Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #12039 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Industrial Projects Services Limited — ħaddiema assenjati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11815 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm ħaddiema mal-Industrial Projects Services Limited (IPSL)? Fejn huma assenjati dawn il-ħaddiema? Il-Gvern għandu ħsieb li jdaħħal iktar ħaddiema mal-IPSL?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li ser nagħti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 12025, 12027 u 12028.
Leg 11 PQ #12040 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Green Wardens — training

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11813 u jagħti rendikont tal-ħidma li saret mill-green wardens f'pajjiżna s'issa? Kemm għandna green wardens? Xi training għandhom? Kemm tressqu nies il-Qorti fuq rapporti li saru mill-green wardens? Fuq liema tipi ta' reati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Green Wardens mal-MEPA ġew mogħtija t-titolu u liċenzja ta' Environment Field Inspectors (EFI) fi ħdan l-Awtorità bl-iskop li jinfurzaw ir-Regolamenti tal-2005 dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta' Skart fit-Toroq u f' Postijiet u Żoni Pubbliċi (A.L. 344 ta’ l-2005) u iżjed tard ir-Regolamenti tal-2007 għall-Immaniġġjar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (A.L 295 ta l-2007). Dawn il-ħaddiema ġew amalgamati mat-Taqsima tal-Infurzar dwar l-Ippjanar meta fl-ewwel xhur tagħhom kienu ġew introdotti fl-esperjenza ġdida għalihom t'infurzar. Kienu organizzati biex jagħmlu sorveljanza f'żoni ta' rikrejazzjoni, urbani, rurali u industrijali kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Ir-rwol tagħhom kien li jedukaw u jagħtu twissija lil dawk il-membri tal-pubbliku li jinqabdu jiksru xi regolamenti dwar ir-rimi tal-iskart. Meta f'Ottubru 2007 ġew ukoll introdotti r-Regolamenti għall-Immaniġġjar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (A.L 295 ta l-2007), dawn il-ħaddiema ġew maqsuma f'żewġ gruppi separati sabiex jiffokaw fuq iż-żewġ settijiet ta' regolamenti ċioè dawk dwar l-iskart (AL 344/05) u l-oħrajn dwar is-siti ta' kostruzzjoni (AL 295/07) rispettivament. In-numru ta' EFIs huwa ta' 13 fejn 4 minn dawn it-13 qed jintużaw biex jitwaħħlu s- site notices . Minbarra l-esperjenza li ħadu dawn il-ħaddiema kien ġie organizzat ukoll kors intensiv t'4 ġimgħat dwar aspetti legali u First Aid, 3 ġimgħat eżerċizzju on field inkluż ħruġ ta' warning tickets u ġimgħa oħra training ta' kif jintuża’ l-apparat eletroniku provdut (PDA). Ġew organizzati wkoll mock tribunals speċifikament għalihom sabiex jitgħalmu kif għandhom jiġbru l-evidenza u kif jagħtu xiehda. Minn meta bdew jinħarġu tickets ta' multi skont ir-regolamenti imsemmija iżjed l-fuq (ċioè Lulju 2008) u Settembru 2009, inbdew proċeduri fuq 1050 każ li jinqassmu hekk: - 386 każ ittellgħu quddiem it-Tribunali tal-Ġustizzja. 123 kienu rejati dwar nuqqas t'osservanza tar-regolamenti dwar siti ta' kostruzzjoni filwaqt li 263 kienu dwar rimi ta' skart. - Kien hemm 536 li għażlu li jħallsu il-multa mingħajr ma jittellgħu quddiem it-Tribunal. - 82 każ ġew irtirati mill-Bord tal-Petizzjonijiet. - 36 każ għadhom pendenti quddiem dan il-Bord. - 10 każi oħra huma dwar rejati f'ċrkostanzi aggravanti.
Leg 11 PQ #12130 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema barranin b'kuntratt mal-Gvern Malti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' barranin li fil-preżent jaħdmu b'kuntratt mal-Gvern Malti llum taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu? X'salarju għandhom? X'nazzjonalità huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #12213 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — compliance certificates - self regulatory

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11956 u ċioe: Billi s-sistema tal-compliance certificates hija self regulatory b’responsabilità fuq il-perit, jista’ jgħid x’sistema ta’ awditjar teżisti mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex jiġi assigurat li ma jinħarġux dawn iċ-ċertifikati fuq bini li mhuwiex skond il-permess? Kemm mill-24,851 talba msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11610 saret spezzjoni fuqhom mill-enforcement officer qabel ma nħareġ iċ-ċertifikat? Sa l-aħħar ta’ Ottubru 2009, kemm kien hemm talbiet għal compliance certifactes pendenti quddiem l-awtorità? Kemm minn dawn it-talbiet ilhom pendenti aktar minn xaharejn? Kemm minnhom ilhom pendenti aktar minn erba’ xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12217 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hexagon House — irwejjaħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11957 u ċioe: B'referenza għall-Hexagon House li bħalissa tinsab okkupata mill-ħaddiema tal-EPD tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li: a) il- measuring intruments li hemm biex jagħmlu monitoraġġ tal- hydrogen sulphide mhumiex kapaċi jagħmlu detection anke tal-aktar livelli baxxi? b) ix-xogħlijiet konnessi maċ-ċirkolazzjoni tal-arja u l-filtration iwasslu biex l-arja tidħol ġol-bini minflok viċi versa bil-konsegwenza li r-riħa tidħol aktar 'il ġewwa fil-bini nnifsu? ċ) dan kollu diġà ġie sostanzjat minn engineer ikkummissjonat mill-awtorità nnifisha? d) kien hemm ċirkostanzi fejn membri tal-istaff intbagħtu d-dar minħabba r-riħa li kien hemm u ġieli qalulhom li jekk qed iħossuhom skomdi setgħu jmorru d-dar u jagħmlu x-xogħol minn hemm? e) waħda mill-kawżi ewlenin għall-irwejjaħ fl-akwati hija bad practice min-naħa ta' kumpanija li tuża waste oils b'mod li bih qed tagħmel connectivity illegali mas-sewers u anke tagħmel discharging illegali permezz ta' sewers kif ukoll tal-culverts fil-qrib? f) din il-kumpanija ġiet identifikata, iżda ma tteħditx azzjoni kontriha minħabba pressjoni politika li setgħet saret biex jieqaf kollox?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12218 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali Ħal-Għargħur — Dipartiment tal-Artijiet - xogħlijiet estensivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11965 u ċioe: Nirreferi għal sit fil-Qasam tad-Djar tax-Xwieki f'Ħal-Għargħur li għal dawn l-aħħar 15-il sena kien qed jiġi amministrat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal-Għargħur wara li dan kien għamel xogħol estensiv ta' tindif u investiment sabiex is-sit jiġi mdawwar b'fence ħalli jkun jista' jintuża bħala area rikreattiva. Jidher li dan is-sit ġie mgħoddi mid-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-Kunsill Malti għall-Isport u issa nbeda l-proċess sabiex dan is-sit jgħaddi għand għaqda sportiva. Jista' l-Prim Ministru jispjega kif saru dawn it-trasferimenti mingħajr ma ġie kkonsultat l-Kunsill Lokali ta' Ħal-Għargħur kif titlob il-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali, speċjalment meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet kien konxju tax-xewqa li dan is-sit jiġi devolut lill-Kunsill Lokali tant li fil-passat kien ukoll appoġġja applikazzjoni li l-Kunsill Lokali kien għamel sabiex jigi żviluppat Ġnien Ġubbliku fl-istess sit? Jista' jispjega għaliex il-Kunsill Malti għall-Isport kompla għaddej bil-proċess tal-għoti tas-sit lill-għaqda sportiva meta kien infurmat mill-Kunsill Lokali bl-oġġezzjoni tiegħu għal dan it-trasferiment? Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali hux ser jingħata xi kumpens ta' l-investiment li sar matul is-snin u li tali investiment kien sar bil-barka tad-dipartment tal-Gvern responsabbli minn dan is-sit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11964 f’Seduta Numru 155.
Leg 11 PQ #12246 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — spezzjoni ta' post

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11945 u jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan li qed jitlob lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tagħmel inspection tal-post, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li dan l-anzjan iħoss li huwa ta' periklu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12247 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tarxien — Triq il-Pelikani - lampa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11942, li oriġinarjament saret lill-Ministur għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jara li terġa' titwaħħal mill-ġdid lampa li nqalgħet minn Triq il-Pelikani, Tarxien sakemm inbena post, peress li għadha ma twaħħlitx b'dannu għar-residenti li jinsabu fi dlam ċappa meta ninsabu fis-sena 2009?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12254 Sitting 158 2009-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Media Consulta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat ma’ Media Consulta u jgħid x’kien il-maximum coverage tiegħu? Billi jidher li din id-ditta tħallset biss madwar €4 miljuni meta l-kuntratt suppost jagħlaq fi żmien ftit xhur biss, jista’ jgħid jekk xogħol li għalih kienet oriġinarjament qed tiġi kkunsidrata kuntrattwalment ġiex allokat lil kumpanija/i oħrajn fil-qasam tal-public relations u reklamar? Kemm kien hemm kumpaniji short listed qabel ma saret l-għażla aħħarija li allegatament damet 16-il xahar? Liema kienu? Liema kienu l-kumpaniji li ħadu x-xogħol oriġinarjament maħsub li kellu jsir minn Media Consulta? Minn min sar is-selection process u min kienu l-membri tal-bord konċernat? Kemm kien hemm proġetti li fih il-Media Consulta użat l-expertise f’funding tal-Unjoni Ewropea fejn ippruvat iġġib funding għal proġetti ko-finanzjati mal-Gvern Malti lejn pajjiżna? Din il-kumpanija setgħet b’xi mod ġiet rrakkmandata minn xi gvern jew partit politiku barrani? Apparti minn xi xogħol għall-Balearic Islands, kemm kien hemm destinazzjonijiet turistiċi oħrajn fejn il-Media Consulta kellha kuntratti simili fuq skala nazzjonali jew reġjonali? Kif jispjega l-fatt li f’laqgħa tal-Public Accounts Committee f’Ġunju 2007, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turizmu ta’ dak iż-żmien qal li €10 miljuni minn dan il-kuntratt kellhom joħorġu minn fondi tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ diversi applikazzjonijiet li kellha taghmel Media Consulta f’isem l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Jikkonferma dak li ġie spjegat fl-istess laqgħa li l-ħlas tagħhom kien kopert fil-baġit tal-Ministeru fejn kien hemm item taħt EU Funds li kien jismu Branding? Il-Gvern għandu xi ħsieb li meta jiskadi l-kuntratt jeżerċita l-option li saħansitra jestendi l-kuntratt b’sena oħra? Jikkonferma li skond media release li ħareġ il-Gvern stess kien intqal mal-iffirmar tal-kuntratt li Media Consulta kienet responsabbli għal €7 miljun annual account li jkopri l-media, advertising, selected public relation services, events u sales promotion activities tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għadha taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta is-Sur Sam Mifsud appena nħatru Media Consulta bhala International Communications Partners tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta li ‘it’s more evident that these people have what it takes…and more importantly, have the vision and the know how to significantly enhance Malta’s image and presence internationally’? Taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel dak inhar il-Ministru tat-Turizmu l-Onor. Zammit Dimech li dan l-iżvilupp kien se jwassal biex l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jkollha ‘a higher return for the money invested in its marketing”? Jekk il-Media Consulta ma jidhirx li għamlet ix-xogħol kollu mistenni minnha ta’ reklamar, kif tista’ tirrikonċilja dan kollu mad-dikjarazzjoni tal-ex Ministru Zammit Dimech li ‘having one agency representing our tourism interests in all core markets should ensure a co-ordinated and clear message of what product Malta is all about”? Id-due diligence dwar l-għażla finali min għamlu? Ma' Media Consulta Malta hemm jaħdmu xi uffiċjali għoljin li setgħu kienu mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fil-ġimgħat ta’ qabel ma saret l-għażla finali? Kemm kien hemm dipartimenti governattivi u jew aġenziji tal-Gvern li għamlu xogħol ieħor ma’ Media Consulta? Meta sar l-aħħar independent audit mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta biex jiġu skrutinizzati l-effettività tal-media campaigns u public relations assignments tal-Media Consulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7853 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turizmu ta' Malta — persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2008 l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta kemm nefqet u x'ħidmiet għamlet, pajjiż b’pajjiż, biex tħajjar persuni jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna? X’għamlet f’dan il-qasam fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u x’beħsiebha tagħmel matul is-sena 2009 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7856 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Titjiriet bejn pajjiżna u l-Ewropa tal-Lvant — Persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi se jieħu l-Gvern biex iżid titjiriet bejn pajjiżna u l-Ewropa tal-Lvant biex jagħmilha iżjed faċli għal dawn il-persuni li jitħajru jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna u bħalissa n-nuqqas ta’ titjiriet adegwati minn dawk l-inħawi qed jitqiesu bħala xkiel għat-tkabbir ta’ din l-industrija importanti f’pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jagħti mportanza kbira lill-aċċessibilità bl-ajru lejn Malta u f’dawn l-aħħar snin implimenta policy li wasslet sabiex kellna żieda tajba ħafna fin-numru ta’ linji u rotot li jservu lil Malta. Fejn ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti servizzi diretti, ittieħed vantaġġ mill-prinċipju ta’ code share agreements li saru jagħmlu l-linji tal-ajru bejniethom sabiex ikunu jistgħu jiġbru viżitaturi minn swieq iżgħar u jakkumulawhom f’ajruporti ċentrali bħal ngħidu aħna Munich. Jeżistu wkoll incentives mmirati sabiex jinkoraġġixxu tour operators joperaw charters minn dawn is-swieq. Matul din is-sena dawn l-inċentivi għenu sabiex ġew attirati servizzi charter mir-Rumanija, il-Polonja u l-pajjiżi Baltiċi fost oħrajn.
Leg 11 PQ #10368 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tniġġiż tal-ilma

Question

B'referenza għad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġiż ikkawżat minn nitrati ġejjin minn sorsi tal-agrikoltura (19/676/EEC), jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar liema huma dawk l-inħawi vulnerabbli fil-gżejjer Maltin li minnhom inixxu n-nitrati mill-iskart tal-annimali (bħall-baqar u l-ħnieżer) li jistgħu jikkontaminaw l-ilma tal-pjan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt id-Direttiva għan-Nitrati, Malta kollha ġiet dikjarata bħala “Żona Vulnerabbli” – (Nitrate Vulnerable Zone). Dan minħabba li l-gżejjer Maltin huma ffurmati minn blat permeabbli li hu wkoll fratturat f’diversi postijiet li jirrendih vulnerabbli għat-tniġġiż.
Leg 11 PQ #11080 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

manutenzjoni tat-toroq — flus lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-budget li jingħataw il-kunsilli lokali, kunsill b'kunsill għall-manutenzjoni tat-toroq? Jista' jagħti estimi ta' kemm suppost jissewwew toroq b'dawn il-flus li jingħataw lill-kunsilli għal dan il-għan lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għas-sena finanzjarja illi qegħdin fiha, il-Kunsilli Lokali ġew allokati is-somma ta’ € 4,798,088 biex tagħmel tajjeb għall-manutenzjoni u resurfacing ta’ toroq fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Dawn il-fondi jitqassmu skond it-tulijiet ta’ toroq li kull lokalità għandha, a proporżjon tat-tulijiet globali tat-toroq kollha f’Malta u Għawedex. Din il-figura hija maqsuma kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux possibbli li tingħata estimi ta’ kemm jistgħu jissewwew toroq b’dawn il-flus. Ta’ min iżid li jekk Kunsill ikun irid jagħmel aktar toroq minn dak previst, jew minħabba każijiet ta’ urġenza, dan jista’ japplika taħt waħda mill-iskemi tal-Gvern ta’ fondi addizzjonali. Kunsill jista’ wkoll jalloka fondi li j kunu ġew ivvutati taħt item of expenditure ieħor u jkollu savings fuqu.
Leg 11 PQ #11129 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — faċilitajiet biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu, x'faċilitajiet hemm għall-ommijiet ħaddiema biex ikunu jistgħu jreddgħu t-trabi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelllant li fis-Segretarjat tal-Prim Ministru jeżistu faċilitjiet fejn il-ħaddiema fil-privatezza jistgħu irgħeddu lit-trabi tagħhom jew jiġbdu l-ħalib tas-sider. Hemm ukoll il-faċilitajiet neċessarji biex jerfgħu l-ħalib imkessaħ b’mod adegwat sakemm jintemm il-ħin tax-xogħol. Fis-Segretarjat hawn żewġ ħaddiema li għamlu użu min din il-faċilità matul l-aħħar sentejn. L-ommijiet li jagħmlu użu min din il-faċilità m’ghandhomx restrizzjonijiet fil-ħin f’dan ir-rigward. Hemm ukoll faċilitjiet fid-Dipartiment ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet li għalkemm fil-preżent m’hemmx ommijiet li qedgħin ireddgħu t-trabi tagħhom, id-Diviżjoni għandha l-faċilitajiet kollha għal dan il-għan. Għalkemm ma hemmx faċilitajiet f’postijiet oħra ta’ xogħol, dan ma jfissirx li f’każ li ssir talba f’dan is-sens ma jsirux arranġamenti mill-ewwel biex din it-talba tintlaqa’.
Leg 11 PQ #11360 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba — lukandi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' lukandi li mistennija jagħlqu għax-xhur tax-xitwa ta' din is-sena fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba? Kemm hu n-numru ta' sodod li hemm f'dawn il-lukandi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 11358/11/1. Nixtieq inżid li fil-lukandi li beħsiebhom jagħlqu temporanjament hemm 2,063 sodda.
Leg 11 PQ #11365 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — xogħol ta' tisbiħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10887, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-proġetti l-oħra, minbarra dak ta' ħdejn l-iskola li semma' fir-risposta, u b'mod partikolari l-bidliet li għandhom isiru fl-inħawi ta' Fra Ben, kif ukoll dwar il-bajja li għandha titlesta fl-inħawi tal-ponta tal-Qawra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-MTA għandha numru ta’ proġetti ppjanati għaż-żona tal-Qawra (fl-inħawi ta’ Fra Ben). Dawn jinkludu fost l-oħrajn il-bini ta’ akwarjum pubbliku li bħala attrazzjoni turistika ġdida għandha żżid il-pontenzjal taż-żona. Bħalissa għaddej il-proċess tal-competitive dialogue, liema ‘djalogu’ għandu jibda għall-aħħar ta’ Novembru. Dan il-proċess għandu jwassal għat-Tender finali fil-bidu tas-sena d-dieħla. L-MTA għandha wkoll ppjanat proġett li hu mmirat biex jiffaċilità l-aċċessibilità għal fuq il-bajja u għal ġol-baħar, tal-għawwiema u għaddasa. Dan il-proġett hu mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin u mistenni jkun lest sas-sajf li ġej. It-tieni fażi tal-proġett jinkludi l-krejazzjoni ta’ bajja fiż-żona tal-Qawra. Bħalissa qed isiru numru ta’ studji biex jiddeterminaw l-istabbilità tal-bajja proposta.
Leg 11 PQ #11494 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

trasport bil-baħar bejn Malta u destinazzjonijiet oħra

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10739 u jgħid jekk f’dawn l-aħħar tliet snin sarux xi talbiet jew rappreżentazzjonijiet mill-Gvern Malti lill-Unjoni Ewropea fejn jidħol it-trasport bil-baħar bejn Malta u destinazzjonijiet oħra? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienu dawn u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li kien hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jikkonsidra l-qasam ta’ trasport kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar ta’ importanza kbira għall-ekonomija Maltija u għalhekk dejjem iżomm dan is-settur taħt skrutinju kontinwu. Fl-2008 kien hemm diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea fuq it-trasport marittimu internazzjonali bejn Malta u n-naħa ta’ fuq ta’ l-Ewropa. Dawn id-diskussjonijiet kienu ntiżi biex jindirrizaw id-diffikultajiet li kienet qed tiffaċċja l-industrija Maltija biex tesporta l-prodotti tagħha lejn l-Ewropa ta’ Fuq. Dawn id-diskussjonijiet ma tkomplewx peress li l-industrija Maltija ma baqgħetx tiffaċċja l-istess problemi fl-2009.
Leg 11 PQ #11637 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — impjegati bit-teleworking

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu t-total ta' impjegati bit-teleworking f'kull dipartiment u uffiċċju separatament, li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'faċilitajiet ingħataw lill-ħaddiema biex ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol minn ġo djarhom u jgħid ukoll x'software jew sistema qed titħaddem minn dawn il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #11711 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fgura — Triq Kampanella - xogħlijiet ta' drenaġġ - generator

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11496 u 10200 u jgħid għaliex fi Triq Kampanella, l-Fgura bħala parti mix-xogħlijiet tad-drenaġġ li qed isiru fl-inħawi ta' Smart City qed jitħalla generator jaħdem lejl u nhar bi tniġġiż kontinwu u rwejjaħ ta' diesel b'dannu ghar-residenti ta' din it-triq? Jista' jgħid jekk dan il-generator għandux jitħalla jniġġeż bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jekk l-uffiċjali tal-awtorità marrux jinvestigaw l-ilmenti tal-familji li hemm fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-generator li kien hemm Triq il-Kampanella, Fgura tneħħa fil-ġimgħat li għaddew.
Leg 11 PQ #11864 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — vakanza fil-grad ta' direttur

Question

Ladarba se tinħoloq vakanza fil-grad ta' direttur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minħabba li l-persuna llum inkarigata waslet biex tispiċċa bl-età, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) kemm kien hemm applikazzjonijiet għal tali post wara s-sejħa riċenti li saret? b) meta hu mistenni li jsiru l-interviews biex jimtela dan il-post, anke fid-dawl li tilħaq issir hand over adegwata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm erba’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Direttur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Il-proċess li huwa elenkat fil- Guidelines: “The Nomination Process for Headship Positions – Notes for Prospective Applicants” inbeda.