Proġett tad-daħla tas-Salina – Permessi u pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-pjanti kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tad-daħla tas-Salina (li saret referenza għalih fuq domanda parlamentari 102) u li fuqhom suppost Infrastruttura Malta qed timxi magħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tindika kemm u fliema żoni fil-lokalità tal-Mellieħa hemm Bring in Sites għad-dispożizzjoni tal-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-lokalità tal-Mellieħa hemm seba’ (7) Bring-In Sites u dawn qegħdin fi:
· Triq l-Iżbark tal-Franċiżi
· Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad – sit 1
· Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad – sit 2
· Ramlet il-Qortin (ta’ Maċċa)
· Triq l-Arżnell
· L-Armier (fil-parkeġġ)
· Triq il-Mellieħa fil-Manikata
Selmun u Bypass ta’ San Pawl il-Baħar – bozoz maqtugħin
Question
Tista’ l-Ministru tara li bozoz li hemm maqtugħin fit-Telgħa ta’ Selmun u fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar li ilhom hekk għal diversi jiem, jinbidlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li għaddew il-ħaddiema sabu l-ħsarat li kien hemm u għamlu t-tiswijiet meħtieġa fuq id-dwal kemm fit-Telgħa ta’ Selmun u anke fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar.
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar liema huma t-toroq li fihom ġie installat dawl LED? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jinbidel għal wieħed LED matul is-sena li ġejja? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jiżdied permezz ta’ dawl LED matul is-sena li ġejja?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li fihom diġà ġie installat dawl LED. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jitwettqu proġetti simili fi Triq ir-Repubblika u fit-triq ta’ madwar il-Belt Valletta, fi Triq il-Katakombi fis-Salina u fi Triq San Leonardu f’Ħaż-Żabbar. Din l-inizjattiva hija waħda kontinwa u timxi wkoll id f’id max-xogħol li tkun qed twettaq Infrastructure Malta. Barra minn hekk, qed jiġi installat dawl LED kull fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ bdil ta’ bozoz jew manutenzjoni oħra fid-dwal tat-toroq. Sadanittant, Enemalta plc qed tħejji pjan ta’ tliet snin sabiex id-dawl fit-toroq residenzjali jinbidel ukoll.
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni jekk hemmx pjan kif it-toroq arterjali u distribitorji kollha jkollhom dawl LED? Jekk iva, meta hemm pjan li dan jitlesta? Jekk le, x’inhu l-pjan tal-Gvern dwar id-dawl fit-toroq arterjali u distributorji sabiex innaqqsu t-tniġġis ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 653.
Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro
Question
B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 tat-13-il Leġiżlatura, fil-15 ta' Frar 2021, il-Ministru kienet infurmat lill-Kamra li r-rapport intern li għamlet l-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm fil-Montenegro ġie mgħoddi lill-Pulizija, u għaldaqstant tista' issa l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?
Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-Bord
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret il-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li ġew appuntati fit-12 ta' Ottubru, 2021?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-Tlettax-il Leġiżlatura.
Electrogas Power Station (Delimara 4) – prezz li bih kien qed jinxtara l-elettriku
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma lill-Kamra li mill-5 ta' April, 2022 spiċċa ż-żmien tal-prezz fiss li bih kien qed jinxtara l-elettriku mill-power station tal-Electrogas (Delimara 4) abbażi tal-Power-Purchase Agreement, skont ma kkonferma l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu pubblikat f'Novembru 2018, u li l-prezz medju li bih inxtara kull unit ta' enerġija minn Delimara 4 issa li beda l-"indexed price period" mill-5 ta' April sa meta tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Indexed Price period beda mill-14 ta’ April u l-prezz medju li bih jinxtara l-elettriku mill-impjant magħruf bħala Delimara 4 huwa ta’ €85.81/MWh. Ma' dan il-prezz, l-Enemalta tixtri wkoll l-EU Emissions Allowances, magħrufa wkoll bħala Carbon Emissions, li l-prezz medju fis-suq bħalissa jirriżulta nefqa ta' €20.73/MWh.
Kif jaf l-Onorevoli intepellant, dan mhux l-uniku sors minn fejn tinxtara l-enerġija. Fost oħrajn hemm l-interconnector li l-prezz medju tiegħu f’April kien ta’ €258.25/Mwh, li ma jinkludix ċerti spejjeż anċillari.
Il-Kalkara — Triq Missjoni Taljana - points tal-ilma ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tispjega għaliex fi Triq il-Missjoni Taljana, il-Kalkara, saru 3 points tal-ilma ġodda tul it-triq li mill-20 ta’ Mejju 2020 s’issa jidher li mhuma konnessi ma mkien, u x’inhu l-iskop li għalih saru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-“3 points tal-ilma” li qed jirreferi għalihom huma pedestalli tal-ħadid li magħhom għad jonqos li jiġu installati l-pompi tal-ilma awtomatiċi. L-installazzjoni tagħhom tagħmel parti min-network il-ġdid tan-New Water fin-Nofsinhar ta’ Malta; network li qed jinfirex u li qed jibda jintuża gradwalment.
San Pawl il-Baħar — interruzzjoni fis-servizz tal-ilma - ħruġ ta' avviżi
Question
B’referenza għall-avviż li deher fid-9 ta’ Mejju, 2022 rigward interruzzjoni fis-servizz tal-ilma f’numru ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar fil-11 ta’ Mejju, 2022, tista’ l-Ministru tara li meta jkun hemm qtugħ ta’ ilma fi Triq il-Bardnell, San Pawl il-Baħar, hekk kif ġara fil-11 ta’ Mejju, 2022, din it-triq tiġi mniżżla wkoll fl-avviżi li jinħarġu, dan wara li din it-triq ingħatat isem matul ix-xhur li għaddew? Tista’ l-Ministru tara li jsir l-istess meta jinħarġu avviżi minn entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif ukoll Enemalta plc., ħadu nota tat-triq imsemmija sabiex din tiġi inkluża fi kwalunkwe avviż li jkun jikkonċerna r-residenti tagħha.
Port Ħieles – shore to ship – xogħlijiet mill-Enemalta
Question
Tista' l-Ministru telenka lista tax-xogħlijiet li għad jonqos isiru min-naħa tal-Enemalta sabiex ikun jista' jiġi pprovdut is-servizz ta' shore to ship fil-Port Ħieles? F'każ ta' xogħlijiet fit-toroq, tista' tiġi preżentata lista ta' toroq li ser jiġu affettwati? Kemm mistennija tkun l-ispiża? Tista' tingħata timeline ta' dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, fir-rigward tal-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles, iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Min-naħa tagħha l-Enemalta hija disposta li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett skont il-mandat li tingħata.
Birżebbugia – Tal-Papa – low u fluctuating voltage
Question
Tista' l-Ministru telenka l-pjan sabiex tiġi solvuta l-problema ta' low u fluctuating voltage li jeċċedi t-toleranzi permissibbli fl-inħawi Tal-Papa f'Birżebbuġa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xahar id-dieħel l-Enemalta għandha tibda x-xogħlijiet meħtieġa ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi magħrufa bħala tal-Papa.
Tista' l-Ministru telenka lista li turi t-tip, il-kwantità u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabbli jew riċiklabbli, tal-materjal li tneħħa u ser jitneħħa u/jew ġie skavat u ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċineratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' telenka l-proċedura ta' x'qed isir minn kull tip ta' materjal imneħħi jew skavat u x'tip ta' dokumentazzjoni u/jew ċertifikazzjoni li trid tiġi preżentata? Kemm saru spezzjonijiet biex jiġi vverifikat dak li qed jiġi ddikjarat u li qed jiġu esegwiti l-proċeduri stabbiliti u x'instab waqt dawn l-ispezzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mis-sit imsemmi, sal-lum tneħħiet biss il-ħamrija tal-wiċċ. Din il-ħamrija nżammet fil-faċilità tal-Wasteserv sabiex terġa’ tintuża. Sadanittant, il-materjal li jrid jiġi skavat ġie kkaratterizzat skont Termini ta’ Referenza maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-Istudji dwar l-Impatt Ambjentali. Saret ukoll analiżi kimika li ddeterminat li l-materjal mhuwiex perikoluż (hazardous) u li għaldaqstant jista’ jiġi ttrasportat, mormi jew użat mill-ġdid skont ir-regolamenti. Ninsab infurmata wkoll li l-ispezzjonijiet li għamlet l-ERA kkonfermaw li x-xogħlijiet ta’ skavar relatati mal-PA08038/21 għad iridu jibdew. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kwantità u s-sors tal-materjal li ser jiġi skavat skont ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ta’ Awwissu 2021.
Attachments:PQ 516 - Materjal li se jiġi skavat.pdf
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-EV Meters jistgħux japplikaw għalihom sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdin nikkunsidraw kif ser isiru emendi fil-Provvista tal-Elettriku sabiex sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages ikunu jistgħu japplikaw ghall-EV meter.
Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fi Triq Xrobb l-Għaġin u Triq Strejnu bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk huwiex lest kompletament? Jekk le, x’inhuma x-xogħlijiet li għad fadal u meta huwa maħsub li dawn jitlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ networks taħt wiċċ it-triq fit-toroq indikati huma kompluti kollha, inkluż l-ewwel saff ta’ tarmak. Is-saff finali huwa ppjanat li jingħata fix-xhur li ġejjin mat-tkomplija tal-proġett kollu.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi tisbiħ ġewwa Delimara limiti ta’ Marsaxlokk, ħalli dan ikun jista' jitgawda mill-pubbliku, speċjalment mill-familji, b’mod partikolari fiż-żona ta’ qrib il-fanal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, il-Gvern huwa kommess li jimplimenta proġetti ġodda ta’ afforestazzjoni u restawr ta’ siti naturali, anke bi sħubija ma’ stakeholders oħra. Il-proċess tal-identifikazzjoni tas-siti u l-iżvilupp ta’ pjanijiet t’azzjoni għalihom huwa wieħed kontinwu.
Żona tal-imbordin – triq bejn san pawl il-baħar u l-mellieħa – stallazzjoni ta’ dawl
Question
Tista’ l-Ministru tassigura li t-triq bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa fiż-żona Ta’ l-Imbordin ikollha iktar dawl installat? Meta jista’ jitwettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’partijiet kbar it-triq indikata hija klassifikata bħala ODZ u għalhekk ma jistgħux jitwaħħlu arbli tad-dawl. Sadanittant, l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba għal dawl ġdid fl-inħawi.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra bid-dettalji tal-ftehim il-ġdid dwar ix-xiri tal-gass mill-Enel li ġie rrapportat fid-29 ta’ April, 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. membru li l-Enemalta m’għandha ebda ftehim għax-xiri tal-gass mill-Enel, imma għandha ftehim ta’ hedging mal-kumpanija Taljana Enel.
Dan il-hedging kien meħtieġ u sar fl-isfond ta’ suq volatili fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.
Tista’ l-Ministru tispjega għaliex il-kumpanija Enemalta, li l-Gvern għad għandu l-maġġoranza tal-ishma tagħha, ilha ma tippubblika l-kontijiet awditjati tagħha mill-2018, u meta dawn se jkunu qed jiġu ppubblikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-fatt il-kontijiet awditjati tal-Enemalta għas-snin finanzjarji 2018,2019 u 2020 ġa ġew mgħoddija lil Malta Business Register kif titlob il-liġi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien it-telf kull xahar li qed jiġi rapportat li qed tagħmel l-Enemalta u qed ikun kumpensat mill-Gvern minn Jannar, 2022 sal-lum? Tista’ tgħid jekk il-kumpanija li d-dettaji dwara qed jingħataw separatament, li hija proprjetarji ta’ 33% tal-ishma tal-Enemalta, hijiex qed toħroġ sehem minn dan il-kumpens jew hijiex qed tagħmel profitt, u ta’ kemm hu dan is-sehem ta’ kumpens jew profitt?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern investa u qed jinvesti l-flus biex jipproteġi lill-konsumaturi miż-żieda fil-prezzijiet tas-suq internazzjonali tal-enerġija.
Dan ifisser li l-ebda parti minn dak li ħallas il-Gvern m'hi qed tgħaddi bħala dividends għand ix-shareholders, huma min huma. L-uniku li qed jibbenefika huwa l-konsumatur.
L-Enemalta tkun f’pożizzjoni li tippreżenta t-tagħrif dwar il-kontijiet tagħha ladarba dawn jiġu preżentanti skont l-obbligi li għandha l-kumpanija.