Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żieda fis-Schedule V

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna Schedule V? Jista' jgħid sena b'sena kemm żdiedu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ persuni li jingħataw mediċini b'xejn bil-kartuna s-safra (Skeda V), huwa ta’ 124,215. Bħalissa, ma hemmx mezz kif toħroġ kemm żdiedu sena b’sena u d-dipartiment qed jaħdem fuq sistema li tkun tista’ tiġbor din l-informazzjoni.

Sptar Mater Dei — customer care - ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei? X'inhuma l-ilmenti l-aktar li kien hemm għas-sena 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

San Ġiljan — Ċentru tas-Saħħa Reġjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali f'San Ġiljan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan il-proġett huwa fi stat ta’ ppjanar u konsultazzjonijiet u għalhekk l-informazzjoni rikjesta ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

atleti li huma f'riskju ta' korriment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30294 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Peress li atleti li jipparteċipaw f'sport organizzat fi klabb ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali huma f'riskju ta' korriment li jista' jirrikjedi kura kirurgika ta' natura urġenti u li fis-settur privat jirrikjedi spejjeż kbar, jista' jgħid jekk jistax: a) isir reġistru ta' dawn l-atleti li bih ikunu intitolati benefiċċju bħal injury on duty ; u b) ikun hemm speċjalisti fl-Isptar Mater Dei li jieħdu ħsieb lil dawn l-atleti biex jonqos il-piż finanzjarju fuq l-għaqdiet/klabb sportivi u min imexxihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-injury on duty ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. L-isptar Mater Dei joffri servizzi speċjaliżżati f’ħafna oqsma u l-atleti jistgħu jirrikorru għall-użu ta’ dawn is-servizzi bħal ħaddieħor. M’hemm ebda pjan biex jiġu introdotti servizzi partikolari għall-dixxiplini sportivi partikolari.

mediċini b'xejn għal min għandu problema f'għajnejn

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex id-Dexa Gentamicin, l-Opatanol, il-Vigamox u t-Tobradex ma jiġux offruti b'xejn għal min għandu l-karta r-roża meta dawna huma essenzjali għal min għandu problemi tal-għajn (cornea) u huma ta' piż finanzjarju sostanzjali għal min għandu bżonnhom ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċini msemmija m’humiex fil-Formularju tal-Gvern. Pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża huma ntitolati għal numru ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern.

Birkirkara — ċimiterju tal-Kolleġġjata ta’ Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni għaċ-ċimiterju tal-Kolleġġjata ta’ Santa Liena Birkirkara? X’qed iżomm milli jinħareġ dan il-permess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-bini ta ċimiterji huwa irregolat mill-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u kull applikazzjoni tiġi proċessata skont ir-rekwiżiti tal-imsemmija liġi. L-Applikazzjoni ndikata fil-Mistoqsija ma kienitx konformi mal-artiklu 136 tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u l-awtorita` ikkonċernata kienet ġiet informata.

Appuntament għall-mammogram u test tal-bone density

Question

Peress li l-persuna, li d-dettlaji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha tipprova tagħmel appuntament l-Isptar Mater Dei sabiex tagħmel mammogramm u test tal-bone density u dan għaliex kull meta tmur l-isptar biex tagħmel appuntament qed ikollha tagħmel hemm ħin twil u minħabba impenji ta' xogħol ma tkunx tista' toqgħod hemm u qalulha li mhux possibbli tagħmel appuntament permezz tat-telefon, jista' l-Mnistru jara li din il-persuna tingħata appuntament u fuq kollox jista' jara kif persuni li minħabba l-impenji tagħhom ma jkunux jistgħu jmorru l-isptar biex jagħmlu appuntament ikunu jistgħu jagħmluh permezz tat-telefon?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Spiża kieku s-servizz tal-mediċini b'xejn kellu jsir bi ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizz tal-medicini b'xejn kellu jsir bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-Gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħasx il-ħtieġa li jsir tali studju.

Servizz mediku bi ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizz mediku kellu jsir bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-Gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħasx il-ħtieġa li jsir tali studju.

Servizzi li jingħataw fil-komunità jitneħħew jew isiru bil-ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizzi li jingħataw fil-komunità jitneħħew jew isiru bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħassx il-ħtieġa li jsir tali studju.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena in-numru ta’ direct orders kien ta’ elf, disa’ mija u ħamsin (1,950) għall-valur globali ta’ sitt miljun, disa’ mija u tlieta u sebgħin elf, erba’ mija u sitta u għoxrin Ewro (€6,973,426.00).

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — kiri ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vetturi mill-bidu tas-sena 2008 sa Novembru tas-sena 2011 għall-użu tal-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Anzjani fi homes privati li jikkwalifikaw għall-għajnuna tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li jkolha income ta' €450 fix-xahar u tkun qed tgħix ġo home privata mħallsa minn butha tikkwalifikax għall-għajnuna tal-mard jew xi għajnuna finanzjarja oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjani għandhom jivverifikaw jekk humiex intitolati għall-karta r-roża biex b’hekk jagħmlu użu mil-benefiċċji li jkunu intitolati lilhom. Il-Gvern, f’din il-leġislatura nieda wkoll skema li permezz tagħha, anzjani li jiddeċiedu li jgħixu f’dar tal-anzjani privata jkunu jistgħu igawdu minn tnaqqis fl-income tax. Fl-2009, 1,128 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom mir-return tal-income tax €2,092,053. Fl-2010 1,234 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom €2,312,017. Ghaldaqstant jidher li dan l-inċentiv qiegħed iħajjar numru ta’ ċittadini biex jieħdu servizz privat. Residenti fi Djar Privati tal-Anzjani jistgħu wkoll japplikaw għas-Servizz tal-Inkontinenza mad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità biex b’hekk jekk ikun hemm bżonn jinxtraw nappies bis-sussidju.

Anzjani fi homes privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk anzjani li jkunu jgħixu ġo home imħallsa minn buthom jibqgħux jikkwalifikaw għal servizzi li jikkwalifikaw għalihom anzjani fil-komunità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjani li jkunu jgħixu ġewwa Dar tal-Anzjani Privata u jkunu qed iħallsu minn buthom, jibqgħu jikkwalifikaw għal dawn is-servizzi sa fejn japplika: · Inkontinenza jekk ikollhom il-kartuna r-roza valida · Telephone Rebate jekk ikollhom il-karta r-roza valida · Telecare* · Phsiotherapy/Occupational Therapy jekk jiġu referuti mit-tabib tagħhom · Meals on Wheels* · Handymen Service* · MMDNA Il-Meals on Wheels, Il-Handymen Service u t-Telecare japplikaw biss jekk l-anzjana tmur tqatta xi ġranet id-dar.

għajnuna finanzjarja għall-anzjani li joqogħdu ġo homes privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi għajnuna finanzjarja jew servizzi għal dawk l-anzjani li jkunu qed iħallsu kulma jdaħħlu, ġieli anke jingħataw għajnuna finanzjarja mit-tfal tagħhom, biex jibqgħu jgħixu ġo home privata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27985 u għall-informazzjoni li ngħatat f’parti mir-risposta. L-Anzjani għandhom jiverifikaw jekk humiex intitolati għall-karta r-Roża biex b’hekk jagħmlu użu mill-benefiċċji li jkun intitolati lilhom. Residenti fi Djar Privati tal-Anzjani jistgħu wkoll japplikaw għas-Servizz tal-Inkontinenza mad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komuinita’ biex b’hekk jekk ikun hemm bżonn jinxtraw nappies bis-sussidju. Anzjani li jkun jgħixu ġewwa Dar tal-Anzjani Privata u jkunu qed iħallsu minn buthom, jibqgħu jikwalifikaw għal dawn is-servizzi sa fejn japplika: · Inkontinenza jekk ikollhom il-kartuna r-roza valida · Telephone Rebate jekk ikollhom il-karta r-roza valida · Telecare* · Phsiotherapy/Occupational Therapy jekk jiġu referuti mit-tabib tagħhom · Meals on Wheels* · Handymen Service* · MMDNA *Il-meals on Wheels, it-Telecare u l-Handyman Service japplikaw biss jekk l-anzjana tmur tqatta xi ġranet id-dar.

Operazzjoni tal-ftuq

Question

Jista' l-Minstru jgħid meta jaħseb li l-persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se ssirilha l-operazzjoni tal-ftuq mal-professur li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-perjodu li fih jista’ jisr l-intervent fuq il-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant għandu jkun għall-bidu tas-sena d-dieħla, peress li hemm numru ta’ pazjenti oħra li jridu jkunu moqdija qabel.

Crisis Intervention Team — każijiet ta' Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm waslu każijiet ta' Għawdxin għand il-Crisis Intervention Team dwar każijiet tas-saħħa mentali u x'ħidma twettqet mit-tim f'Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-Crisis Intervention Team segwa 13-il każ ta’ persuni li joqogħdu Għawdex. Il-ħidma li twettqet ma’ dawn il-persuni hija l-istess bħall-ħidma mwettqa ma’ persuni Maltin li jaraw lit-tim ġewwa l-Isptar Mater Dei.

Injection tal-influwenza

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma għaliex kien hemm dewmien fl-għoti tal-injection tal-influwenza li soltu tingħata aktar kmieni fis-sena? Kemm hemm verità li din is-sena l-ordni saret tard? Dan kien dovut għall-ippjanar ħażin jew għall-problemi ta’ cash flow?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.