Uffiċċju tal-Prim Ministru — Mobile phones u fixed lines
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma jekk hemmx xi impjegati tal-gvern, inkluż is-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar mill-2008 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda uffiċjal li għandu aktar minn linja ta’ voice mobile waħda jew aktar minn fixed line wieħed.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Skemi li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-iskemi/inizjattivi/għajnuniet li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali, minn entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 9351.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru li hu responsabbli għalih, li għalqu l-età tal-irtirar? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema settur qed jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi Membru Parlamentari Ewropew Malti fid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ħa sehem fil-Conciliation Committee li nżamm dwar in-nuqqas ta' qbil rigward il-Working Time Directive li nżamm fl-aħħar ta' April li għadda? Jekk kien hemm, min kien u x'pożizzjoni ħa fuq din il-kwestjoni?
Nistaqsi wkoll x'pożizzjoni ħadet Malta fil-Kunsill li ħa sehem f'dan il-Conciliation Committee u jekk il-Gvern Malti kienx jifforma parti mill-blockup minority fil-Kunsill li ħasset li kull attentat biex titneħħa l-fakultà ta' opt out mid-Direttiva dwar working time ma kienx aċċettabbli?
Fi kwalunkwe każ, x'kienet il-pożizzjoni meħuda minn Malta f'dan il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx hemm membru Parlamentari Ewropew Malti fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ħadet sehem fil-Conciliation Committee. Il-membri Parlamentari Ewropew Maltin fil-leġislatura preċedenti ma kienux jifformaw parti mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew li jittratta din il-materja. Għaldaqstant ma setgħux ikunu nklużi fid-delegazzjoni tal-Conciliation Committee.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista uffiċjali tal-membri tad-delegazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dak li qabel kien magħruf bħala Ħal Ferħ f'Għajn Tuffieħa, fil-fatt ma jibqax abbandunat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħsieb speċifiku dwar kif dan il-post jista' jerġa' jibda jintuża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tard is-sena l-oħra, il-MEPA kienet approvat Development Brief fuq dan is-sit, wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika kif titlob il-liġi.
Dan id-
Development Brief
kien approvat mill-Gvern f’ Diċembru 2008.
Kopja ta' dan il-Brief tinsab fuq il-websajt tal-MEPA.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Salarju ta' Development Control Commission
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li għandhom il-post ta' Development Control Commission? Kemm għandhom salarju annwali dawn il-ħaddiema kull wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħaddiem tal-MEPA ma għandu pożizzjoni fuq id-DCC.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — ħaddiema li jieħdu deċiżjonijiet fuq il-permessi li jinħarġu
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa kbir il-pool ta' ħaddiema li jieħdu deċiżjonijiet fuq il-permessi li jinħarġu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kif jiġu maħtura dawn il-persuni? Min jaħtarhom? Kemm għandu żmien l-appointment li jingħataw? Xi professjonijiet għandhom dawn il-ħaddiema li jiddeċiedu dwar l-għoti ta' permess jew iż-żamma tiegħu? Kemm ilhom jaħdmu mal-Gvern jew ma' din l-Awtorità kull ħaddiem minn dawn u jekk dawn il-ħaddiema humiex fuq bażi ta' kuntratt jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet ta' żvilupp huma meħuda mill-Kummissjonijiet għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp (DCCs) u mill-MEPA Board. Dawn huma membri maħtura skont Art 3 ta' l-Att 356 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Dan jirregola min jista' jinħatar, minn min, għal kemm żmien u kif jista’ jitneħħa mill-kariga. Dawn il-ħatriet huma għal tlett snin skont il-provvedimenti tal-liġi u jistgħu jingħataw estensjonjiet skont il-ħtieġa. Il-membri jitħallsu onorarja. Għall-ħatra huma jingħataw ittra ta' ħatra (letter of appointment) u, jekk għandhom kuntratti ta' xogħol, dawn huma ma’ min jipjeghom. Għalhekk, fejn hemm indikat li l-persuna għandha kuntratt, dan għandu jinfthiem f'dan is-sens kif ukoll li hu kuntratt għal perjodu definit.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Kif ħabbart, bħala parti mir-riforma tal-MEPA il-ħsieb tal-Gvern hu li l-Membri tad-
DCC
Boards isiru
full-time
.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fejn fil-fronts mal-baħar f'Malta ġew stallati dwal matul it-triq kollha din is-sena mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jew minn xi dipartiment li jaqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Billi saru diversi talbiet biex il-fronts ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jinxtegħlu b'dan it-tip ta' dawl, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol f'dan il-lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ma stallat l-ebda dawl fuq fronts din is-sena.
Ħlas lill-perit — sit tat-teatru rjal u Bieb il-Belt
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas il-perit Renzo Piano sabiex jipproduċi il-concept design għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt li ġie ppreżentat fil-pubbliku? Kemm tħallas s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10385.
Teatru Rjal u Bieb il-Belt — infromazzjoni dwar il-proġett
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9840 u ċioe: B'referenza għal proġett imħabbar għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda x-xogħol? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan il-proġett? Liema fondi se jintużaw għal dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10387.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid bejn is-snin 1992 u 1998 kemm inħarġu permessi għal Outside Development Zone u min kien iċ-Chairman tad-Development Control Commission f’dak il-perijodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' l-Ambjent u l-Ippjanar, tul il-perjodu bejn Ottubru 1992 u Settembru 1998 kien hemm elf, erba' mija u ħamsa u disgħin (1495) applikazzjoni li ġew approvati mill-Bord tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp li huma allokati barra ż-żona ta' l-Iżvilupp. Iċ-Chairman inkarigat tul dan il-perjodu kien il-Perit Joseph Falzon.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew rifjutati applikazzjonijiet xahar b’xahar mill-2002 sa l-aħħar figuri ta’ l-2009? Kemm minn dawn kienu overturned ma' l-ewwel seduta u/jew f’reconsideration? Minn liema boards saru dawn l-overturnings u liema kienu l-periti li gawdew l-iżjed minn dawn l-overturnings? Kien hemm xi tnaqqis f’termini ta' perċentwali ta’ overturnings minn mindu rriżenja id-Development Control Commission Board A u nħatar il-ġdid fl-2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bid-dettalji: it-tabella mmarkata Numru 1, turi l-applikazzjonijiet rifjutati xahar b'xahar mis-sena 2002 sa l-aħħar ta' Lulju 2009, fil-waqt li tabella Numru 2 turi applikazzjonijiet li ġew overturned fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni. L-istatistika turi l-figuri xahar b'xahar għat-tliet Bordijiet tal-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp, minn Mejju 2002 sa l-aħħar ta' Lulju 2009.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tul il-perijodu msemmi (Mejju 2002 - Lulju 2009), l-aktar ħames periti li kienu nkarigati mill-applikazzjonijiet li ġew
overturned
kienu dawn:
· Il-Perit Charles Buhagiar
· Il-Perit Emanuel Vella
· Il-Perit Robert Musumeci
· Il-Perit Edwin Mintoff
· Il-Perit Mannie Galea.
(Il-lista hija fl-ordni skont l-ammont ta' applikazzjonijiet
overturned
, bl-aktar wieħed mpoġġi l-ewwel fil-lista.)
Meta wieħed jieħu ħmistax-il xahar minn meta ġie appunatat il-Bord il-ġdid ta' DCC A, li hu minn Marzu 2008 sa Lulju 2009 u jikkomparah mal-ħmistax-il xahar preċedenti, li hu minn Ottubru 2007 sa Frar 2008, jirriżulta tnaqqis ta' 59% fin-numru ta' rikonsiderazzjonijiet li ġew
overturned
.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm kunsilli lokali minn Għawdex li talbu li jkollhom laqgħat mal-MEUSAC dwar inizjattivi biex jieħdu fondi mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid liema kienu dawn il-kunsilli lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-MEUSAC iltaqgħet ta’ l-inqas darba jew aktar mal-kunsilli lokali kollha f’Għawdex biex tiddiskuti l-potenzjal ta’ opportunitajiet għall-fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-laqgħat inżammu kif ġej :
· Kunsill Lokali tal-Fontana
· Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem
· Kunsill Lokali tal-Għarb
· Kunsill Lokali tal-Għasri
· Kunsill Lokali ta’ Kerċem
· Kunsill Lokali tal-Munxar
· Kunsill Lokali tan-Nadur
· Kunsill Lokali tal-Qala
· Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz
· Kunsill Lokali tas-Sannat
· Kunsill Lokali tar-Rabat
· Kunsill Lokali tax-Xagħra
· Kunsill Lokali tax-Xewkija
· Kunsill Lokali taż-Żebbuġ
Il-laqgħat saru jew għax saret talba mill-kunsill stess jew inkella minn inizjattiva tal-MEUSAC.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ħariġx permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħol li qiegħed isir fuq il-faċċata tal-bini etniku Auberge de Bavière? Jekk fl-affermettiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10389.
Teatru Rjal u Bieb il-Belt — infromazzjoni dwar il-proġett
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9976 u 9840 u ċioe: B'referenza għal proġett imħabbar għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda x-xogħol? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan il-proġett? Liema fondi se jintużaw għal dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10387.
Ħlas lill-perit — sit tat-teatru rjal u Bieb il-Belt
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9973 u jgħid kemm tħallas il-perit Renzo Piano sabiex jipproduċi il-concept design għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt li ġie ppreżentat fil-pubbliku? Kemm tħallas s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10385.
Korporazzoni Enemalta — tneħħija ta' wire perikoluż
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10018 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li wire perikoluż tal-Korporazzjoni Enemalta quddiem residenza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi mibdul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10513.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9958, 9846, 9631 u 9385 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u cioè: Peress li waqt li kienu qed isiru x-xogħlijiet fit-Triq 10 ta' Marzu 1885 f'Kerċem, Għawdex, ġiet mgħottija l-katusa tar-residenza li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li b'konsegwenza ta' dan inħoloq inkonvenjent kbir lil dawn ir-residenti minħabba l-isbokk ta' l-ilma u li minkejja li s-sidien ilhom jilmentaw ma' l-awtoritajiet konċernati dawn għadhom bil-problema, jista jara kif tista' tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar jiem il-Ministeru ta’ Għawdex ħa ħsieb biex tissolva din il-problema.