Awtoritajiet tal-Knisja – kustodji mal-knejjes matul il-jum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jidħol f’taħditiet mal-Awtoritajiet tal-Knisja lokali sabiex isir xi tip ta’ arranġament li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu impjegati numru ta’ kustodji sabiex numru ta’ knejjes u kappelli antiki u li għandhom ċerta storja u li għandna mxerrdin fin-naħa t’isfel ta’ Malta jiġu miftuħa matul il-jiem kollha tal-ġimgħa? B’hekk filwaqt li nkomplu nżidu l-prodott turistiku u s-siti storiċi li jistgħu jżuruhom it-turisti, inkomplu nżiedu n-numru ta’ turisti f’dik il-faxxa ta’ turiżmu li ġeneralment jinterassahom dawn it-tipi ta’ siti storiċi u li ġeneralment ikollhom spending power akbar u b’hekk ikompli jitferrex il-ġid maħluq minn dan it-tip ta’ turiżmu madwar aktar inħawi ta’ Malta u ma jibqax ikkonċentrat biss fil-Belt Valletta u l-Imdina?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tip t’arranġament ma jaqgħax taħt il-kappa tal-Ministeru għat-Turiżmu.
Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm tant delays fuq it-tijiriet tal-Air Malta?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa’ spjegajt fis-seduta Parlamentari tal-11 ta’ Ġunju, kien hemm dewmien imprevist sabiex l-ajruplan il-ġdid jingħaqad mal-kumplament tal-flotta tal-Air Malta. Saru arranġamenti biex it-titjiriet skedati li kellhom isiru b’dan l-ajruplan jiġu operati minn ajruplani oħra fuq bażi ta’ wet lease.Wieħed minn dawn l-ajruplani kellu jiddaħħal għal manutenzjoni minħabba ħsara teknika.
Kien hemm ukoll dewmien li l-Air Malta ma kellha l-ebda kontroll fuqu fosthom
strikes
tal-
Air Traffic Control
ġewwa diversi pajjiżi, żewġ
bird strikes
, kundizzjonijiet ta’ temp ħażin fl-Ewropa, kif ukoll aċċident fejn trakk laqat wieħed mill-ajruplani.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex żdiedu r-rotot meta m'hemmx biżżejjed ajruplani? Tant hu hekk li sar reklamar fuq wieħed mill-mezzi soċjali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6321, ninfurmah li l-Air Malta għamlet arranġament sabiex iżżid il-flotta tagħha b’żewġ ajruplani oħra biex topera l-iskeda kollha tagħha.
Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment – ħruġ tal-permess
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ disturb għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-ħruġ tal-permess? X’superviżjoni ssir mill-Ministeru? X’inhi l-proċedura ta’ tiġdid tal-permess? Kemm hu l-ħlas tal-liċenzja ta’ stabbilimenti ta’ din ix-xorta? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma jiġiex trasmess b’inkonvenjent?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-MTA ma kinitx l-Awtorita’ li dak iż-żmien ipproċessat u ħarġet il-liċenzja ta’ diskoteka, iżda kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ħareġ din il-liċenzja. Il-parir li l-MTA intalbet tagħti dak iż-żmien kien jekk il-liċenzji ta’ dan l-istabbiliment kinux imħallsin jew le.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-due diligence reports dwar il-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proċess ta’ procurement saret evalwazzjoni tal-promoturi tal-proġett, u li tali hija soġġett għal obbligi ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3023 jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet u jgħid fejn huma ppjanati li jinbnew car parks fir-Rabat Għawdex biex tkun tista’ tittaffa l-problema tal-parkeġġ f’din il-lokalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Projects Malta Ltd flimkien mal-Ministeru għal Għawdex qed jesploraw il-possibilitajiet dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li t-tagħrif qed jinġabar.
Awtorità Maltija għat-Turiżmu – flus minfuqa ġewwa Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment sar, fejn sar u kemm intefqu flus ġewwa Għawdex mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid xi proġetti hemm ippjanati għal Għawdex għas-sena 2018 u fis-snin ta’ wara mill-istess Awtorità għat-Turiżmu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat li f’Għawdex, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu investiet bis-saħħa fil-prodott u l-immaniġjar tal-bajjiet bil-għan li jitjiebu l-faċilitajiet u s-servizzi fid-diversi żoni turistiċi. Mis-sena 2013 sal-aħħar tas-sena 2017 l-MTA nefqet medja ta’ €182,500 fis-sena ġewwa Għawdex.
Bis-saħħa ta’ dan l-investiment, fl-2017 il-bajjiet ta’ Marsalforn u Ħondoq ir-Rummien rebħu l-istatus ta’ Blue Flag, u kien ukoll possibbli li jiġġedded il-Blue Flag status ġewwa l-bajja tar-Ramla l-Ħamra. B’hekk Għawdex issa għandha tlett bajjiet li jxejjru l-Blue Flag u diversi bajjiet oħra li qed jiġu mmaniġjati.
Huwa ppjanat li għal din is-sena u għas-snin li ġejjin dan l-investiment ikompli jissaħħaħ sabiex ikompli jitjieb il-prodott turistiku f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-pjanijiet dwar il-proġett maħsub għaż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qegħdin isiru diskussjonijiet mal-istakeholders kollha kkonċernati sabiex wara jkun jista’ jiġi ffinaliżżat il-pjan.
Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti qed jiġu ppjanati fil-lokalità ta’ Birżebbuġa minn Projects Malta, Projects Plus u l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern mistenni jħabbar il-pjani tiegħu b’rabta mall-ewwel fażi tal-proġett ta’ Birżebbuġa.
Ministeru għat-Turiżmu – social media advertising — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sena 2013 ’l hawn intefqu medja ta’ ftit aktar minn €293,000 (mitejn, tlieta u disgħin elf Ewro) fis-sena f’social media advertising.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-valutazzjoni, l-RFP submission u l-project evaluation dwar l-art tal-ITS f'San Ġiljan li tlestew fis-26 ta' Jannar 2017 mid-ditta li isimha qiegħed jingħata separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument hu kummerċjalment sensittiv u li l-Gvern diġà ta preżentazzjoni mill-aktar dettaljata dwar din il-valutazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex isiru railings għal aċċess aħjar għall-bajja ta' St Peters Pool f'Delimara?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-FTZD li għaddejjin taħdidiet ma’ Transport Malta sabiex jitjieb l-aċċess għall-bajja min-naħa tal-baħar. Ġie ordnat ukoll poġġaman sabiex jitwaħħal mat-taraġ eżistenti u b’hekk jitjieb l-aċċess mit-triq għall-bajja. Dan kollu qed isir fid-dawl li l-ínterventi jkunu idoneji mal-post minħabba s-sensittività tal-ambjent tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5502 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus b’kollox lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bejn l-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5501 u ċjoè: F’April 2017, il-Gvern ġie rrapportat li ħallas miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, bil-ġustifikazzjoni li l-Awtorità tat-Turiżmu se tagħmel reklami fuq il-magazine tal-kumpanija u peress li issa li għaddiet iktar minn sena, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-reklami? Kemm hu kkalkolat li laħqet nies din il-pubbliċità?
Ministeru għat-Turiżmu – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 ’l hawn intefqu medja ta’ €17,445 (sbatax-il elf, erba’ mija, ħamsa u erbgħin Ewro) fis-sena f’konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni.
Ministeru għat-Turiżmu — persuni li huma maħtura bħala Kummissjunarji
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ persuni ġewwa l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li huma Kummissarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta).
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti dwar il-mina li qed tiġi proposta li tinbena b'rabta mal-proġett fuq l-art tal-ITS f'San Ġiljan? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li ser jiġi jiswa' l-bini ta' din il-mina u jikkonferma li l-bini ta' din il-mina huwa proġett tal-Gvern u li l-ħlas għaliha ser isir mill-Gvern?
Ministeru għat-Turiżmu – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif speċifiku mitlub, diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati.
L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.