Legislature:
Category:
Reset
Active:

PIRLS — servizz tal-literacy support teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi konkreti kienu ttieħdu biex jiġu indirizzati problemi li dehru li hemm fl-iskejjel tagħna wara li ħadu sehem fil-PIRLS peress li l-punt li jitwaqqaf is-servizz tal-literacy support teachers u ċċaħħad lill-istudenti/skejjel mill-appoġġ tagħhom anki għal jum aħseb u ara għal xahar sħiħ, ma jidhirlix li hija politika tajba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa maħsub li dawn l-għalliema ta’ literacy support jispiċċaw ix-xogħol ewlieni tagħhom qabel ma jibdew ix-xogħol fuq il-PIRLS. Huwa maħsub ukoll li dawn l-għalliema jmorru lura fl-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u b’hekk jiffinaliżżaw mal-għalliema tal-klassi l-pjanijiet ta’ sapport meħtieġa għas-sena d-dieħla għal dawk it-tfal li jkunu jeħtieġu għajnuna.

Librerija Nazzjonali ta' Malta — Strateġija ta' Diġitizzazzjoni

Question

Tista' l-Ministru: a) tikkonferma li l-kumpaniji li tefgħu offerta għall-kuntratt ERDF 109 (National Library of Malta) Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta, huma dawk li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament; b) tikkonferma li fil-laqgħa tal-24 ta' Marzu 2011 tal-bord tal-aġġudikazzjoni tal-kuntratt għad-diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali nstab li ħadd mill-offerenti ma kien compliant mal-kundizzjonijiet tal-offerta u li ntalab l-intervent tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għal kjarifika u gwida; ċ) tgħid issa fiex wasal dan il-proċess u x'pariri tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti u dwar l-offerti għad-diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali; u d) tgħid min eventwalment se jagħmel ix-xogħol ta' diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali; entitajiet privati u/jew personnel tal-librerija kwalifikat u mħarreġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpaniji li tefgħu offerta għall-kuntratt ERDF 109 (National Library of Malta) Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta, huma dawk li d-dettalji tagħhom jintbagħtu separatament. Peress li għadu għaddej il-proċess tal-aġġudikazzjoni, f’dan l-istadju ma tistax tingħata informazzjoni dwar min kien compliant mal-kundizzjonijiet jew le minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, skont il-kundizzjonijiet ippubblikati fit- tenders tal-gvern. Ix-xogħol ta' diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali ser isir minn membri tal-Bibljoteka. Qed tiġi studjata l-possibilità li jsiru diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra biex jitħaffef ix-xogħol ta’ diġitizzazzjoni. Kull min jagħmel dan ix-xogħol, sew staff tal-Bibljoteka kemm entitajiet privati, se jingħata taħriġ apposta.

UEPA — postijiet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'postijiet vakanti kien hemm fl-istrutturi tal-UEPA matul is-sena 2010? Tista' tgħid kemm damu battala? Tista' tgħid kif imtlew dawn il-postijiet? Meta ġew reklamati? Meta għalqet is-sejħa biex jimtlew dawn il-postijiet u meta mtlew? B'liema metodu ta' reklutaġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

UEPA — postijiet vakanti - applikanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'postijiet vakanti kien hemm fl-istrutturi tal-UEPA mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum? Tista' tgħid kif ġew reklamati? X'dati ngħataw għas-sejħa biex jimtlew u meta għalqu dawn id-dati? Tista' tgħid kienx hemm każ ta' post battal għall-awditjar intern li ġie reklamat f'jum partikulari u ngħata jum biss biex jimtela dan il-post? Fejn saret is-sejħa biex jimtela dan il-post? Kemm applikaw għalih? Min intgħażel? Kif intgħażel? Ġew segwiti r-regoli kollha biex jimtela dan il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Aġenżija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (European Union Programmes Agency) ma kien hemm l-ebda sejħa għall-awditjar intern. Il-postijiet vakanti li kien hemm mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-lum kienu: o Communications and Activities Officer - kien hemm tmien (8) applikanti u ntgħażlet persuna li kienet qed tirreġistra għax-xogħol; o Programme Officer Youth in Action Programme - kien hemm wieħed u tletin (31) applikant u ntgħażlet persuna li kienet qed tirreġistra u o Manager Finance and Administration (Corporate Services) – saret sejha nterna u applikaw żewġ impjegati. Il-post għadu vakanti għax għad irid isiru l- interviews. o National Coordinator – kien hemm 24 applikant u għad iridu isiru l-interviews. L-EUPA ma tirreklamax il-postijiet vakanti kollha għax, wara li jkollha l-permessi meħtieġa biex jiġu reklutati mpjeġati ġodda, l-ewwel toħroġ sejħa nterna biex jekk ikun hemm xi ħadd mill-impjegati nteressat fil-post ikun jista’ japplika. Jekk ma jkun hemm ħadd mill-impjeġati tal-EUPA interessat fil-post, l-ETC tibgħat il-lista ta’ nies li qed jirreġistraw taħt Part I u jekk ma jintgħażel ħadd jintbagħat rapport lill-ETC, li jibgħatu l-lista ta’ dawk li qed jirreġistraw taħt Part 2 u Part 3. Jekk ma jinstab ħadd eliġibbli mis-Selection Board biss jiġu reklamati l-postijiet vakanti fil-gazzetti lokali kollha u fil-Gazzetta tal-Gvern.

Sospensjoni tal-programmi edukattivi — LLP u YIA

Question

Tista' l-Ministru tgħid fix-xogħol li fadal isir biex il-Kummissjoni Ewropea tneħħi s-sospensjoni tal-programmi edukattivi tal-Unjoni Ewropea tal-LLP u YIA liema snin hemm problemi biex tinstab id-dokumentazzjoni kollha tad-dħul u ħruġ relatati ma' dawn il-programmi u biex tiġi rekordjata fis-sistema mitluba mill-Kummissjoni? Fejn wasal dan ix-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol li ġie maqbul mal-Kummissjoni Ewropea issa tlesta u fid-29 ta’ April 2011 intbgħatu b’mod elettroniku d-Dikjarazzjonijiet tal-Assigurazzjoni tal-2010, waħda għal programm Lifelong Learning u waħda għal-programm tal-Youth in Action. Flimkien mad–Dikjarazzjonijiet tal-Assigurazzjoni intbgħatu ukoll ir-Rapporti taż-żewġ programmi tal-EUPA kif ukoll għadd ta’ dokumentazzjoni mitluba mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kopji fiżiċi intbgħatu lill-Kummissjoni Ewropea t-Tnejn, 2 ta Mejju 2011. Id-dokumentazzjoni tal-ħruġ u dħul relatati mal-programmi kif mitluba mill-Kummissjoni Ewropea ġew verifikati u ddaħħlu fis-sistema tal-kontabilita tal-Aġenzija (accruals based accounting system). Ir-rikonċiljazzjonijiet tas-sistema tal-kontabilita’ kemm mal-kontijiet tal-bank kif ukoll mas-sistemi manigerjali tal-informatika taż-żewġ programmi saru wkoll kif mitlub mill-Kummissjoni Ewropea

Vouchers tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġu mqassma l-vouchers lill-benefiċċjarju, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont kien dam ma nħareġ u għaldaqstant il-vouchers ntilfu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-persuna msemmija minnu mietet u allura jinħtieġ li l-mara tal-mejjet tapplika f’isimha għal Benefiċċju tal-Enerġija. B’hekk, jekk hemm xi pendenzi ta’ dan il-benefiċċju, anke jekk huma fuq isem ir-raġel dawn jitħallsu lilha. Għalhekk tajjeb li l-benefiċċjarja tmur l-Uffiċċju Distrettwali biex timla’ l-applikazzjoni neċessarja.

Skema Rehabilitation Workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni tal-ħaddiema li jagħmlu parti mill-iskema Rehabilitation Workers li kienu jieħdu €189 u issa talbuhomlhom lura? Peress li f'Diċembru, id-Dipartiment infurmani li d-deċiżjoni se tittieħed aktar tard, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-kaz li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata mid-Dipartiment li l-persuna msemmija għamlet appell dwar il-każ. Dan l-appell għadu sub-judice u għalhekk mhux prudenti li jsiru kummenti dwar dan il-każ f’dan l-istadju.

każ dwar facilitator

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga każ ta' facilitator, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħda ma' tifel bi bżonnijiet ta' facilitator fil-Kulleġġ Sant'Ignazju Ħal Qormi u din kontinwament qiegħda tiġi mbikkma, insultata u saħansitra imsawta minn dan it-tifel bil-konsegwenza li psikoloġikament tinsab imkissra u mhijiex qed issib litteralment l-ebda kenn u wens mill-kapijiet tal-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li peress li l-LSA riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari kienet qed ikollha diffikultajiet mal-istudent li kienet responsabbli għalih ingħatat responsabilitajiet oħra. Dan sar ftit ta’ żmien ilu, qabel ma daħlet din il-Mistoqsija Parlamentari. Ta’ min wieħed jgħid li l-istess student, barra servizz ta’ LSA għandu wkoll appoġġ mill- ischool counsellor u mill-ispeċjalista tad-Diffikultajiet fl-Imġieba Soċjali u Emozzjonali. L-istudent ġie rreferut ukoll lill-Psikoloġista tas-Servizz Psikoloġiku tal-Iskejjel, lill- Occupational Therapist u l-s- Psycho-Therapist . Hemm ukoll ħaddiema soċjali li qed jaħdmu fuq dan il-każ. L-Amministrazzjoni tal-iskola tiċħad bil-qawwa kollha l-akkuża li l-Kap tal-Iskola kif ukoll l-Assistenti Kapijiet ma taw l-ebda kenn u wens lil-LSA imsemmija hawn fuq.

PBS — ħlas ta' pagi lill-ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li minħabba fiha l-Public Broadcasting Services iddeċieda li jwarrab sistema li ilha taħdem għexieren ta’ snin fejn il-pagi tal-managers u l-ħaddiema kienu jinħadmu mid-dipartiment tal-accounts u ħaddiema full-time tal-Public Broadcasting Services stess, biex issa se jibdew jinħadmu minn kumpanija privata bi spejjeż akbar? Min ħa din id-deċiżjoni? Hija konxja l-Ministru li diġà hemm każi pendenti ta' impjegati li bil-barka ta’ xi ħadd ingħataw ħlasijiet żejda għax-xogħol normali tagħhom, bl-ordni u l-barka ta’ xi ħadd imlaħħaq sewwa fil-PBS u li bil-proċedura l-ġdida din il-prassi tista' tirrepeti ruħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 24106, liema deċiżjoni kienet waħda Maniġerjali. Mhux minnu li dan it-tibdil fis-sistema wassal biex ingħataw ħlasijiet żejda.

Channel 22 — persuna nkarigata

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25352, la l-persuna indikata qed tieħu ħsieb ix-xogħol amministrattiv tal-istazzjon Education 22, tista’ l-Ministru tgħid min hi l-persuna li qed tieħu ħsieb tmexxi l-aspetti tekniċi u ta' produzzjoni ta’ dan l-istazzjon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bis-saħħa tal-ftehim li sar bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja u l-PBS kemm l-aspett tekniku kif ukoll dak ta’ produzzjoni qed jieħu ħsiebu l-PBS.

Persuni li nqalbu mir-reġistrar għal fuq l-assistenza soċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm huma dawk li nqalbu minn eleġibbli għar-reġistrar, għal fuq l-assistenza soċjali mis-sena 2008 sal-2011, sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istitut tal-Istudji Turistiċi — securities - sigħat ta' ħidma

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma s-sigħat ta' xogħol li qed jaħdmu fil-ġimgħa s-securities fi ħdan l-Istitut tal-Istudji Turistiċi? Kemm ġie claimed f'overtime?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Istitut tal-Istudji Turistici securities li jaħdmu fuq bażi ta’ 42 siegħa fil–ġimgħa jitħallsu shift allowance peress li jaħdmu l-Ħdud, u l-grad sostantiv tagħhom huwa ta’ general hand . Dawn jitħallsu overtime meta tkun festa pubblika. Dawk is -securities li jaħdmu fuq bażi ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa jaħdmu overtime konness mal-ftuħ u l-għeluq tal-Istitut li huwa ferm itwal minn office hrs . Is-sigħat ta’ overtime mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar t’April ta’ din is-sena kienu 810.25 sigħat.

persuni li jirreġistraw part 1 u part 2 — għajnuna soċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm huma dawk li kienu jirreġistraw fuq part 1 u part 2, li nqelbu fuq għajnuna soċjali għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010? Tista' tpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 25850.

Proġett tal-White Rocks

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proċess li beda l-gvern dwar is-sit tal-White Rocks għadux għaddej? Jekk iva, saret valutazzjoni tal-art li se tkun trasferita? Tista' tgħid jekk sarx studju dwar il-faċilitajiet sportivi intiżi, fis-sens kemm huma kkalkulati li se jiswew? Tista' tgħid jekk il-lokalità fejn se jinbnew hijiex l-aħjar biex ikunu aċċessibbli minn kull naħa ta' Malta? Min se jkun responsabbli għall-manutenzjoni u kontroll tagħhom u kull aspett ieħor relatat mal-iżvilupp tal-isport f'pajjiżna kemm bħala dixxiplina għalih kif ukoll bħala l-element essenzjali għas-saħħa preventiva? Min ta l-ordni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jitneħħa r-rescheduling ta' parti mill-art?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati dwar il-proġett tal-White Rocks Sports and Leisure Village għadhom ma ġewx konklużi. Fl-interess ta’ kulħadd, in-negozjati għandhom iseħħu f’ambjent trankwil biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

korsijiet f’parental skills

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx kien ikkunsidrat il-punt li l-gvern jibda joffri korsijiet f’parental skills lil dawk il-koppji li jkun se jkollhom it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sedqa tipprovdi korsijiet ta’parental skills lil kull min japplika għalihom u ma tiddiskriminax fuq jekk il-persuni hux diġà għandhom it-tfal jew jekk hux se jkollhom it-tfal fil-futur qrib. L-esperjenza s’issa turina li l-maġġoranza ta’ persuni li japplikaw għal dan il-kors huma diġà ġenituri.

PBS — CEO - kampanja dwar divorzju responsabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tħossx li l-involviment taċ-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services fuq naħa fil-kampanja dwar divorzju responsabbli (f'dan il-każ il-le) huwiex prudenti meta l-istazzjon nazzjonali suppost jibqa' newtrali fi kwistjonijiet ta' kontroversja nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services diġa ċaħad pubblikament li huwa involut ma’ xi naħa fid-dibattitu preżenti dwar id-divorzju. Diġà stqarr li huwa kien mistieden għal laqgħa waħda ta' informazzjoni minn wieħed mill-movimenti u huwa aċċetta kif jaċċetta diversi stediniet oħra li jkollu għal laqgħat ta' informazzjoni minn kull xorta ta' grupp u moviment.

PBS — konsulent - kampanja dwar divorzju responsabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tħossx li l-involviment tal-konsulent tagħha u tal-Public Broadcasting Service, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, f'naħa fil-kampanja dwar divorzju responsabbli (f'dan il-każ il-le) huwiex prudenti meta l-istazzjon nazzjonali suppost jibqa' newtrali fi kwistjonijiet ta' kontroversja nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services Limited ma għandha l-ebda konsulent li għandu x’jaqsam mal-kampanja msemmija.

PBS — Chief Executive Officer - kampanja kontra d-divorzju - servizzi offruti

Question

In vista tal-kumment li ċ-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services ta lil Malta Today (10 ta' April 2011) fis-sens li hu kkontribwixxa lil kampanja kontra d-divorzju u li s-servizzi tiegħu huma offruti lill-kampanji kollha, tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-kuntratt taċ-Chief Executive Officer iżommux mili jagħmel xogħlijiet simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Kap Eżekuttiv tal-PBS imkien ma qal kif inhu allegat fl-interpellanza “li hu kkontribwixxa lil kampanja kontra d-divorzju u li s-servizzi tiegħu huma offruti lill-kampanji kollha.” Għalhekk la jidhlu kwistjonijiet ta’ xogħol u lanqas kwistjonijiet ta’ kuntratti.

liġi tal-edukazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol biex titressaq fil-Parlament il-leġislazzjoni meħtieġa biex taġġorna l-liġi tal-edukazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla? Meta hemm il-ħsieb li titressaq din il-leġislazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma biex titħejja l-legislazzjoni aġġornata li se twassal ukoll għall-għaqda bejn il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Appena titlesta dil-ħidma, l-abbozz ta' din il-legislazzjoni u kif se tkun organizzata l-entità l-ġdida se jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinet.

PBS — persuni fuq il-bord tad-diretturi u editorjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni fuq il-bord tad-diretturi tal-Public Broadcasting Services? Min huma l-persuni fuq il-bord editorjali tal-PBS? Tista' tpoggi lista bl-ismijiet tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni fuq il-Bordijiet tal-Public Broadcasting Services huma dawn: Bord tad-Diretturi Chairman: Joseph Mizzi Deputy Chairman: Kenneth Pullicino Diretturi: Josef N. Grech Dr. Isabelle Gatt Claire Azzopardi Anson D. Aquilina Bord Editorjali Chairman: Prof. J. Pirotta Diretturi: Prof. Mary Anne Lauri Is-Sur Charles Mizzi