Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #11044 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Far u Ħal Safi — barracks - air conditioners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma twaħħlux air conditioners fil-barracks ta' Ħal Far meta twaħħlu air conditioners fil-barracks ta' Ħal Safi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi din is-sena twaħħlu Air Conditioners fil-barracks ta’ Ħal Safi filwaqt li s-sena d-dieħla hu ppjanat li jitwaħħlu Air Conditioners Ħal Far. Dan minkejja li fil-barracks ta’ Ħal Far hemm Air Conditioners fil-kmamar fejn jistrieħu dawk is-suldati li jkunu għassa kif inhi l-prassi fil-barracks kollha ta’ l-Armata.
Leg 11 PQ #11047 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fossa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa titbattal il-fossa tad-drenaġġ tal-Barracks ta' Ħal Far u kemm hija l-ispiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-perjodu Jannar-Settembru 2009, il-fossa tad-drenaġġ tal-Barracks ta’ Ħal Far kienet titbattal għal medja ta’ tmintax (18)-il darba fil-ġimgħa. Il-medja ta’ kull vjaġġ kien jiswa’ €25.70. Mid-19 ta’ Settembru 2009, iż-żewġ fosos li kien hemm Ħal Far ingħaqdu man- network ċentrali tad-drenaġġ wara li tlesta proġett tal-AFM sabiex ikunu jistgħu jiġu iffrankati l-ispejjeż tat-tbattil.
Leg 11 PQ #11122 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn — żvilupp ta' camping sites

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara x'se jagħmel fuq it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn biex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tieqaf tipproċessa applikazzjoni tal-Gvern għall-iżvilupp ta' camping site stante li l-kunsill ma ġiex ikkonsultat u l-applikazzjoni twaħħlet fuq ħajt tas-sejjieħ fl-abbandun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #11124 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delimara — tniġġiż fil-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara x'għamel il-Gvern biex jinvestiga l-lega bajda li tidher regolarment fil-baħar ta' Delimara fil-parti li jgħidulha l-Kalanka? Xi skoprew it-tekniċi tal-Gvern? Għalfejn seħħ dan it-tniġġiż f'waħda mill-iktar zoni sbieħ u pristini fil-gżira, liema tniġġiż prattikament qered il-potenzjal ta' din iż-żona? X'relazzjoni għandu dan il-ħmieġ u tniġġiż mal-industrija tat-tonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #11241 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — xogħlijiet fuq upgrading ta' Hay Wharf

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta nbeda l-proġett ta' upgrade ta' Hay Wharf? Min hu l-kuntrattur li qiegħed jagħmel ix-xogħol? Kemm hu stmat il-valur tax-xogħol? Kemm tħallas il-kuntrattur s'issa? Meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħlijiet li saru inkluż dak il-blokk mostruż ta' tliet sulari imkaħħal mas-swar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-immodernizzar tal-moll tal-Bażi Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta kien maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi kienet tkopri l-ewwel 54 metru ta’ xatt minn naħa ta’ Sa Maison, filwaqt li t-tieni u t-tielet fażi kienu jkopru l-kumplament tax-xatt li jwassal san-naħa tal-Floriana. It- tender għall-ewwel fażi kien ingħata lil Blokrete Limited u kien ġie jiswa’ Lm258,595 VAT inkluż. Ix-xogħol inbeda f’Novembru ta’ l-1999 u spiċċa f’Settembru tas-sena 2000. It- tender għax-xogħlijiet għat-tieni u t-tielet fażi tal-proġett li jkopru l-kumplament tax-xatt kien ingħata mid-Dipartiment tal-Kuntratti lil Polidano Group Limited għas-somma ta’ Lm908,487 VAT inkluż fit-28 ta’ Jannar 2003 wara sejħa għat- tenders . L-istima attwali biex il-proġett kollu jkun lest hija ta’ €3,370,333.96 (Lm1,446,884.36). Minn dawn it-total ta’ €2,676,380 diġà tħallsu lill-kuntrattur. F’dan l-istadju il-proġett huwa maħsub li jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla. Kopja tal-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħlijiet qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11254 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — serqiet rappurtati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rappurtati lill-Pulizija mill-Ministeru/dipartimenti/ korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul din is-sena? Kemm huwa kalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9526 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti li se jitwettqu f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9044 u jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10202.
Leg 11 PQ #9972 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ta' persuna

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9844, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10386.
Leg 11 PQ #10047 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Prim Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpanija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10304.
Leg 11 PQ #10069 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Serq minn ġo kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm insterqu affarijiet minn ġo kunsilli jew proprjetà ta' xi kunsilli lokali din is-sena? X'insteraq f'kull każ u fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10069, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi s-serq li sar mill-Kunsilli Lokali matul l-2009 (sal-aħħar ta’ Settembru 2009).
Leg 11 PQ #10070 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gvern lokali — reati fuq ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li jifformaw parti mill-Gvern lokali jiġifieri sindki, kunsilliera, segretarji jew impjegati ta' kunsilli li sar reat fuqhom kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Minn liema lokalità huma? X'reat twettaq fuqhom? Kemm ġew solvuti każi? X'weħlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10070 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi r-reati li saru mill-1999 sal-2009 (sal-aħħar ta’ Settembru 2009).
Leg 11 PQ #10102 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — dejn u surplus

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn kunsilli lokali li għandhom djun jew liabilties oħra llum? Liema huma? Min-naħa l-oħra, liema huma dawk li għandhom surplus mis-snin li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal dawk il-Kunsilli li spiċċaw bi żbilanċ fil-working capital tagħhom. Għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Marzu 2009, kien hemm 12 (tnax) il-Kunsill li spiċċaw bi żbilanċ fil- working capital tagħhom. Dawn kienu: Il-Birgu, ir-Rabat (Għawdex), Birkirkara, Birżebbuġa, Fontana, Kerċem, Nadur, Qala, San Ġwann, San Lawrenz, Xagħra u Xewkija. Il-kumplament tal-Kunsilli Lokali spiċċaw is-sena finanzjarja sal-31 ta’ Marzu 2009 b’bilanċ.
Leg 11 PQ #10115 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bomb hoaxes

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Irrid ninforma l-Onorevoli Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar u 29 ta’ Settembru 2009 kien hemm Bomb Hoax li seħħet qrib residenza privata f’Ħal Luqa nhar il-24 ta’ April 2009.
Leg 11 PQ #10309 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ta' persuna

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9844, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9972 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10386.
Leg 11 PQ #10447 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex, Kerċem — Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta mistenni jinħatar Segretarju Eżekuttiv għall-Kunsilli Lokali ta' Kerċem, Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsilli Lokali kollha li għandhom il-post ta’ Segretarju Eżekuttiv vakanti ġew mgħotija struzzjonijiet sabiex il-proċess għall-ħatra tal-imsemmija pożizzjoni tiġi ri-attivata skont il-proċedura eżistenti. Dan sabiex jitħaffef il-proċess tal-għażla peress li l-proċedura l-ġdida tinvolvi proċess kemxejn twil sakemm jitwaqqaf il-pool ta’ uffiċjali pubbliċi kwalifikati biex iservu ta’ Segretarji Eżekuttivi.
Leg 11 PQ #10557 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pensjoni tal-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif tiġi maħduma u fuq liema kriterji tittieħed il-pensjoni tal-armata? Veru li din il-pensjoni ma tiġix aġġustata kull sena u ma tiżdiedx biex tagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja? Hemm il-ħsieb li l-mod kif is-suldati jieħdu l-pensjoni jinbidel? Jekk iva, kif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-pensjoni ta’ l-Armata tiġi maħduma abbażi ta’ snin ta’ servizz u s-salarju li wieħed ikollu. Persuna fl-Armata hija ntitolata għall-pensjoni meta jew tkun għalqet il-ħamsa u għoxrin (25) sena ta’ servizz jew tkun laħqet l-età massima li wieħed jista’ jibqa’ jservi jiġifieri ta’ ħamsa u ħamsin (55) sena. Madankollu, suldat jista’ jkun eleġibbli għal pensjoni wara li jkun serva għal perijodu ta’ għaxar snin jew aktar u ġiet ċertifikata minn Bord Mediku li minħabba xi kundizzjoni medika, is-suldat ma jkunx jista’ jibqa’ jeżerċita xogħol militari. Il-pensjoni meħuda mit-Teżor qatt ma tiġi aġġustata u dan jgħodd għal kull min jieħu xi tip ta’ pensjoni mit-Teżor. Sa issa m’hemmx ħsieb li l-mod kif s-suldati jieħdu l-pensjoni jinbidel.
Leg 11 PQ #10691 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Frontex Allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-piloti tal-Airwing tal-Forzi Armarti mhumiex jingħataw il-Frontex Allowance li tingħata l-Maritime Squadron tal-istess Armata meta dawn ilkoll huma esposti għal riskju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-FRONTEX Allowance ma jingħatax fuq ir-riskju nvolut f’dawn it-tip ta’ missjonijiet li normalment jitwettqu fuq il-baħar. Filfatt, il-FRONTEX Allowance jingħata biss lil dawk l-individwi kollha li jkollhom jaħdmu fil-ġranet li huma jkunu mistennija jistrieħu (cioè fl-OFF Days tagħhom) meta dawn ikunu qed joperaw fuq bażi ta’ Shift System. Minbarra hekk, in-numru ta’ bdoti ( fixed wing ) ġewwa t-taqsima ta’ l- Air Wing huwa limitat ħafna, u għaldaqstant ma jippermittix lil dawn l-istess piloti jaħdmu fuq bażi ta’ shift system bħalma jaħdmu l-kollegi tagħhom fl-iskwadra marittima.
Leg 11 PQ #10993 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forum Unions Maltin — rappreżentanza fil-MCESD

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħaġa li qed iżżommu milli jaċċetta li l-Forum Unions Maltin jibdew ikunu rappreżentati fl-MCESD?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex issir bidla jew żieda fil-membri tal-Kunsill hemm bżonn li jkun hemm emenda fl-att li waqqaf l-MCESD. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill kif indikata f’dan l-att saret wara qbil bejn l-imsieħba soċjali. Għalhekk il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jressaq emenda għal dan l-att biex ikun hemm bdil fil-kompożizzjoni tal-Kunsill jekk ikun hemm qbil bejn l-organizzazzjonijiet kollha rappreżentati fl- MCESD .
Leg 11 PQ #11002 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — tnaqqis ta' burokrazija u aktar effiċjenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed isir sabiex diretturi li jaħdmu mas-Servizz Pubbliku jaraw li jnaqqsu l-burokrazija u jkunu aktar effiċjenti kif titlob il-liġi tas-Servizz Pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ħa u qed jieħu diversi miżuri biex titnaqqas il-burokrazija u tiżdied l-effiċjenza fis-Servizz Pubbliku. Ewlenija fosthom hija l-inizjattiva tal- Better Regulation li hija intiża biex jitħaffef il-piż amministrattiv fuq in-negozju u iċ-ċittadini. Il- Better Regulation Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed iwettaq Strateġija ta’ Regolamentazzjoni Aħjar li ġiet approvata mill-Kabinett. L-istrateġija hija mibnija ukoll fuq proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa fosthom numru ta’ laqgħat mas-setturi kollha tan-negozju biex jitkompla ix-xogħol fuq simplifikazzjoni ta’ regolamenti u proċessi amministrattivi. Il-mira hi illi jitnaqqas il-piż amministrattiv bi 15% sal-2012. Diġa ttieħdu numru ta’ inizjattivi biex titnaqqas il-burokrazija u jkunu aktar effiċjenti. Il-miżuri illi qegħdin jittieħdu jinkludu: użu aħjar tal-informazzjoni interna bejn Dipartiment u ieħor; użu aħjar tal- Common Database; simplifikazzjoni ta’ proċessi interni; kif ukoll ġie konkluż l-ewwel Pjan ta’ Simplifikazzjoni. Sar xogħol ukoll fuq kif il-proċess ta’ policy making jista’ jiġi mtejjeb biex jiġu kkunsidrati iżjed alternattivi qabel ma jiġu proposti regolamenti ġodda bl-analiżi tal-implikazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-BRU b’għajnuna ta’ fondi mill-UE nieda manuals ta’ Better Regulation, kif ukoll, sejjer jibda minn dan ix-xahar iħarreġ numru ta’ uffiċjali pubbliċi fl-użu ta’ dan il- manual . F’dan l-isfond ta’ min jgħid illi l-Kummissjoni Ewropeja apprezzat din l-istrateġija għar-regolamentazzjoni aħjar u rat illi hija komprensiva, rilevanti u valida għall-pajjiż. Inizjattiva oħra li qed tiġi mplimentata f’firxa ta’ dipartimenti hija l-flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol. Dan it-tibdil fil-ħinijiet jgħin biex is-servizzi jingħataw b’mod aktar effettiv u effiċjenti kemm fis-Servizz Pubbliku stess kif ukoll liċ-ċittadin. Din is-sena saru wkoll audits f’dawk id-dipartimenti li għandhom il- Quality Service Charters biex jiġi żgurat li l- istandards imniżżla fihom jibqgħu jintlaħqu. Isir ukoll moniteraġġ regolari fuq id-dixxiplina li qed tiġi infurzata fid-dipartimenti tal-Gvern. Progressivament qed isir ukoll tnaqqis fl-għadd totali ta’ ħaddiema impjegati fis-Servizz Pubbliku (head count reduction) . Ta’ min ifakkar ukoll li l-uffiċjali kollha fit- Top Management tas-Servizz Pubbliku għandhom performance plan li kull sena jiġi rivedut skont l- agenda u l-inizjattivi tal-Gvern. Dan il-pjan għas-sena jelenka x-xogħol li irid jiġi mwetteq, flimkien ma’ miri speċifiċi. Dan iwassal għal aktar kontabilita’ u moniteraġġ fil-ħidma tas-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #11114 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissarju Malti

Question

Issa li ġie kkonfermat J.M Barroso bħala Kap tal-Kummissjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid min se jkun il-Kummissarju Malti li jmiss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-deċiżjoni titħabbar fil-mument opportun.