabba li l-kumpanija li kienet tagħti s-servizzi ta’ accountancy lill-Kunsill kienet inħatret Udituri Lokali tal-Kunsill Lokali il-Belt Valletta. Wara li l-Kunsill Lokali ħatar accountant ġdid, u anke saru laqgħat mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, is-sitwazzjoni tidher li qed tiġi regolarizzata.
Ir-riżultat jidher billi fi ftit xhur il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta approva l-istqarrijiet finanzjarji tal-2015 u l-2016 li ġew approvati fis-6 ta’ Novembru 2017 u fit-22 ta’ Jannar 2018 u li kopja tagħhom qed tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali offra s-sapport meħtieġ kif ukoll wettaq il-monitoraġġ ta’ dan il-Kunsill u lill-Lokalitajiet oħra, sabiex jassigura ili fejn kien hemm problemi simili jiġu megħluba u l-Istqarrijiet Finanzjarji jiġu sottomessi fil-ħin. Minbarra dan, għall-ewwel darba, tajjeb jiġi rrimarkat illi matul is-sena l-oħra id-Dipartiment ħadem b’kuntatt kontinwu mal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, sabiex waqt il-proċess tal-verifika mill-Udituri Lokali, jkun infurmat ġimgħa b’ġimgħa dak li qed iseħħ sabiex jagħmel l-interventi tiegħu fejn kien meħtieġ.
Issa li s-sitwazzjoni f’dan il-Kunsill, kif ukoll f’oħrajn, kompliet tiġi irregolarizzata, grazzi wkoll għall-ħidma tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, nħarġu struzzjonijiet ċari permezz taċ-Ċirkolari 3/2018 lill-Kunsilli Lokali kollha li għal proċess ta’ verifika li se jitwettaq din is-sena mhux se jkun ittolerat l-ebda dewmien biex nassiguraw li jkun hemm gvernanza tajba, nkluż is-sottomissjonijiet fil-ħin tal-Istqarrijiet Finanzjarji. Infakkar fid-doveri krucjali tas-Segretarji Ezekuttivi fejn jidhlu l-istqarrijiet Finanzjarji.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2600, fejn jidher li bi żvista ġiet provduta biss informazzjoni għas-sena 2016, jista’ l-Ministru jgħid kemm għamel direct orders il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, sa mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti lista ta' direct orders li tinkludi l-ammonti mħallsa u min tħallas? Jista’ jagħti raġuni għalfejn saret direct order għal kull ammont li jeċċedi l-€1,164 jekk applikabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – servizz ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid, x'servizzi ta' konsulenza ta lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatment, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll, sena b'sena, kemm tħallas għas-servizzi tiegħu dan l-istess individwu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn dan l-individwu u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-individwu indikat qatt ma rrenda servizzi professjonali ta’ konsulenza jew xort’oħra lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u qatt ma rċieva ħlasijiet mingħand l-istess uffiċċju jew għamel xi kuntratt miegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3420 u jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Gvern u x'azzjoni se jkun qed jieħu l-istess Gvern wara li fi stqarrija li ħarġet il-UĦM Voice of The Workers nhar it-12 ta' Jannar 2018 saret referenza għall-inġustizzja li saret jew qed issir fil-konfront tal-gwardjani lokali fejn dawn il-ħaddiema qed jintalbu japplikaw biex jerġgħu jiġu mpjegati fl-istess pożizzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dan ir-rigward inħarġet stqarrija mill-LESA li ntbagħtet lill-istampa kollha nhar is-Sibt 13 ta’ Jannar 2018.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3421 u jgħid kemm huma l-ħaddiema li preżentament huma reġistrati bħala gwardjani lokali f'pajjiżna?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3422 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm hu n-numru ta' ħaddiema li kienu jew huma reġistrati mal-Local Enforcement System Agency (LESA), sena b'sena minn kemm ilha li twaqqfet l-istess LESA sal-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa fuq pagi tal-ħaddiema kif ukoll l-ispiża fuq l-operat, għall-istess perjodu maqsuma sena b'sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mil-ewwel t’Ottubru 2015 sal-31 ta’ Dicembru 2016 kien hemm 3 ħaddiema, bejn l-1 ta’ Jannar u 31 ta’ Diċembru kien hemm 9 ħaddiema filwaqt li bejn l-1 ta’Jannar u l-15 ta’ Jannar tas-sena korrenti kien hemm 9 ħaddiema li kienu reġistrati mal-LESA liema salarji jammontaw għal €156,277, €313,101 u €12,042 rispetivament. Rigward spejjeż oħra li ntefqu fuq l-operat dawn kienu jammontaw ghal €9,115,453, €7,331,903 u €305,496, fejn fost oħrajn nsibu l-ispejjeż tas-servizzi tal-Gwardjani lokali, is-sistema tal-ispeed cameras, is-sistema tas-servizz online u spejjeż oħra.
Malta Arts Council u V18 Foundation – ċaqlieq ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jelenka ċ-ċaqlieq ta' impjegati, inkluż tkeċċija, terminazzjoni ta' servizz jew impieg jew xogħol ieħor, mill-Malta Arts Council u V18 Foundation, fix-xhur ta' April, Mejju u Ġunju 2017, xahar b'xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fix-xhur msemmija kien hemm ċaqliq, ta’ erba’ impjegati fil-Kunsill Malti għall-Arti u fil-Fondazzjoni Valletta 18 fejn dawn l-impjegati ġew mogħtija dmirijiet ġodda. Iċ-ċaqliq sar skont it-tabella hawn taħt:
AprilMejjuĠunju
Valletta 18001
Kunsill Malti ghall-Arti003
Total4
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – servizz ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid, x'servizzi ta' konsulenza ta lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u lill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatment mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll, kemm tħallas għas-servizzi tiegħu dan l-istess individwu, sena b'sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn dan l-individwu u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.