Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx xi tip ta żvilupp fil-pjazza tal-Balluta, San Ġiljan, li ilha hemm u li ġiet upgraded xi snin ilu? Jista' jgħid jekk hemmx xi applikazzjonijiet, kemm fil-pjazza kif ukoll fil-wied biswitu? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi fondi tal-Unjoni Ewropea? Kien hemm xi konvolġiment tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm dipartimenti ħaddnu s-sistema tal-flexitime, dipartiment, b’dipartiment? Jista’ jagħti raġunijiet kif ċerti dipartimenti u ossia sezzjonijiet fi ħdan id-dipartimenti, ma ġewx permessi li tiġi implimentata s-sistema? Jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti li ħaddnu din is-sistema u għandhom palm reader u liema m'għandhomx palm reader u jibbenefikaw mis-sistema tal-flexitime? Jista’ jgħid preċiżament min hu intitolat li jibbenifika mis-sistema tal-flexitime, ċioe liema gradi maċ-ċivil ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskop tal-flexitime hu li fejn possibbli, meħud in konsiderazzjoni in-natura ta’ xogħol, fil-ħtieġa tal-klijent kif ukoll it-talbiet li jsiru mill-istess ħaddiema – dipartiment ikun jista’ jaħdem fuq skeda ta’ ħin li ma tkunx dik normali.
Hekk per eżempju, matul l-aħħar tlett isjuf numru ta’ dipartimenti fetħu l-ġurnata kollha tul is-sajf (għajr Awwissu). Din kienet sistema imħaddma fuq bażi volontarja.
Għalhekk, per prinċipju, hija n-natura tax-xogħol u mhux il-grad li jiddetermina għaliex titħaddem skeda differenti.
Attwalment, anke bi preparazzjoni għan-negozjati dwar il-Ftehim Kollettiv li jridu jsiru d-dieħla, qed jittieħed
stock
, anke għax qed jirriżulta li t-talbiet qed ikunu biex tiddaħħal skeda identika ta’ 7.00 sat-3.00. Ċertament l-iskop ta’ flessibilità hi li ma jkunx hemm
one-size-fitts-all
, imma skedi diversi li jilħqu l-aqwa bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-klijent “kemm dak intern u dak estern”, tan-negozju, u tal-ħaddiema, u mhux minflok mit-7.45 – 5.15 fix-xitwa, id-dipartimenti jibdew jaħdmu mis-7.00 – 3.00.
In-numru tad-dipartimenti li qed jaħdmu fuq skeda differenti huwa kif elenkati f’tabelli A u B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħal Tarxien — tempji neolitiċi - viżitaturi/turisti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11401, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk għall-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, il-lokalità ta' Ħal Tarxien hijiex meqjusa bħala lokalità/żona turistika?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — żvilupp fil-bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'applikazzjonijiet hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u oħrajn li ngħataw għal żvilupp fil-bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — kirjiet ta' għamara u pitturi u pjanti
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — xogħlijiet fuq upgrading ta' Hay Wharf
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11478 u jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 11241, jiġifieri jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal blokk ta' tliet sulari?
Rabat — Ħal-Tartani - bini fil-viċinanzi ta’ għerien kbar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġitx permess sabiex ġewwa Ħal-Tartani, r-Rabat isir żvillupp ta’ bini fil-viċinanzi ta’ għerien kbar?
Jista' jghid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tawtorizzax tkissir ta’ għerien sabiex issir residenza minflok għerien u jekk parti minn għar tispiċċax parti minn dar residenzjali?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — żvilupp illegali
Question
ln-Vista tat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 8549, jista' l-Prim Ministru jgħid x'żamm u għalfejn s'issa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħadhet l-ebda passi fil-konfront tal-iżvilupp illegali li twettaq mid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika f 'Kordin , erba' snin ilu, liema żvilupp kien inħariġlu enforcement notice 223/05 fis-sena 2005? Jaħseb il-Prim Ministru li l-fatt li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Lulju 2006 kienet irrifjutat l-applikazzjoni li għamel id-dipartiment biex jirregolarizza ruħu wara din it-twissija, iżda s 'issa d-Dipartiment tal-lndafa Pubblika għadu jippersisti f 'din l-illegalità u min naħa tagħha l-Awtorità baqgħet kompjaċenti u m'għamlet xejn, hijiex konferma ta' kemm l-Awtorità tuża s-saħħa ma' min huwa żgħir iżda tibqa' ċassa biex taġixxi fil-konfront ta' min huwa b'saħħtu, inkluż Dipartimenti tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ fil-fatt jinsab riferut sabiex tittieħed Azzjoni Diretta, u l-MEPA tagħmel dan fil-waqt propens, bħal f’kwalunkwe każ ieħor pendenti għal Azzjoni Diretta. L-iskadenzi legali japplikaw għad-Dipartimenti Pubbliċi daqs u kif japplikaw għal individwi privati.
Intant fit-tħejjija għal din it-tweġiba, l-Awtorità reġgħet żaret is-sit u rriżultalha li filwaqt li l-Avviż ta’ Twettiq 223/05 kien inħareġ fuq pedamenti bla permess, fil-post bħalissa hemm ukoll xi mħażen żgħar u uffiċċji tal-metall u ta’ l-injam, tad-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika, u fil-fatt inħareġ Avviż ieħor nru 715/09 fil-5 ta’ Ġunju 2009.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mis-sena 2000 sal-2009 fejn ir-rapport tal-case officer gie endorsjed mill-istess case officer li kitbu? Jekk ġara hekk, jista' jgħid jekk dan huwiex suppost li jiġri? Jekk iva, jista' jgħid għaliex sar hekk u jekk hux ser jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn il-persuni jekk jinstab li mhux suppost ġara hekk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, mis-sena 2005 sal-lum, kien hemm mitejn u ħdax-il applikazjoni (211) fejn ir-rapport tal-case officer ġie endorsjat mill-istess case officer li kitbu.
Din l-informazzjoni bdiet tinġabar mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mis-sena 2005. Ma hemm xejn legali jew proċedurali li jipprekludi li dan isir u għalhekk lanqas huwa każ ta’ passi dixxiplinarji.
Billi n-numru ta' vejikoli li qed jgħaddu mill-Imsida, Gżira u Tas-Sliema żdied u se jkompli jiżdied, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed isir biex jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja f'dawn l-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, qed taħdem fuq pjan t’azzjoni għat-tnaqqis ta’ tniġġiż f’lokalitajiet li qed jaqbżu l-livelli stipulati fid-Direttivi tal-Kwalità ta’ l-Arja. Il-lokalitajiet msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari huma wkoll inklużi f’dan il-pjan. Il-MEPA flimkien mal-MEUSAC bdiet konsultazzjoni pubblika f’Mejju li għadda fejn laqgħet suġġerimenti mill-pubbliku fuq x’tip ta’ miżuri jistennew li jseħħu f’dan ir-rigward. Fil-futur qarib dawn il-miżuri se jiġu inkorporati ma’ miżuri oħra li l-MEPA diġa ħolqot ma’ l-Awtorità tat-Trasport Pubbliku u b’hekk jiġi ippreżentat abbozz sħiħ li jerġa jkun suġġett għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni pubblika.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Urban Improvement Fund
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inġabru fondi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-urban improvement fund?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi li nġabru mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-urban improvement fund sal-31 ta’ Lulju 2009, jammontaw għall-€9,684,390.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed issib oġġezzjoni biex jinbena l-istand fejn ipoġġu n-nies biex jaraw logħba boċċi fil-pitch tal-boċċi li jinsab wara l-Knisja tal-Mosta? Jekk hu veru li l-Awtorità qed tagħmel l-oġġezzjonijiet tagħha, fuq liema raġunijiet qed tagħmilhom? Għaliex m'għandux jinbena post fejn il-poplu jkun jista' jinġabar sabiex jara dan il-logħob tradizzjonali u jkun jista' jsegwi din il-logħba mingħajr ma jkun fil-periklu li jintlaqat b'xi boċċa? Jekk l-Awtorità mhux qed issib oġġezzjoni, min huwa responsabbli sabiex dan l-istand jinbena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-25 ta’ Frar 2009 intbagħtet ittra lill-perit tal-applikazzjoni sabiex jibgħat aktar informazzjoni dwar l-aċċess għal ġewwa l-ġnien pubbliku biswit il-viewing stand, minħabba li l-aċċess ta’ dan l-istess stand huwa mill-ġnien. Din l-informazzjoni intgħalbet mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD).
Il-pjanti ġodda waslu l-MEPA fis-16 ta’ Ġunju, 2009 u dawn intbgħatu lill-KNPD fid-19 ta’ Ġunju, 2009. Il-KNPD, f’korrispondenza datata 17 ta’ Lulju, 2009 avżaw li l-pjanti xorta ma fihomx id-dettalji li talbu fil-bidu. Din ir-risposta intbgħatet lill-perit fl-24 ta’ Lulju, 2009 u pjanti ġodda waslu għand il-
case officer
fit-28 ta’ Awwissu, 2009. Dawn ġew riferuti lill-KNPD fil-31 t’Awwissu, 2009 u għalhekk id-Direttorat għadu qiegħed jistenna parir dwar dawn l-aħħar set ta’ pjanti. Min-naħa tagħha d-Direttorat tal-Ippjanar ma ssibx oġġezzjoni għall-proposta għax il-proġett jikkonforma mal-
policy CG 18 ‘Public Recreation and Sports Areas’
tal-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'elezzjonijiet saru s'issa tal-kunsilli lokali? Kemm kienu l-voti reġistrati għal kull elezzjoni? Kemm fil-fatt ivvotaw? Kemm-il kunsillier kien elett u lil liema partit kienu jirrappreżentaw?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm lukandi li applikaw biex jibbenefikaw mill-iskemi li offra l-Gvern għal għajnuna tal-lukandi? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-lukandi?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-lukandi li infurmaw lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta li ser jagħlqu għax-xhur tax-xitwa fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm lukandi oħra li fil-fatt għalqu f'dawn l-istess inħawi?
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu ż-żewġ proġetti pilota għat-tfassil ta' strateġiji u żvilupp sostenibbli fuq livell lokali li kienu tħabbru fid-diskors tal-aħħar budget?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-diskors ta’ l-aħħar budget kien tħabbar li se jintgħażlu żewġ proġetti pilota għat-tfassil ta’ strateġiji u żvilupp sostenibbli fuq livell lokali.
Peress li wara sejħa li saret għall-proposti mill-Kunsill Lokali kien hemm diversi proposti tajbin, ġie deċiż li flok tnejn jintgħażlu tliet lokalitajiet.
Dawn huma Ħamrun, Dingli u San Lawrenz.
Il-Kunsilli Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet diġà ngħataw 25,000 Euro kull wieħed u issa qed jaħdmu bl-għajnuna ta’ esperti u b’konsultazzjoni mar-residenti biex ifasslu l-istrateġiji.
L-istrateġiji għandhom ikunu lesti sal-aħħar ta’ Marzu 2010.
Attard — Triq Santa Katerina - żbir ta' arbuxelli u siġar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11185, u 11000, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u jara li l-arbuxelli u siġar li hemm fir-roundabout u t-traffic islands fejn l-isptar Santa Katerina, Triq Santa Katerina Attard, jiġu miżbura jew imneħħija għax qegħdin joħolqu periklu minħabba li jgħattu l-vista tas-sewwieqa li jkunu se jaqbdu r-roundabout?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard illi dawn is-siġar diġà ġew miżbura darbtejn u m’huma joħolqu ebda periklu għas-sewwieqa. Jekk dawn is-siġar jinżabru aktar, il-hedge li hemm fuq din is-centre strip tiġi rvinata.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — xogħlijiet fuq upgrading ta' Hay Wharf
Question
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 11241, jiġifieri jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal blokk ta' tliet sulari?