Jista’ l-Ministru jara li jitneħħew jew jitressqu l-blokki kbar li qed jesporġu fuq Triq Psaila, kantuniera ma’ Triq Laurent Ropa u Triq Cuschieri, ġewwa Fleur-de-Lys, Birkirkara, li qed jagħlqu blokka bini, peress li għal żmien twil ilhom ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti u s-sewwieqa kif jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-blokki msemmija tneħħew kompletament wara l-intervent tal-Uffiċċjali tal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3535, jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt hux se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li fetħet din l-iskema, kien fl-2013, taħt Gvern Nazzjonalista?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt se tiftaħ aktar tard din is-sena.
Ħal Balzan – pjanti tal-proġett ta’ Triq ta' Wied Ħal Balzan
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pjanti tal-proġett ta’ Triq il-Wied f'Ħal Balzan ingħatawx lill-Kunsill Lokali, u jekk le jispjega għalfejn u jekk iva meta ngħataw? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti li ġew diskussi mal-Kunsill konċernat. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li huma pubbliċi.
Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma għalfejn is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan ser jinqalgħu minn posthom u mhux ser jiġu integrati fil-proġett?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid ta Triq il-Wied f'Ħal Balzan huwa investiment tant meħtieġ li jinkludi wkoll servizz ġdid ta' distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art, sistema ġdida ta kanali tal-ilma tax-xita, titjib fid-disinn tat-toroq bi spazji tal-parkeġġ miżjuda, il-bini mill-pedamenti, madwar 1.2 kilometru ta bankini ġodda u wiċċ ġdid għat-triq. Kif issemma waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, din it-triq hija waħda li dwarha jiġu riċevuti diversi lmenti minn residenti tal-istess lokalità fuq bażi regolari. It-triq se terġa' tinbena bl-użu tal-allinjament kurrenti filwaqt li żżomm l-istess wisa 'għall-karreġġati matul il-medda kollha tat-triq. Kif ġie indikat waqt il-konferenza stampa, is-siġar li qed jiġu riferuti qed jikkawżaw ħsara sostanzjali lit-triq innifisha kif ukoll lis-servizzi sottostanti li min-naħa tagħhom joħolqu problemi għar-residenti. F'dan ir-rigward, Transport Malta dejjem timmira għall-impatt ambjentali mnaqqas matul ix-xogħlijiet li jimpenja ruħu fuq it-toroq varji f'pajji¿na. Waqt id-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali u mar-rappreżentanti tal-ERA, ġie deċiż li s-siġar jistgħu jerġgħu jitħawlu x'imkien ieħor ghalhekk fejn hu possibli se jsir sforz biex is-sigar ikunu inkorporati fil-proġett kemm billi jitħallew f’posthom kif ukoll jiġu rilokati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġi jiswa x-xogħol għall-proġett tat-Triq il-Wied f’Ħal Balzan u x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru? Jista’ jgħid jekk hux ser jinbidlu s-servizzi tal-ilma, tad-dranaġġ, ta’ street lighting u hux ser isiru bankini ġodda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol huwa stmat li jiswa madwar €500,000 liema ammont jeskludi d-drenaġġ li se jkun qed jiswa madwar €1,000,000 li jifforma parti mill-Master Plan tal-Water Services Corporation. Nikkonferma li s servizzi ta’ l-ilma u tad-drenaġġ kollha ta’ taħt l-art u l-bankini kollha se jkunu qed jinbidlu.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għaż-żona Ta' Masrija fil-Mellieħa, li tinkludi wkoll is-service road li “ttieħdet” fl-aħħar xhur mill-bypass tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat (inkluż korrispondenza li għaddiet bejn TM u l-MEPA) mal-applikazzjoni PC 42/15, kif ukoll dokumenti relatati mal-applikazzjoni tal-MEPAPA 4811/15?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Bypass tal-Mellieħa – service road – varjazzjoni fil-veloċità
Question
B'referenza għas-service road li saret fil-bypass tal-Mellieħa, liema service road "ittieħdet" mill-istess bypass, jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun il-veloċità massima permessa tul l-istess bypass kollha u jekk hux ser ikun hemm varjazzjoni fil-veloċità permessa fil-parti ta' fejn sar il-ħajt ta' fejn illum saret is-service road li “ttieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa? U jekk ser ikun hemm varjazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser tkun din il-varjazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-veloċità massima tal-Bypass tal-Mellieha se tkun ta’ 60km/h. Dan ukoll minħabba l-fatt li mhux rakkomandabbli veloċità massima ta’ aktar minn 60km/h fejn ikun hemm cycle lane. Ninfurmah ukoll li fil-parti tranżitorja fejn hemm aċċess għaż-żona residenzjali u fejn hemm cycle lane li tgħaddi minn ġol-inkroċju, il-veloċità massima ġiet imnaqqsa għal 40km/h u wkoll li tali parti tranżitorja se tkun mgħammra b’miżuri tas-sigurtà.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġejja wiesa’ s-service road li saret fiż-żona magħrufa bħala Ta' Masrija fil-Mellieħa li din l-istess service road tmiss mal-bypass tal-Mellieħa kif ukoll jekk hux ser ikun hemm bankina fl-istess service road (liema service road “ittieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa)?
Response (BORG, IAN)
L-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħala Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’ċens temporanju ghal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jkun hemm bankina fuq naħa waħda, filwaqt li t-triq inkluż il-bankina ser tkun wiesgħa 6.2 metri.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-parti fejn inbena l-ħajt minn fejn "ittieħdet" parti mill-bypass tal-Mellieħa sabiex setgħet isir is-service road, hux ser tiġi interrotta l-bike lane li suppost ser issir tul il-bypass tal-Mellieħa, u jekk l-istess parti tal-bike lane hijiex ser tkun inserita fl-istess service road?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bike lane mhux sa tkun qed tiġi interrotta, iżda ser tkun qed tgħaddi minn ġo l-istess service road.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid, jekk is-service road in kwistjoni kenitx oriġinarjament tifforma parti mill-art li l-istess żviluppatur għandu b'ċens temporanju u għaldaqstant taqa' fil-konfini tal-istess art jew jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx lill-istess żviluppatur parti minn art pubblika oltre l-konfini tal-art tiegħu, u dan sabiex jaqdi l-interessi privati tal-proġett?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ħal Farruġ – Triq Ħal Qormi – stallazzjoni ta’ zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jara li terga' tiġi stallata ż-zebra crossing fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ peress li din tneħħiet meta sar ix-xogħol infrastrutturali fir-roundabout li tgħaqqad din it-triq ma' Triq l-Ingiered u Triq Ħal Farruġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żebra crossing fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ għadha ma ġietx installata minħabba li l-asfalt ma sarx ta’ kwalità tajba u għaldaqstant sa jkollu jerġa' jinqala’ mill-kuntrattur a spejjeż tal-istess kuntrattur.
Awtorità tal-Ippjanar — Floor Area Ratio – applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-applikazzjonijiet li jinsabu pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini abbażi ta' dak li tipprovdi l-Floor Area Ratio (FAR) policy? Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-applikazzjonijiet f'liema stadju wasal il-proċess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6499, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema 14-il applikazzjoni relatati ma’ żvilupp li jinvolvi l-Floor Area Ratio. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ dawn l-applikazjonijiet bl-informazjoni hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6412 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jara li l-bozza bin-numru 163 li qiegħda fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u li ilha mitfija għal aktar minn sena, tinxtegħel kemm jista’ jkun malajr?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru għal Għawdex.
Awtorità tal-Ippjanar – Valletta Waterfront – siġġijiet u mwejjed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sidien ta’ negozji fil-Valletta Waterfront ġew ordnati mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ineħħu siġġijiet u mwejjed minn quddiem il-ħwienet u stabbilimenti tal-ikel fejn dawn l-istess siġġijiet u mwejjed li ġew mitluba jitneħħew ilhom fil-post minn meta infetaħ u beda jopera l-Valletta Waterfront?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mwejjed, siġġijiet u umbrelel quddiem il-ħwienet imsemmija, fuq in-naħa tal-bini storiku, qatt ma kienu muniti b’xi permess maħrug mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk kien inħareġ avviż ta’ infurzar u ta’ twettiq fl-2012. Wara li, f’Mejju 2018, ittieħdet deċiżjoni fuq applikazzjoni li ġiet sottomessa qabel, l-Awtorità infurzat l-avviż tal-2012 biex tiżgura li l-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-post ikunu konformi mal-pjanti approvati.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li fit-triq tal-Għadira jsir fence tal-ħadid fin-nofs biex ma jħallix persuni jaqsmu minn ġol-ħaxix li preżentament jifred il-karreġġjati fid-direzzjoni opposti? Dan sabiex kull min ikun irid jaqsam jagħmel dan minn fuq id-diversi pelican lights li hemm f’din l-istess triq u mhux jaqsam b’mod perikoluż?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tara li tistudja din il-possibilità peress li strutturi fit-toroq, minnhom infushom, joħolqu perikli ta’ natura differenti jekk ma jkunux mgħamulin b’mod u ta’ tip li jkunu siguri għas-sewwieqa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6320 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix reġistru ta’ djar antiki li huma protetti u li ma jistgħux jitwaqqgħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' xogħlijiet li saru fil-lokalità tal-Gudja minn Transport Malta minn April tas-sena 2013 sa meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru fil-lokalita’ tal-Gudja minn Transport Malta fil-perjodu msemmi f’din il-Mistoqsija Parlamentari huma kif murija fit-tabella sussegwenti:
Triq Pawlu Mallia
Construction and Surfacing
2014
Vjal it-Torri
Construction and Surfacing
2014
Triq l-Avjazzjoni
Installation of Pelican Crossing
2014
Triq Rużar Formosa
Resurfacing works of
2016
Triq Rużar Formosa (
Paving)
Paving
2016
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' xogħlijiet li saru fil-lokalità tal-Fgura minn Transport Malta minn April tas-sena 2013 sa meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-lokalità sar ix-xogħol fi Triq Valperga.