Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #21642 Sitting 480 2021-06-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Proġett ta’ Airfield

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Airfield ġewwa Għawdex? Fiex waslu l-preparamenti biex jitwettaq dan il-proġett? Meta hu mistenni li jibda jintuża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #21644 Sitting 480 2021-06-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq Marga u Triq Għajn Damma

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8156, jista' l-Ministru jgħid, x’azzjoni ttieħdet u qed jieħu rigward Triq Marga u Triq Għajn Damma, fix-Xagħra, Għawdex peress li dawn qed iċedu u hemm periklu għan-nies, sewwieqa u għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi? Jista’ jgħid fil-konkret x'sar fuq dawn iż-żewġ toroq f'dawn l-aħħar sentejn u nofs u kemm intefqu flus fuq dawn iż-żewġ toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

L-Onorevoli Interpellant japprezza il-ħidma bla preċedent li qed issir fl-infrastruttra ġewwa Għawdex. Fi kliemu stess, inżid li mhux dawn iż-żewġ toroq biss qed iċedu, iżda diversi toroq f’Għawdex, tort tan-negliġenza u nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura minn Gvern Nazzjonalista. Gvern Laburista se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura ġewwa Għawdex u jkompli jagħti prijorita lill-gżira Għawdxija.
Leg 13 PQ #21783 Sitting 480 2021-06-28 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – vapuri – dewmien minħabba fast ferry catamarans

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sofrew dewmien il-vapuri tal-Gozo Channel (Operations) Ltd minn mindu bdiet titħaddem il-politika li fil-Port tal-Imġarr tingħata prijorità lill-fast ferry catamarans fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 21785.
Leg 13 PQ #21804 Sitting 480 2021-06-28 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – ħaddiema tal-kuntrattur

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21179, jista' l-Ministru jgħid min qed iwettaq l-istudju li r-risposta msemmija għamlet referenza għalih u meta hu mistenni li jitlesta dan l-istudju? Jista' jispjega għala l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd ħadmet mijiet ta' ħaddiema permezz tal-kuntratturi meta l-vantaġġ ta' tali arranġament ma kienx evidenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġa ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 21179.
Leg 13 PQ #21640 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iż-Żebbuġ Għawdex– Shooting Range

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri attivi fix-Shooting Range ġewwa ż-Żebbuġ Għawdex sena b’sena, mis-sena 2014 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-miżati li jitħallsu biex wieħed juża x-Shooting Range u x’kien l-introjtu ta’ flus sena b’sena mill-2013 sal-lum kif ukoll għalxiex intuża l-introjtu li kien hemm mill-użu tax-Shooting Range?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-Shooting Range hija immaniġjata mill-Gozo Clay Target Association, inkluż il-miżati u l-introjtu.
Leg 13 PQ #21641 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-gvern, skema, kuntrattur jew b' kuntratt) li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull sezzjoni/uffiċċju (eskluż dawk li qed jagħmlu xogħol fuq barra jew f'latrini pubbliċi) ta’ kull dipartiment/diviżjoni/aġenzija/awtorità li jaqa' fid-dekasteru tiegħu? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #21778 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat/Ir-Rabat – Triq Dottor Anton Tabone – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser titlesta l-kumplament tat-Triq Dottor Anton Tabone li taqsam ir-raħal Ta' Sannat mir-Rabat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #21780 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza Ta’ Sannat – Xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 21664, jista' l-Ministru jispjega kif qed jgħid li l-Ministeru tiegħu m'għandux x'jaqsam mal-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita f'Sannat, Għawdex meta hu ġie rappurtat li ppresjeda f'ċerimonja ta' ffirmar ta' kuntratt ta' €3.7 m bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali Sannat hekk kif jidher f’dan l-artiklu (https://gozo.news/88374/e3-7-million-project-to-get-underway-for-regeneration-of-sannat-square/)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tali arranġament huwa limitat sal-iffinanzjament tal-proġett innifsu. Ir-responsabilita’ tat-twettiq tal-proġett hija tal-Kunsill lokali ta’ Sannat.
Leg 13 PQ #21781 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – raba’ vapur

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra u jgħid fiex waslu l-preparamenti sabiex il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd tibni r-raba' vapur tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsijijiet parlamentari 19150 u 21033.
Leg 13 PQ #21782 Sitting 478 2021-06-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – pjanijiet għal vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għandhiex xi pjanijiet sabiex tibda tagħmel vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kif diġa tħabbar ftit ilu, żewg kumpaniji privati bdew l-operat tal-Fast Ferry bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir, liema operat qed ikun ta’ suċċess għall- kuntrarju ta’ dak li kien stqarr l-Onor.Interpellant fil-Kumitat Permanenti għal Ghawdex.
Leg 13 PQ #21533 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – post ta’ butcher — sejħa

Question

B'referenza għas-sejħa li ħareġ reċentement il-Ministeru għal Għawdex 'Post ta' Butcher mal-Ministeru għal Għawdex', Ċirkulari Nru. HR/MG 13/2021 u li din is-sejħa għal ingaġġ ħarġet 'internal' u li għalqet fl-14 ta' Mejju 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa? Jista' jgħid kemm-il persuna ser tiġi appuntata f’dan il-post?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta toħroġ sejħa, il-Ministeru jkun evalwa l-ħtiġijiet tad-Direttorati rispettivi tiegħu u jaħtar persuna/i biex jissodisfaw u jaqdu dmirijiethom għat-tali sejħa u esiġenzi.
Leg 13 PQ #21534 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Fanal tal-Ġordan — restawr

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17152 li ngħatat fis-16 ta' Novembru 2020, fejn ingħad li 'ir-restawr tal-Fanal mistenni jintemm lejn l-ewwel kwart tas-sena 2021' jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ restawr tal-Fanal tal-Ġordan tlestix kollu u jekk iva f’liema xahar tas-sena 2021 tlesta? Jista’ jgħid, jekk ix-xogħol ta' restawr tlesta kollu, u min ħa jkun responsabbli mill-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-restawr tal-Fanal tal-Ġordan tlesta f’April u l-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex qed jagħlqu xogħlijiet minuri wara li ħarġu l-aħħar kuntratturi.
Leg 13 PQ #21621 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21008 fl-intier tagħha, jiġifieri kollha kemm hi, rigward it-tender li ħarġet reċentement 'Negotiated Procedure For The Management Of Historic Sites In Gozo' (CfT CA Unique ID: MG 137/2021) u jgħid: a. liema huma dawn il-Historic Sites ġewwa Għawdex? b. min fil-preżent u f'dawn l-aħħar xhur kien jieħu ħsiebhom u kemm kien qed jitħallas? c. id-data meta ġiet awarded din in-Negotiated Procedure?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa issa hija l-Mitħna tax-Xewkija biss li qed tiġi mmaniġġjata mill-kuntratt indikat, pero’ hemm il-ħsieb li jinfetħu aktar siti storiċi sabiex jitgawdew mill-pubbliku. Apparti hekk, is-sit tal-Mitħna tax-Xewkija għadu kif ġie restawrat u allura ma kienx qed ikun immaniġġjat qabel u ma kienx miftuħ għall-pubbliku. In-Negotiated Procedure ġiet awarded nhar it-12 ta’ Marzu 2021.
Leg 13 PQ #21622 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender – Cold Stores – Xewkija Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li nħarġet f'dawn l-aħħar ġranet mill-Ministeru tiegħu li hi 'Tender For The Provision Of Project Management And Engineering Services For The Construction Of New Cold Stores Facilities In Xewkija, Gozo CfT' CA Unique ID:SPD3/2021/003? Jista’ jgħid għala inħass il-bżonn li tinħareġ din it-tender u għaliex ħa tkun tintuża u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Site Plan ta’ fejn hemm ippjanat li jsir dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba hija disponibbli fit-tender ippubblikat, inkluż l-imsemmija site plan. Inħass il-bżonn li tinħareġ din it-tender biex is-servizzi tekniċi mitluba jkunu ta’ sapport lill-uffiċċjali tal-Ministeru.
Leg 13 PQ #21467 Sitting 476 2021-06-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Park and ride għal Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21005 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 16506 u 19663, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-koordinamenti u jekk ġewx finalizzati u x'fadal isir bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Ministeru għal Għawdex 'sabiex jibda jiġi offrut servizz ferm importanti u bżonnjuż ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, sabiex possibbilment jibda jingħata servizz ta’ trasport lill-istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr' permezz tas-sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku li nxtraw mill-Ministeru għal Għawdex b'fondi tal-Unjoni Ewropea u li waslu Għawdex f’nofs Ġunju tas-sena 2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistqosija parlamentari numru 19663.
Leg 13 PQ #21443 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta’ Park and Ride minn Ta’ Xħajma għax-Xatt u lura

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21309, jista’ l-Ministru jgħid minn meta (xahar u sena) hu ppjanat li ħa jibda jiġi offrut Park and Ride bis-servizz ta' rotot minn Ta’Xħajma għax-Xatt u lura?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz se jibda jingħata meta jitlesta l-bini tal-faċilita tal-Park and Ride.
Leg 13 PQ #21444 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Restoration and Maintenance Directorate – tender

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19974 u ċjoè b’referenza għat-tender li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'Framework agreement for the supply and delivery of rubble stones to the Restoration and Maintenance Directorate, Ministry for Gozo on a period contract basis', jista’ l-Ministru jgħid min fil-passat kien joffri dan is-servizz u min fil-preżent qed jagħti dan is-servizz? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq ġebel tas-sejjieħ u kemm intuża minnu sena b'sena mill-2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa l-ewwel framework tender li gie ppubblikat għal dan it-tip ta’ materjal. Fil-passat, il-Ministeru kien qed jixtri dan il-materjal ad hoc, bl-ispejjeż kienu dawk ta’ €2,039.04c. Il-kuntratt ġie awarded lil Said Construction.
Leg 13 PQ #21445 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Leasing of Warehouse for the Strategy and Support Division — Tender

Question

B’referenza għat-tender li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu 'Leasing of Warehouse for the Strategy and Support Division’, jista’ l-Ministru jgħid għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ din it-tender u għal xiex ħa tintuża din il-Warehouse? Jista’ jgħid fejn f'dawn l-aħħar xhur kien qed jikri l-Ministeru ta' Għawdex? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-warehouse se jintuża prinċipalment għal storage u upkeep ta’ tiżjin u strutturi relatati. Bħalissa ma hemm ebda kera ta’ warehouse bl-istess speċifiki rikjesti fl-imsemmi tender.
Leg 13 PQ #21461 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – xiri ta’ karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi mill-kumpanija Gozo Channel f'dawn l-aħħar sentejn , għal min inxtraw u min qed jużahom u kemm kienet l-ispiża u għala nħasset il-ħtieġa li jinxtraw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu msemmi nxtrat karozza Renault Megan. Din il-karozza inxtrat fl-2021 għas-somma ta’ Є22,400 inkluż id-dazju, it-taxxa tal-VAT u l-liċenzja tat-triq. Din il-karozza qed tintuża miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-kumpanija GCOL. Il-vettura preċedenti kellha 15-il sena u kellha wisq spejjeż biex tissewwa, apparti spejjeż adizzjonali marbuta ma’ running costs.
Leg 13 PQ #20302 Sitting 474 2021-06-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħlas lil ditta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda’ Entità li taqa taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex ma ħallset u anqas ġiet mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.