Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – rapporti li saru minn animal stewards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti li diġà għaddew minn animal stewards li qed jaħdmu ġewwa kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ rapporti kienu dawn? X’qed ikun mistenni minnhom bħala xogħol dawn l-animal stewards? Hemm xi tip ta’ relazzjoni kontinwa bejn dawn l-impjegati u d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali biex xogħolhom ikun wieħed effettiv? Huwa mitlub minnhom li jgħaddu xi tip ta’ rapport regolari lill-istess Kunsilli Lokali li huma ingaġġati fihom? Huwa mitlub minnhom li jgħaddu rapporti regolari ta’ xogħolhom lid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – ġbir ta’ klieb mhux micro chipped

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li klieb mhux micro chipped mhux qed jinġabru mill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid xi jsir minnhom jekk dawn il-klieb ikunu mweġġgħin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta klieb ikunu f’periklu u/jew jinstabu mweġġa', dawn jinġabru irrispettivament jekk ikunux microchipped jew le u jittieħdu għall-kura meħtieġa. Eventwalment, dawn jitpoġġew għall-adozzjoni.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – ġbir ta’ annimali midrubin mill-uffiċjali – trattament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-annimali midrubin li qed jinġabru mill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali humiex kollha qed jiġu invistati, trattati u mfejqin mill-Isptar tal-Annimali ġewwa Ta’ Qali, ċjoè l-APH, hekk kif inhu mitlub fil-kuntratt li ntrebaħ mill-istess operatur ta' dan l-isptar? Jekk qed jintużaw kliniċi oħrajn, liema huma, u għaliex qed jiġri dan?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – miżuri Green

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri green qed jittieħdu fid-dekasteru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru li tiegħu jiena responsabbli hemm fis-seħħ miżuri green hekk kif elenkat hawn taħt. Barra minn hekk, dan il-Ministeru qed jimplimenta wkoll il-linji gwida għall-Enerġija Effiċjenti skont iċ-Ċirkolari tal-OPM Nru 12/2022. Lista’ ta’ miżuri green: · Il-ħaxix kollu mhux mibjugħ fil-Pitkalija qed jintbagħat lill-Wasteserv, fejn jinbidel f’kompost għall-istess bdiewa. Dan jiżgura li n-nutrijenti jiġu rritornati fil-ħamrija u mhux moħlija. Il-ħaxix tajjeb qed jintbagħat f’diversi Soup Kitchens u Food Banks, biex b’hekk jiġi eliminat kemm jista’ jkun skart. · It-tenders u l-akkwisti kollha qed jiġu skrutinizzati biex isiru ħodor kemm jista’ jkun · Użu ta’ mini trakk elettriku għall-ġarr ta’ materjal tal-ġnien · Użu ta’ heaters solari u pannelli solari · Tnaqqis fl-impronta klimatika u ambjentali fl-operat tal-Biċċerija Pubblika fosthom: § Titjib fl-effiċjenza enerġetika § Installazzjoni ta’ impjant fotovoltajku ta’ 250kWp § Minn Settembru 2022, il-Biċċerija Pubblika saret l-ewwel entità f’Malta li ssorveljat b’mod sistematiku l-konsum tal-elettriku u l-emissjonijiet ta’ serra skont l'hekk imsejjaħ Protokoll tal-Gassijiet Serra (GHG Protocol). Dan jippermetti li jiġi identifikat aktar iffrankar tal-enerġija abbażi tad-dejta tal-minuti f'ħin reali. § Investiment f’bibien insulati industrijali, biex jgħinu jżommu l-kontroll tat-temperatura fiż-żoni operattivi u jimminimizzaw it-telf tat-temperatura. § Eżerċizzju ma’ Social Innovative Management Ltd biex jiġi vvalutat il-bini tal-uffiċini u jiġu implimentati miżuri Efficient Energy saving bil-għan li jinkisbu emissjonijiet kważi netti żero mill-blokk tal-Uffiċċju. § Xoghol fuq proġett pilota ta' sistema ta' sterilizzazzjoni UV minflok sterilizzazzjoni bl-użu ta' ilma f'82C § Titjib tal-effiċjenza tal-ilma u tnaqqas il-konsum tal-ilma b'20%, minn medja ta' madwar 200m3 kuljum għal c.160m3 kuljum. § Tnaqqis tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jiġu inċinerati § Investiment f'Impjant ġdid ta' Prodotti Sekondarji biex jilqa' għat-trattament ta' Prodotti Sekondarji tal-Annimali. · Proċess ta’ xiri ta’ 4 karozzi elettriċi mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura · Skema sabiex is-sajjieda ikunu inċentivati biex jużaw metodi u tagħmir li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent meta jistadu. L-iskema għandha tipprovdi rimborż finanzjarju b'limitu massimu ta' €700 għal kull bastiment għall-ispiża tax-xiri ta' tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. · Skema li tħeġġeġ lis-sajjieda biex jadottaw miżuri għal sajd sostenibbli, permezz ta’ sajd selettiv u t-tnaqqis tar-rata tal-magni permezz ta’ l-użu ta' tagħmir tas-sajd bijodegradabbli sabiex inaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa u jimminimizza l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar billi jillimitaw l-emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu minn magni diesel tal-baħar, fi sforz biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent. · Skema mmirata biex tirkupra l-irkaptu tas-sajd mitluf (xbieki, nases, u kull tagħmir ieħor tas-sajd) mill-ambjent tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin. · Il-proġett BLUEfasma bl-għan li jintegra u jimplimenta l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura · Proċess kontinwu ta’ tibdil ta' fittings tad-dawl inkandexxenti għal attrezzaturi LED li jiffrankaw l-enerġija. · Pjan biex jiġi nstallat roof garden fuq il-Gene Bank fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti (Miżura tal-Manifest). · Identifikazzjoni ta’ spazji għat-tqegħid eventwali ta' pannelli solari.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — persuni rreġistrati bħala self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).

Qatla ta’ majjal — tibdil

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif varjat (inbidlet) il-qatla tal-majjal għal kull ġimgħa matul l-aħħar sentejn? Kif jitqabbel in-numru ta' majjali maqtula f'dan il-perjodu ma' dak li kien fis-snin preċedenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawk li jrabbu l-majjal ressqux xi talbiet speċifiċi ta' għajnuna matul l-aħħar xhur? Jekk iva, x'kienu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ma ġiet sottometta l-ebda talba uffiċjali għall-għajnuna speċifika minn dawk li jrabbu l-majjal. Il-Gvern diġà għin u qiegħed jgħin finanzjarjament lil dan is-settur permezz ta’ għajnuna lill-Koperattivi tal-Majjal b’ ammont ta’ €200,000, Pig Welfare Scheme b’ammont ta’ madwar €450,000 fis-sena, madwar €1.5 Miljun f’ għajnuna diretta relatata mal-COVID, kif ukoll għajnuniet indiretti oħra.

Palazz ta’ Selmun – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikolura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’din il-Leġiżlatura jekk u meta sar xi safar barra mill-pajjiż u jipprovdi l-informazzjoni dwar kemm sar użu minn roaming u kemm kien il-ħlas rispettiv għal tali użu, kemm għall-Ministru kif ukoll għall-istaff tiegħu b'mod rispettiv għal kull persuna u kull safra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’okkażjonijiet ta’ xogħol barra l-pajjiż f’din l-Leġiżlatura li fihom sar użu minn roaming il-ħlas tal-Ministru kien total ta’ € 1136.26 u rigward l-istaff tiegħu l-ħlas kien ta’ € 183.21.

Ħal-Lija – Tal-Kmand – Esperimenti fuq pjanti jew frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema pjanti/ħxejjex jew frott qed isiru esperimenti fuqhom fiċ-ċentru li l-Ministeru għandu f’Tal-Kmand, Ħal Lija? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk kenux żviluppati xi pjanti iktar reżistenti għall-mard f'dan iċ-ċentru? Jekk iva, liema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni, fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, bħalissa għaddej b’numru ta’ esperimenti relatati mat-tkattir ta’ siġar tal-frott ta’ nisel lokali bi kwalitajiet differenti tat-tut Morus nigra u ċ-ċawsli Morus alba, it-tkattir tal-lanġas selvaġġ tal-Lvant Pyrus syriaca, ir-Riħan Myrtus communis u t-tkattir tad-deru Pistacia lentiscus. Qegħdin isiru wkoll esperimenti relatati mat-tnissil ta’ xitel ta’ natura indiġena utli għall-agrikoltura u l-apikoltura bħall-kappar Capparis orientalis, il-klin Rosmarinus officinalis, is-salvja tal-Madonna Phlomis fructicosa, u s-sagħtar Thymbra capitata, kif ukoll għat-tnissil ta’ xitel indiġeni għall-iskop ta’ konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi bħal Widnet il-Baħar Chierolophus crassifolius, il-Ħatba s-sewda ta’ Malta Anthyllis hermanniae, is-Sempreviva ta’ Għawdex Helichrysum melitense, u ser jinbdew esperimenti fuq numru ta’ orkidi lokali. Qed isiru wkoll esperimenti relatati mat-tisfija mill-mard ta’ razez taċ-ċitru Malti. Sa issa għadna qegħdin fl-istadju ta' esperementazzjoni biex jiġu żviluppati pjanti aktar reżistenti għall-mard.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – kollaborazzjoni maċ-ċentru taċ-CIHEAM F’BARI

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-kollaborazzjoni li l-Ministeru għandu maċ-Ċentru taċ-CIHEAM f'Bari, l-Italja (Mediterranean Agronomic Institute of Bari)? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx Maltin li bħalissa qed jistudjaw f'dan l-istess ċentru?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għandu numru ta’ attivitajiet għaddejjin flimkien maċ-ċentru taċ-CIHEAM ta’ Bari. Permezz tal-proġett Agrihub, dan il-Ministeru beda jaħdem aktar mill-qrib maċ-CIHEAM fejn qed jiġu żviluppati linji gwida u sistemi informatiċi sabiex ikunu ta’ sapport għall-agrikoltura f’Malta u jgħinu lis-settur jilħaq il-miri ambjentali marbutin mal-agrikoltura. Permezz ta’ dan il-proġett, dan il-Ministeru seta’ wkoll ikompli jibni fuq din il-kollaborazzjoni fejn illum qed isir numru ta’ taħriġ lill-bdiewa u lill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Agrikoltura minn esperti li jaħdmu ma’ dan iċ-ċentru. Permezz ta’ dan it-taħriġ qed jiġi assigurat li jkun hemm, b’mod kontinwu, disseminazzjoni ta’ għarfien fuq agrikoltura aktar sostenibbli u ta’ kwalità. Għalkemm bħalissa ma hemmx Maltin li qed jattendu l-korsijiet offruti f’dan iċ-ċentru, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed isiru korsijiet speċifiċi għad-Direttorat fejn numru ta’ uffiċjali jmorru f’dan iċ-ċentru sabiex jitħarrġu dwar suġġetti speċifiċi. Din il-kollaborazzjoni ssaħħet wara ż-żjara li kont għamilt f’Settembru tal-2021 fejn flimkien mad-Direttur taċ-Ċentru taċ-CIHEAM iffirmajna MOU bil-għan li jitkompla x-xogħol ta’ riċerka u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Ministeru u ċ-CIHEAM f’Bari. Fi żmien qarib ser nkunu qed inħabbru aktar skemi ta' għajnuniet lil bdiewa permezz tal-Koperazzjoni li għandna ma' dan iċ-Ċentru.

Pitkalija – Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qegħdin fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Pitkalija? Kemm huwa s-salarju li jieħdu rispettivament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Bord tad-Diretturi tal-Pitkalija peress li l-kumpanija tinsab f’xoljiment.

Regolarizzazzjoni ta’ Zoos

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux qed tingħata attenzjoni biex jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz li jirrigwardja liġijiet riveduti fuq kif għandhom jiġu regolarizzati zoos f'pajjiżna? Jista’ jgħid meta dawn ser jiġu finalizzati u preżentati għall-istadju finali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġijiet qegħdin bħalissa fl-istadju finali tagħhom u għandhom jiġu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Regolarizzazzjoni ta’ Pet sitters

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux qed tingħata attenzjoni biex jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz li jirrigwardja liġijiet riveduti fuq kif għandhom jiġu regolarizzati Pet Sitters f'pajjiżna? Jista’ jgħid meta dawn ser jiġu finalizzati u preżentati għall-istadju finali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġijiet qiegħdin bħalissa fl-istadju finali tagħhom u għandhom jiġu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Regolarizzazzjoni ta’ Boarding Kennels

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux qed tingħata attenzjoni biex jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz li jirrigwardja liġijiet riveduti fuq kif għandhom jiġu regolarizzati Boarding Kennels f'pajjiżna? Jista’ jgħid meta dawn ser jiġu finalizzati u preżentati għall-istadju finali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġijiet qegħdin bħalissa fl-istadju finali tagħhom u għandhom jiġu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Regolarizzazzjoni ta’ Pet Groomers

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux qed tingħata attenzjoni biex jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz li jirrigwardja liġijiet riveduti fuq kif għandhom jiġu regolarizzati Pet Groomers f'pajjiżna? Jista’ jgħid meta dawn ser jiġu finalizzati u preżentati għall-istadju finali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġijiet qegħdin bħalissa fl-istadju finali tagħhom u għandhom jiġu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Pitkalija Limited — Bord ta' diretturi - remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri fuq il-bord tad-Diretturi tal-Pitkalija Limited jeħdux remunerazzjoni? Jekk huwa l-każ, kemm jitħallsu dawn?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 7657.

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa attendejt għall-unika laqgħa li kienet skedata f’Jannar 2023. Aktar laqgħat skedati li jien beħsiebni li nattendi huma f'Marzu, April, Mejju u Ġunju.