B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26450, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fi Triq Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk (li tinsab fejn it-Tempju ta’ Ġuno, fil-viċinanza tal-knisja fiż-żona ta’ Tas-Silġ), isir intervent żgħir biex jissewwew il-ħofor li hemm minħabba li din it-triq jgħaddu bosta karozzi minnha u dan sakemm jitlesta l-pjan li kif qal il-Ministru, jinsab fil-fażi tat-tfassil u preparazzjoni? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-pjan hu maħsub li jitlesta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru d-diskussjonijiet neċessarji għal pjan konkret li jinvolvi wkoll li temporanjament jiġu rranġati l-ħofor li hemm.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha ħaddiema Transport Malta li qabel kienu jaħdmu ma’ Identity Malta, inkluż dawk part-time? Jista’jagħti lista ta’ gradi li jokkupaw fi Transport Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li hemm 12-il persuna li qabel kienu jaħdmu ma Identity Malta u issa saru ħaddiema ta’ Transport Malta fi gradi differenti.
Ir-Rabat, Malta — Triq Ħad-Dingli - Rain-water culvert
Question
Fid-dawl li wara t-tiswijiet li saru fl-aħħar xhur fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat, Malta (bejn Triq is-Sienja u l-Main Road, Triq Ħad-Dingli) xorta baqgħu jinstemgħu ħsejjes kbar kull meta tgħaddi karozza minn fuq ir-rain-water culvert u dan qed jikkawża inkonvenjent għar-residenti tat-triq, jista’ l-Ministru jgħid meta l-water culvert f’din it-triq ser titranġa kompletament u mhux parzjalment?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntrattur li għamel ix-xogħolijiet ser jiġi mqabbad biex jirrimedja għall-ispejjeż tiegħu, u sadanittant isir xogħol temporanju biex jitneħħa l-istorbju.
Kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fi proprjetajiet privati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi riżolta l-kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fil-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa r-residenti qed isibu drenaġġ fil-proprjetajiet tagħhom ta’ kuljum?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26452 u 26629 u jgħid meta u fejn tlestew id-90 pontoon addizzjonali għall-bastimenti tas-sajd fil-Port tal-Imġarr?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26454 u 26631 u jipprovdi informazzjoni dwar il-marka, il-mudell u n-numru tar-reġistrazzjoni tad-90 bastiment tas-sajd li qed jintużaw fid-90 pontoon ġdid li nħolqu għall-bastimenti tas-sajd?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26455 u 26632 u jinforma lill-Kamra li l-ebda bastiment tas-sajd ma ġie miċħud pontoon, minn dawk li kienu maħsuba biex jiġu allokati permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti d-dati ta’ meta dawn ġew allokati u l-perjodu ta’ żmien rispettiv?
Ħal Tarxien — Proġett ta’ Riġenerazzjoni quddiem il-Knisja Parrokkjali
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9428, 17201 u 24341, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u tal-pjazza ta’ quddiemha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ġie ffirmat mal-Kuntrattur li min-naħa tiegħu huwa mistenni li jipprepara d-dokumenti meħtieġa qabel ikun jista’ jibda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi li waqfet titħallsilhom il-liċenzja, imma li qatt ma ġew scrapped (karozzi li qed jinżammu ġewwa mingħajr ma qatt ġew uffiċjalment garaged)?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm vetturi, minn kull kategorija, li għamlu użu mill-iskema ta' regolarizzazzjoni tal-ħlas b'lura ta' liċenzji (Arrears of Motor Vehicle Licence Fees), mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tas-sewqan lil sidien barranin matul is-snin 2019, 2020, 2023, 2024 u matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika xi jrid ifisser b’sidien barranin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fi grad ta' Senior Managers fi Transport Malta, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kull wieħed kemm-il sena ilu jaħdem fl-Awtorità fi kwanlunkwe grad, l-ogħla livell ta' edukazzjoni, u kwanlunkwe speċjalizzazzjoni (degree, diploma jew grad ieħor) li għandu fis-settur?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fi grad ta' Direttur fi Transport Malta, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kull wieħed kemm-il sena ilu jaħdem fl-Awtorità fi kwanlunkwe grad, l-ogħla livell ta' edukazzjoni, u kwanlunkwe speċjalizzazzjoni (degree, diploma jew grad ieħor) li għandu fis-settur?
Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru x’xogħlijiet neċessarji fi Triq Paola, f’Ħal Tarxien billi tidher ċar li qiegħda taqa’ u ċċedi biċċa biċċa?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet relatati mad-distribuzzjoni tal-elettriku fit-toroq li jagħtu għal din it-triq. Il-pjan hu li ladarba dawn ix-xogħlijiet jitlestew, Infrastructure Malta tintervjeni f’din it-triq. Il-ħsieb hu li x-xogħol jinqasam f’fażijiet, skont dak maqbul mal-Kunsill Lokali, sabiex it-triq tibqa’ aċċessibbli waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa u jitnaqqas l-inkonvenjent kemm jista’ jkun.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Konsulenti — Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fis-Segretarjat tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema part-time
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 6 impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari.