Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tat-telecare

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta persuna li għandha s-servizz tat-telecare bħall-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u tirraporta li l-linja tat-telfown hi bil-ħsara qed tieħu ħafna żmien biex tiġi rranġata meta ftit tax-xhur ilu, każijiet bħal dawn kienu jiġu rranġati minnufih?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Kif diġa ntqal fi tweġibiet oħra għall-mistoqsijiet parlamentari simili, is-Sezzjoni tat-Telecare mhijiex responsabbli għat-tiswijiet tat-telefon. Kull meta tiġi rrapuratata ħsara minn abbonat, din tiġi mgħoddija immedjatament lill-kumpanija GO li tieħu ħsieb it-tiswijiet. F'dan il-każ partikulari li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-ħsara ġiet irrapuratata lis-Sezzjoni tat-Telecare fit-12 ta' Ottubru u ġiet imsewwija f'inqas minn 24 siegħa wara.

Obbligazzjonijiet kuntrattwali ta' ħlasijiet ta' Accounts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-obbligazzjonijiet kuntrattwali ta' ħlasijiet (u mhux biss il-ħlasijiet li saru) għal kull sena mill-2008 sa tmiem 2011 fir-rigward ta' Account 5506 - Non Medical Equipment Facilities Managements u Account 5508 - Maintenance of Medical Equipment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: Sena 5506 Non Medical Equipment Facilities Management 5508 Maintenance of Medical Equipment € € 2009 5,478,382 2,136,293 2010 5,898,301 2,492,398 2011* 6,591,600 2,421,659 L-Acounts 5506 – Non Medical Equipment Facilities Management u Account 5508 – Maintenance of Medical Equipment bdew jintuzaw mis-sena 2009. * Tkopri stima ta' x'hinu ppjanat li jintefaq sal-aħħar tas-sena 2011.

Pazjenta bil-marda terminali

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha marda terminali u tixtieq li tibqa' l-M2?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenta li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li għandha marda terminali u minħabba stroke reġgħet ġiet l-isptar, bħalissa qed tieħu kura biss biex tkun tista’ terġa’ tiġi mobbli. M’għadtx għandha sitwazzjoni akuta li għaliha għandha għalfejn tibqa l-isptar. Kull kura u attenzjoni li għandha bżonn bħalissa tista' issir fil-komunità. Dak kollu li s’issa seta sar magħha fl-isptar seħħ, u m’għandiex raġunijiet mediċi għalfejn għandha tibqa' l-Isptar Mater Dei. Il-konsulenti tal-isptar kelmu lil qraba tal-pazjenta u ssuġerewlhom għażla bejn żewġ toroq: a. Il-pazjenta tmur id-dar u s-support kollu li għandha bżonn isir fil-komunitàjew b. Il-pazjenta tmur fl-isptar Karen Grech ħalli hemm isirilha aktar xogħol ta’ rijabilitazzjoni biex tkun tista' terġa’ timxi sew.

Talba għall-home help

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27638, jista' l-Ministru jara li l-bord jerġa' jara l-każ ta' anzjan ta' 75 sena, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab waħdu u qiegħed jitlob is-servizz ta' home help għax minkejja li jidher persuna kapaċi, huwa kellu stroke u hija diffiċli biex jaħsel l-art u jagħmel affarijiet oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-aħħar rapport mediku tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant datat 18 ta' Frar 2011 ma jindikax li kellha xi stroke, anzi hemm indikat li din il-persuna hija kompletament indipendenti. Għaldaqstant, jekk f'dan il-perjodu, din il-persuna esperjenzat xi tibdil fil-kundizzjoni medika, għandha terġa' timla l-formola medika tal-applikazzjoni għal dan is-servizz mill-ġdid biex b’hekk terġa' tidher quddiem il-Bord tal-Allokazzjoni.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dewmien fit-tilqim kontra l-influwenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'nofs Novembru għadu ma bediex it-tilqim kontra l-influwenza? Għal kemm-il persuna inxtrat tilqima? Jekk id-dewmien hu min-naħa tas-supplier, jista' jgħid hux se jinġieb tilqim għal inqas persuni peress li numru sostanzjali ta' nies intitolati għal tilqima b'xejn qed jilħqu jixtruha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-konsenja tat-tilqima tal-influwenza waslet Malta, u l-persuni li huma eliġibbli jistgħu jieħdu l-vaċċin miċ-Ċentri tas-Saħħa.

Gżira — Għeluq tad-Dar tal-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le, li d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira hemm il-ħsieb li tingħalaq fil-futur? Jekk dan huwa minnu, meta hemm il-ħsieb li din id-dar tal-anzjani se tingħalaq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira se tingħalaq meta jitlesta l-proċess ta’ refurbishment ta’ Zammit Clapp.

Poliklinika tal-Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-poliklinika tal-Gżira hemm il-ħsieb li tingħalaq fil-futur? Jekk dan hu minnu, meta hemm il-ħsieb li din tingħalaq? Meta (u jekk) din il-poliklinika se tingħalaq, fejn se jkollhom jirrikorru l-persuni li sal-lum qed jinqdew minn din il-poliklinika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm ippjanat li jinfetaħ ċentru tas-saħħa reġjonali ġdid fl-inħawi ta’ San Ġiljan biex jieħu post iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Ġżira. Dan iċ-ċentru ġdid hu fil-viċinanzi taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Ġżira u hekk kif dan jitlesta, jingħalaq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira.

Fgura — Triq il-Venewwa - parking area

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk djar privati tal-anzjani jistgħux jiġu diretti mill-awtoritajiet biex meta jkollhom parking area tagħhom, il-karozzi tal-ħaddiema u l-viżitaturi jiġu pparkjati fil-parking area tal-istess djar privati? Peress li r-residenti ta' Triq il-Venewwa, il-Fgura, qed isofru minn nuqqas akut ta' parking minħabba n-non-użu tal-parking area privat li għandha d-Dar tal-Anzjani li hemm fl-istess triq, jistgħux l-awtoritajiet jindikaw lid-dar de quo biex b'mod tassattiv il-parking area tiġi utilizzata biex b'hekk jiġu liberati parking spaces għall-benefiċċju tar-residenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Awtoritajiet tas-Saħħa m'għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-parkeġġ ta’ karrozzi f’dar tal-anzjani u għalhekk ma jistgħux jindikaw lill-imsemmija dar biex il-parking area tiġi utilizzata.

Formularju tal-mediċini tal-gvern

Question

B'referenza għal-lista ta' mediċini ġodda mdaħħla fil-formularju tal-gvern u mogħtija b'xejn skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27291, jista' l-Ministru jgħid: a) f'kull każ, kemm-il applikazzjoni saret biex pazjenti jingħataw din il-mediċina; b) f'kull każ kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa; ċ) f'kull każ, kemm kien hemm każijiet li ġew miċħuda li tinbdlilhom il-mediċina mitluba; d) f'kull każ, kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u kemm ilha li saret it-talba mill-ispeċjalista?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Legionella — lukandi u restoranti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħalqu lukandi, ristoranti eċċ. minħabba l-legionella?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul din is-sena nħarġu tliet avviżi ta’ nfurzar lill-operaturi ta’ tliet lukandi, li jikkonsistu f’żewġ lukandi ġewwa Malta u guest house ġewwa Għawdex, skont L-Att Legali 5 tal-2006 minħabba l-possibilità ta’ riskju ta’ infezzjoni mill-marda tal-Leġjonella.

Dar tal-Anzjani tal-Mosta — liftijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29925 u jgħid kemm hemm liftijiet fid-dar tal-anzjani tal-gvern tal-Mosta? Jista' jgħid kull wieħed minnhom meta ma kienx qed jiffunzjona mill-ewwel ta' din is-sena sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Serq fuq anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ħażijiet ta' serq fuq l-anzjani matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011? Jista' jgħid jekk dan in-numru kienx inqas jew iktar minn tas-snin ta' qabel fl-istess perjodu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

talba biex anzjan imur fid-Dimentia Ward

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hemmx ċans li l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, imur fid-Dimentia Ward fir-Residenza San Vinċenz de Paul minħabba l-kundizzjoni akuta li għandu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjan imsemmi f’din il-Mistoqsija Parlamentari daħal fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fl-20 ta’ Settembru, 2011, f’sala li tieħu ħsieb persuni li jbgħatu b’mard psiko-ġerjatriku kif ukoll bid-dementia. Fis-26 ta’ Settembru, 2011 saret talba mill-qraba ta’ dan l-anzjan sabiex dan jiġi trasferit minn din is-sala għas-swali l-ġodda. Din it-talba tpoġġiet fuq il- waiting list ta’ transfers fejn jinsab fis-7 post.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — informazzjoni dwar maintenance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti ma' ditti ewlenin lokali għall-maintenance tal-Isptar Mater Dei? X’inhuwa l-valur u t-terminu ta’ kull kuntratt? Id-disturbance allowances li ġew imwiegħda l-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dawn il-kuntratti se jitħallsu mis-somma miftiehma tal-kuntratt jew għad irid isir provvediment ieħor supplementary, speċjalment billi l-ħaddiema ġew imwiegħda żiediet simili minn mindu beda jopera l-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Operazzjonijiet fuq tfal Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet fuq tfal Għawdxin f'din l-aħħar sena? Jista' jgħid x'inhi l-età , x'tip ta' operazzjoni kienet u l-medja ta' ġranet li dawn it-tfal damu l-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdxin riferuti għal trattamenti fl-Isptar Boffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar kemm kienu dawk l-Għawdxin li ġew riferuti għal trattament fl-Isptar Boffa? Għal liema trattament? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu l-irġiel skont l-età?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.