Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #12495 Sitting 164 2009-11-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delimara — Kalanka - fish farming

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12169 u ċioe: B’referenza għall-mistoqsijiet supplimentari li saru in konnessjoni mal-allegazzjoni dwar ilmijiet imniġġsa fil-Kalanka, limiti ta' Delimara, possibilment minħabba fish farming fil-viċin, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) Meta saru l-aħħar tests mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li fuqhom ibbaża t-tweġiba tiegħu? b) Jista' jpoġġi dawn it- tests fuq il-Mejda tal-Kamra? ċ) Dawn it- tests saru in house jew minn xi esperti tekniċi mqabbdin minn barra l-Awtorità? d) Dawn saru f’Malta jew barra minn Malta? e) Fejn eżattament saru u liema metodi ntużaw? f) La kienu se jsiru dawn it- tests għaliex fil-bidu ta’ Ottubru l-Fisheries Control Division qalu li kienu bdew jinvestigaw il-każ huma wkoll u li ttieħdu l-kampjuni u kienu qed jistennew ir-rapporti tal-laboratorju? g) Liema tests saru l-ewwel tal-Fisheries Control Division jew tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? ġ) Jekk mit- tests allegatament ma ġiex stabbilit li dan kien ikkawżat mil-lega bajda tal- fishfarms , x’kienet ir-raġuni li wasslet biex ikun hemm lega bajda fil-baħar? h) Ġiet ikkwantifikata l-ħsara potenzjali li setgħet saret lill- poseidonia , speċi protetta ta' seaweed essenzjali għall-eko sistema Mediterranja marittima? ħ) Il-Gvern kellu rapporti bħalma kellha il- media lokali li dak li deher f’Kalanka deher ukoll f'San Pawl il-Baħar u anke qrib il-kosta tal-Qawra? i) Il-konsultazzjoni saret direttament jew tramite l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mal-esperti barranin li ilhom jgħidu li dan huwa by product inevitabbli tat- tuna ranching industry nnifisha għax il- blue fin tuna minnha nnifisha toħloq wkoll ċertu xaħam? j) Il-Gvern jaqbel ma' dak li ilhom jgħidu bosta esperti lokali u barranin li dan l-aktar li jiġri huwa meta t- tuna tkun konċentrata f’numri kbar fi spazji relattivament limitati? k) Qatt ġie kkunsidrat x’effett negattiv jistgħu jħallu tuna ranches li f’ħafna każi jistgħu jkunu wisq qrib il-kosta nnifisha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12571 Sitting 164 2009-11-20 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

appelli quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar — informazzjoni

Question

B'referenza għall-Bord tal-Appell imwaqqaf taht l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Izvilupp, jista' l-Prim Ministru jindika kemm ġew intavolati u kemm ġew deċiżi appelli quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar xahar b'xahar fl-aħħar tliet snin? Minn dawk deċiżi, kemm minnhom intlaqgħet it-talba ta' l-appell u kemm minnhom ma ntlaqgħetx? In oltre kemm kien hemm appelli quddiem il-Qorti ta' l-Appell (Sede Inferjuri) fl-istess żmien? Kemm minnhom kienu vinċenti quddiem il-Qorti ta' l-Appell u kemm minnhom ma kenux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2007 ġew intavolati 352 appell quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar, u ġew deċiżi 183 appell. Fis-sena 2008 ġew intavolati 312 appell filwaqt li ġew deċiżi 211 appell. Din is-sena (sal-31 t'Ottubru) ġew intavolati 218 appell u ġew deċiżi 155 appell. Fis-sena 2007 kien hemm 11 -il każ li ġie appellat quddiem il-Qorti ta' l-Appell, erbgħa ġew deċiżi favur il-MEPA u sitta kontra, wieħed minnhom għadu pendenti. Fis-sena 2008 kien hemm 8 każi li ġew appellati quddiem il-Qorti ta' l-Appell, erbgħa ġew deċiżi favur il-MEPA u sitta kontra. Din is-sena sal-lum hemm 18-il każ li ġie appellat quddiem il-Qorti ta' l-Appell, tnejn ġew deċiżi favur il-MEPA u wieħed kontra, ħmistax għadhom pendenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm ġew intavolati appelli quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar u kemm appelli ġew deċiżi xahar b'xahar.
Leg 11 PQ #12580 Sitting 164 2009-11-20 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jerma Palace Hotel — żvilupp

Question

Tenut kont li l-Jerma Palace Hotel kienet inbniet fuq proprjetà tal-Gvern, liema proprjetà kienet għaddiet lil terzi b'titolu ta' ċens perpetwu taħt numru ta' kundizzjonijiet, fosthom illi l-art de quo tintuża biex fuqha tinbena lukanda, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jirriprendi lura s-sit li fuqha nbniet il-Jerma Palace Hotel peress li l-lukanda ilha għadd kbir ta' xhur magħluqa, mitluqa u fi stat ta' abbandun? Huwa aċċettabbli għall-Prim Ministru illi l-post li qabel kien jokkupa lukanda ewlenija fin-Nofsinhar ta' Malta issa huwa żdingat u mitluq? Tenut kont li fil-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista kien tħabbar illi minflok il-Lukanda Jerma kienu se jinbnew appartamenti lussużi u anke lukanda żgħira u issa jidher ċar li l-iżviluppatur għal raġunijiet tiegħu mhux se jagħmel dan, x'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern dwar dan? X'laqgħat kellu l-Prim Ministru, jekk kellu, mal-emfitewta l-ġodda tal-lok li fuqu kienet inbniet il-Jerma Palace Hotel? X'ġie diskuss? Kien hemm Ministri oħra li attendew għal dawn il-laqgħat? Jekk iva, min kienu? Għaliex saru dawn il-laqgħat, jekk saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12648 Sitting 164 2009-11-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamar lokali u internazzjonali fil-kamp tat-turiżmu mediku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12267 u jgħid x'kien l-ammont totali li l-Gvern nefaq f'reklamar lokali u internazzjonali sena b'sena fl-aħħar 15-il sena fil-kamp tat-turiżmu mediku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-somma li ntefqet fuq reklamar fil-kamp tat-turiżmu mediku hija kif msemmi hawn taħt: 2007 €128,912 2008 €287,227
Leg 11 PQ #12649 Sitting 164 2009-11-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nefqa tal-Gvern bħala reklamar għat-turiżmu lokalment u internazzjonalment

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12265 u jgħid x'kien l-ammont totali sena b'sena fl-aħħar 15-il sena li l-Gvern nefaq bħala reklami għat-turiżmu lokalment u internazzjonalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ġiet mwaqqfa fl-1999 u l-informazzjoni li qegħda tingħata tmur lura din is-sena. Qed inpoġġi t-tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #8758 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Obbligi internazzjonali fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent

Question

Jista’ l-Prim Ministru li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li hija l-Awtorità kompetenti dwar l-obbligi internazzjonali fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, jinforma lill-Kamra x’sehem għandha din l-istess Awtorita' biex tara li ma jsir xejn li jista’ jkun ta’ ħsara għall-ambjent naturali u li ma jmurx kontra l-obbligi internazzjonali li l-pajjiz għandu? Min hu r-rappreżentant tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq dan l-Environment Landscaping Consortium?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Parti sostanzjali mix-xogħol li tagħmel il-MEPA huwa propriju sabiex jitħares l-ambjent naturali u sabiex jiġi żgurat li Malta tonora l-obbligi internazzjonali li pajjiżna għandu fit-tħaris ta’ l-ambjent. Huwa diffiċli li f’risposta parlamentari jiġi elenkat ix-xogħol kollu li jsir f’dan ir-rigward, xogħol li jinkludi l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, enforcement, abbużżar ta’ policy papers għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern u rappreżentanza f’isem Malta f’fora internazzjonali fil-qasam ta’ l-ambjent. Mhix ċar kif it-tieni parti tal-mistoqsija torbot mal-ewwel parti. Il-monitoraġġ tax-xogħol ta’ l- Environment Lanscaping Consortium isir minn Monitoring Board li jopera fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m’għandha ebda rappreżentat fuq dan il-Bord.
Leg 11 PQ #11510 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati lis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema oqsma jixtri s-servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati sabiex jagħtu s-servizz tagħhom lis-servizz pubbliku? Kemm hemm oqsma differenti li jixtri s-servizzi mingħandhom u kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dawn l-oqsma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12055 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Workshops

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari10574, jista' l-Prim Ministru jgħid b x'tip ta' formula intużat biex jasal għal dawk l-ammonti ? Kemm se jieħu kull kunsill lokali għal kull funzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jagħti r-referenza t-tajba tal-Mistoqsija Parlamentari li qed jirreferi għaliha peress li l-mistoqsija li qed tirreferi għaliha m’għandhiex x’taqsam ma’ fondi.
Leg 11 PQ #12056 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — ħlas għal workshops

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10574, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus biex ġew organizzati sett ta' workshops interattivi u hands-on għall-kunsilli lokal ? Min kienu l-kunsilli li attendew ? Kemm kien in-numru ta' kunsilliera li ipparteċipaw ? Il-kunsilli lokali ġew mitluba biex iħallsu talli ħadu sehem ? Jekk iva, kemm ħallas kull kunsill?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-MEUSAC nefqet l-ammont ta’ € 22 biex toffri kafe lill-parteċipanti u tagħmillhom ‘name tag’ għal waqt il-workshop. Ma kien hemm l-ebda ħlas ta’ kera għall-post fejn sar il-workshop filwaqt li dawk li mexxew it-taħriġ offrew is-servizz professjonali tagħhom b’xejn. Ma ntalab l-ebda ħlas għall-parteċipazzjoni mill-artisti u l-Kunsilli Lokali. Kien hemm 14-il kunsillier li ġew minn dawn il-Kunsilli: Tarxien, il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar, Bormla, San Lawrenz, Birkirkara, Qormi, Xagħra, Safi, Naxxar, Hamrun u Birgu.
Leg 11 PQ #12057 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Policies — oqsma artistiċi u kreattività - konsultazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10578, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk diġà tlestiex ix-xogħol ta' konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tali konsultazzjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.
Leg 11 PQ #12058 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi ġdida tal-Kunsilli lokali

Question

Issa li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida dwar il-kunsilli lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux diġà saru r-regolamenti mill-Ministeru tiegħu ċioe mill-Gvern Lokali biex jistabbilixxu policy ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess ta’ konsultazzjoni tar-riforma tal-Gvern Lokali, kien ġie imħejji dokument msejjaħ “Politika ta’ Malta għal Governanza Lokali 2008”. L-abbozz għal dan id-dokument kien ġie mfassal fuq prinċipji ta’ Governanza tajba (good governance), wara konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet. Dan id-dokument ġie ppubblikat f’format ta’ ktejjeb kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tqassam lill-kunsillieri kollha.
Leg 11 PQ #12061 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Interim From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Flus lill-kunsilli lokali minn ċitazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10573, jista' il-Prim Ministru jgħid miċ-ċitazzjonijiet li weħlu dawk il-persuni li ħammġu, kemm ħadu flus kull kunsill lokali miċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-wardens u minn dawk li ngħataw mill-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12396 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — talbiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-esportazzjoni ta' flyash? Kemm inħarġu permessi simili fis-snin 2007 sal-lum u lil min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha żewġ applikazzjonijiet pendenti għall-esportazzjoni ta' flyash. Sal-ġurnata tal-lum għadhom qatt ma nħarġu permessi għall-esportazzjoni ta' flyash.
Leg 11 PQ #12435 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mediterrenean Coference Centre — studju ta' vijabbilità bħala bini tal-parlament

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-perit, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, f'xi stadju jew ieħor kien għamel xi studju dwar il-vijabbilità tal-użu tal-Mediterrenean Conference Centre bħala bini tal-Parlament? Jekk huwa minnu jista' jiġi pubblikat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12601 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' Airstrip

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 9482 u 9892 dwar studju ta' fattibilità dwar bini ta' airstrip f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li jitlesta r-rapport imsemmi fit-tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għar-rapport li ġie ikkummissjonat mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex ninsab infurmat li dan ir-rapport ġie mgħoddi lil MCESD.
Leg 11 PQ #12615 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Hotel and Restaurants Association — skart mormi minn stabbilimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu jagħmel analiżi mal-Malta Hotel and Restaurants Association biex jassigura li matul is-sena li ġejja dawk l-istabbilimenti kummerċjali fil-qasam tal-catering fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, ikollhom arranġament permanenti biex jinġabar l-iskart tagħhom, għaliex bosta minn dawn l-istabbilimenti fil-fatt iħallu dan l-iskart barra fil-mument li jagħlqu u dan ma jinġabarx qabel numru ta' sigħat wara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara studju li sar mill-Awtorità tat-Turiżmu flimkien ma’ msieħba oħrajn, fosthom l-MHRA, GRTU u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, ġie stabbilit li għandu jkun hemm sistema ċentralizzata għaż-żona ta’ Paceville. Wara diskussjonijiet li saru mal-MRRA, wkoll responsabbli tat-tindif pubbliku in-ġenerali, ġiet iffurmata kumpanija ġdida msejjħa ‘Green MT’ li ħadet f’idejha il-ġbir ta’ skart in-ġenerali f’Paceville. Din kienet prova ta’ sitt ġimgħat, bil-ħsieb li tiġi implimentata f’lokalitajiet oħrajn fosthom f’San Pawl il-Baħar.
Leg 11 PQ #12616 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

General Retailers and Traders Union — arranġament permanenti għal ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Prim Ministru flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u mal-General Retailers and Traders Union jassigura li dawk l-istabbilimenti kummerċjali li għandna madwar Malta u Ghawdex u li huma bħala settur rappreżentati mill-General Retailers and Traders Union, ikkollhom arranġament permanenti biex l-iskart tagħhom ikun jista' jinġabar permezz ta' sistema apposta għal dawn il-każi ta' xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12615/11/1.
Leg 11 PQ #12628 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lezzjonijet tal-għawm lis-suldati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan l-aħħar, suldati fl-Armata fuq servizz attiv li ma jafux jgħumu, bdewx jingħataw lezzjonijiet tal-għawm? Minn liema data bdew jingħataw dawn il-lezzjonijiet u fejn? Kemm hemm suldati involuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-taħriġ bażiku fl-għawn qed jingħata lis-suldati rekluti kollha bħala parti mit-taħriġ bażiku tagħhom irrispettivament jekk dawn jafux jgħumu jew le. Dan it-taħriġ beda fis-7 ta’ Novembru u qed isir fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Bħalissa hemm 53 rekluta li qed jieħu sehem f’dan it-taħriġ.
Leg 11 PQ #12637 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Multi u tariffi mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12422 u 12192 u jgħid kemm inġabru tariffi u multi mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex, kunsill b'kunsill u ċioe: a) tariffi kull kunsill mill-kuntratturi li jkunu esegwixxew xogħol ta' kostruzzjoni fil-lokalitajiet individwali lokalità lokalità? b) kemm inġabru multi minn wardens li jinsabu joperaw f'kull lokalità? Jista' jagħti din l-informazzjoni għas-sena 2008 u sa Ottubru 2009 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #12639 Sitting 163 2009-11-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: a) X'inhu l-ammont totali ta' flus li Malta ħadet sal-aħħar ta' Ottubru 2009 mill-Unjoni Ewropea? b) F'liema proġett ntnefqgħu dawn il-flus? ċ) Kemm kien is-sehem tal-Gvern Malti f'dawn il-proġetti? d) Kemm hemm nies illum li sabu impjiegi ġodda permezz ta' dawn il-proġetti? e) Kemm kien il-kontribut totali f'kull forma finanzjarja lill-Unjoni Ewropea minn mindu Malta saret membru sal-aħħar ta' Ottubru 2009? Jista' l-Prim Ministru jagħti risposti fid-dettal għal kull domanda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.