Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja – miżura numru 148

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi implimentata l-miżura numru 148 kif imniżżla fir-rapport finali tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2013 u ċjoè sabiex issir is-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli Membru huwa informat illi r-rakkomandazzjoni msemmija fl-interpellanza trid tiġi kunsidrata fil-kuntest ta’ riforma kostituzzjonali aktar wiesgħa u ta’ evalwazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi konkreti ta’ kull miżura.

Imħallfin, Maġistrati u Ġudikaturi — ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jindika d-dati tal-ħatra tal-persuni li fil-preżent iservu bħala Imħallfin, Maġistrati u Ġudikaturi li jippresjedu t-Tribunal għal Talbiet Żgħar u l-ismijiet rispettivi tagħhom? Jista' jindika d-dati ta' meta dawn l-istess persuni ġew elevati għal Imħallef jew Maġistrat skont il-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-data tal-ħatra tal-Imħallfin, Maġistrati u Ġudikaturi sedenti fil-qrati u tribunali hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed jiġi indikat ukoll id-data ta’ meta maġistrat ġie elevat għal imħallef fejn dan kien il-każ.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba li tirrigwarda l-entitajiet li jien responsabbli ghalihom.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern lokali u Komunitajiet - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern għandu l-ħsieb li jdaħħal fis-seħħ il-liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika li għaddiet mill-Parlament sena ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fid-domanda parlamentari 3071.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Direct orders bejn l-2008 u l-2013

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qiegħed jinġabar. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra.

Lista ta’ Nutara f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi ta’ Nutara f’Malta u f'Għawdex li juru s-sena sa meta l-atti tagħhom inter vivos u causa mortis ġew depożitati fl-Arkivju Notarili?

Response (BONNICI, OWEN)

Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' Nutara f’Għawdex li juru s-snin sa meta l-atti tagħhom u Testmenti Pubbliċi ġew depożitati fl-Arkivju Nutarili. Il-lista tan-Nutara f'Malta tista tinkiseb online fuq is-sit https://justice.gov.mt/en/ntg/Pages/Notaries-Volumes-in-Archives.aspx

Avukat Ġenerali – ordni ta’ investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ordni ta' investigazzjoni talab li jinħareġ l-Avukat Ġenerali skont l-Artikolu 4 tal-Att kontra Money Laundering (Kap. 373 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid fir-rigward ta' min intalbu li jinħarġu dawn l-ordnijiet ta' investigazzjoni u liema ġew milqugħa mill-Qorti Kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru tirriżulta mid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-ismijiet li qegħdin jintalbu, ma jidhirlix illi l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata minħabba s-sigriet tal-investigazzjoni u d-dritt tal-privatezza.

Il-Mellieħa – sejba ta’ fdalijiet umani

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar is-sejba ta’ allegat fdalijiet umani misjuba f’żona limiti tal-Mellieħa, liema sejba kienet ukoll irrapportatha fil-mezzi tax-xandir lokali (https://www.timesofmalta.com/mobile/articles/view/20180211/local/very-old-human-remains-found-in-mellieha.670314) il-Ħadd 11 ta’ Frar 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-fdalijiet umani li nstabu fl-inħawi tal-Mellieħa Bay Hotel qed ikunu sorveljati sakemm is-Sovrintendenza tkun tista’ tagħmel skavi xjentifiċi tas-sit u tkun tista’ tinforma aħjar.

Il-Mellieħa – protezzjoni ta’ żona

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-awtoritajiet konċernati fuq is-sejba tal-allegat fdalijiet umani fiż-żona limiti tal-Mellieħa anke fid-dawl sabiex tiġi protetta din iż-żona partikolari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tissorvelja is-sit u ż-żona fejn instabet is-sejba, liema żona m’hijiex soġġetta għal żvilupp.

Inkjesti Maġisterjali Pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3998 u jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali pendenti? Kemm ilha kull inkjesta maġisterjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli mmarkati bhala ‘Tabella A’ u ‘Tabella B’ li jindikaw in-numru tal-inkjesti maġisterjali pendenti kemm ta’ Malta u kemm t’Għawdex, kif ukoll in-numru ta snin kemm ilhom hekk pendenti. Bhala informazzjoni addizjonali, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll, tabella mmarkata bhala ‘ Tabella C ’ li tindika statistika ta’ kemm infetħu u ngħalqu Inkjesti Maġisterjal mill- 2010 sal- 2017. Din ċertament tindika li l-maġġor parti tal-Inkjesti Maġisterjali jiġu konklużi u huma biss dawk l-inkjesti fejn xi espert ma jkunx ikkonkluda jew ikun hemm xi prova li tkun għadha trid tinstab jew fejn xi xhud jkun irid jinstab biex jixhed li normalment idumu.

Ex Imħallef — Inkjesti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4000 u jgħid, kemm ilu li rtira l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm-il inkjesta ġie maħtur biex jagħmel? Liema huma dawn l-inkjesti? Xi ħlas ingħata f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Safar minn Maġistrat Inkwerenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-proċedura sabiex Maġistrat Inkwerenti jkollu r-riżorsi biex ikun jista’ jsiefer f’pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea fil-kors ta’ inkjesta Maġisterjali? Jista’ jispjega dettaljatament kif l-Uffiċċju tal-Prim Imħallef, l-Uffiċċju tal-Ministeru tal-Ġustizzja u dak tal-Affarijiet Barranin jidħlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li jispetta għal Maġistrat Inkwirenti, tenut kont tan-natura tal-inkjesta, tas-serjetà tal-allegati reati mistħarġa u tal-ħtieġa li jkun hemm, każ b’każ kif il-Maġistrat Inkwirenti jagħżel li jintraprendi l-investigazzjoni tiegħu mhux biss f’Malta imma wkoll barra minn Malta, inkluż il-ħtieġa jekk ikun il-każ li sabiex jaqdi dmiru bl-aħjar mod jagħmel viżti barra minn Malta fejn ikun strettament meħtieġ. Hija dejjem prerogattiva tal-Maġistrat Inkwirenti għal mod kif jikkonduċi l-inkjesta. F'dan il-kuntest u fid-dawl tal-principji tas-saltna tad-dritt, Maġistrat Inkwirenti m'ghandu assolutament bzonn ebda permess ta' ebda Ministru biex jaghmel dak li jidhirlu li hu l-ahjar li jaghmel.

Ħatra ta’ Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm hija l-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta, u jindika jekk hemmx persuni oħra maħtura b’dan it-titolu, min huma u x’ínhu r-rwol mistenni minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata separatament hi maħtura Ambaxxatur għall-Kultura għal perjodu indefinit, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni mod ieħor. Dan hu t-tieni Ambaxxatur għall-Kultura li l-Gvern Malti qed jaħtar. Il-persuna l-oħra inħatret fl-2012. L-iskop li persuna tinħatar Ambaxxatur għall-Kultura hi li bil-kuntatti personali li jkollha minħabba n-natura tax-xogħol tagħha, twassal l-għarfien dwar l-istorja ta’ Malta, il-kultura u l-identità Maltija kull fejn tkun qed tagħmel ħidmietha. B’hekk, dawn l-Ambaxxaturi jwasslu l-isem tajjeb ta’ Malta fost ċrieki kulturali u nkomplu nattiraw lejn pajjiżna investiment kulturali. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna indikata minnha ma tieħu ebda ħlas għal dan ix-xogħol ta’ Ambaxxatur tal-Kultura.

Proġett “Kif Jgħid il-Malti”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ippropona l-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti”, jekk kienx hemm sejħa għall-proposti u għall-proġetti b’din it-tema, min ingħata l-inkarigu sabiex iwettaq dan il-proġett, min kienu l-artisti involuti f’dan il-proġett u kemm sewa dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm għandu ħaddiema fil-Ministeru? X’inhuma l-gradi tagħhom u x’perkaċċi għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi kif ukoll l-gradi u l-perkaċċi tagħhom huma skont l-guidelines tas-Segretarjati.

Ex imħallef – ħidma f’bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux qiegħed fuq xi bord li jaqa’ taħt l-istess Ministeru? Jekk iva, f’liema bord/bordijiet u xi ħlas għandu inkluż mobile, karozza jew allowance oħra jekk hu l-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-eks Imħallef li d-dettajli dwaru inagħtaw separatament mhux qiegħed fuq xi bord li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi.

Ex Imħallef — inkjesti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm ilu li rtira l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm-il inkjesta ġie maħtur biex jagħmel? Liema huma dawn l-inkjesti? Xi ħlas ingħata f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.