Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ junction – konsultazzjoni ma’ stakeholders

Question

Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni minn qabel ma tħabbar il-proġett ma' numru ta' stakeholders? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji tal-konsultazzjoni li saret?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.

Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ junction – alternattivi oħra

Question

Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx alternattivi oħra għal dan l-arranġament? Jekk iva, għalfejn ma tteħdux inkonsiderazzjoni? Jista’ jagħti iktar dettalji dwar it-timeframes stipulati tal-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.

Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ junction — studju

Question

Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ħolistiku għaż-żona, liema pjan għandu jinkludi żoni bħal Ta’ Farsina f’Ħal Qormi sa fejn l-iskola ta’ St Dorothy’s f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.

Key Expert – Electrical Engineer — bidla

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2037, peress li jidher li hemm bidla fil-Key Expert - Electrical Engineer minn dak li ġie appuntat inizjalment b'Tender IM014/2020, jista' l-Ministru jippubblika: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer; b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti; u ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumenti mitluba relatati ma’: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer – irreferi għal dokument A u B b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti – irreferi għal dokument A u B ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla – irreferi għal dokument Ċ.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jkun lest il-proġett li qed isir fi Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura (bejn Triq San Pietru u Triq San Tumas)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2743 nispjega li t-triq indikata hija twila madwar 660 metru u tinsab f’żona li hija waħda arkeoloġikament sensittiva. Għaldaqstant ix-xogħlijiet ġew ippjanati fi tliet fażijiet u dawn qegħdin isiru taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Bħalissa għaddej ix-xogħol fit-tieni parti ta’ din it-triq (bejn Triq San Pietru u Triq San Tumas) li jinkludi bdil fis-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, kif ukoll bini ta’ bankini ġodda u tisħiħ tal-pedamenti qabel ma jsir wiċċ ġdid bl-asfalt. Ix-xogħol f’din il-fażi mistenni jkun lest f’Diċembru u hu stmat li b’kollox din it-triq se tiġi tiswa madwar €400,000.

Fgura għall-Isptar Mater Dei – Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jgħaddu karozzi tal-linja mill-Fgura lejn l-isptar u viċi versa tul il-ġurnata? Kull kemm ħin jgħaddu dawn il-karozzi? Minn fejn jitilqu? Jaħseb il-Ministru li din il-frekwenza ta’ trasport hija suffiċjenti għar-residenti tal-Fgura peress li mill-informazzjoni li għandi qed jitħallew ħafna nies fuq l-istages għal ħin twil, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu kmieni? Għandu rapporti jew ilment ta’ din ix-xorta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ rotot li jgħaddu minn ġewwa l-Fgura direzzjoni lejn l-Isptar Mater Dei. Dawn huma r-rotta 120 li filgħaxija tinbidel għar-rotta 121 kif ukoll ir-rotta 204. Ir-rotta 120/121 topera kull nofsiegħa filwaqt li r-rotta 204 topera kull siegħa. Bejniethom, fost il-ġimgħa, ikun hemm 47 vjaġġ f`kull direzzjoni, jiġifieri b'kollox ikun hemm 94 vjaġġ kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet. Ir-rotta 120/121 titlaq mix-Xgħajra (direzzjoni lejn l-isptar Mater Dei) u minn Pembroke (direzzjoni lejn il-Fgura). Ir-rotta 204 titlaq minn Marsaskala. Infurmat ukoll li ser ikun hemm monitoraġġ minn fuq diversi bus stops ġewwa l-Fgura sabiex jiġi stabbilit l-andament tar-rotot li jgħaddu min din il-lokalità.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kappuċċini – sinjali tat-traffiku

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kappuċċini f’Ħaż-Żabbar, jista’ l-Ministru jara li jerġgħu jsiru s-sinjal mal-art inkluż stop signs u marki sofor peress li wara li fl-aħħar sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku — xogħlijiet

Question

Peress li r-residenti ta' Triq San Duminku fiż-Żejtun sikwit jilmentaw b'inkonvenjent kontinwu minħabba li meta tagħmel ix-xita, l-ilma li jinġabar fl-għadajjar qed jispiċċa jidħol ġo djarhom, speċjalment meta jgħaddu l-karozzi, u peress li din it-triq hemm bżonn li jsiru kanali u spralli biex l-ilma jkollu fejn imur, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-triq tinbeda u tinstab soluzzjoni għal din il-problema? Jekk hemm il-ħsieb, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuqha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità taż-Żejtun l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza, Triq Kamumilla, Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq San Ġużepp, Triq Beland, Triq Santa Monika, Triq Santa Fawstina u Triq il-Ġiebja Rumana. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzijà għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.

Iż-Żejtun – Misraħ Mikiel Anton Vassalli – toroq mitluqin

Question

Peress li t-trejqiet li jdawru Misraħ Mikiel Anton Vassalli fiż-Żejtun ilhom ħafna mitluqin u għalkemm dan l-aħħar saru xi toroq fil-madwar, dan il-misraħ baqa’ bit-toroq kollha ħofor (hekk kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament), jista’ l-Ministru jgħid meta dawn it-toroq ta' madwar il-misraħ se jiġu asfaltati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità taż-Żejtun l-aġenzijà diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza, Triq Kamumilla, Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq San Ġużepp, Triq Beland, Triq Santa Monika, Triq Santa Fawstina u Triq il-Ġiebja Rumana. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzijà għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2767 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħallas lill-Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista s-somma ta’ €11,466.45 għal reklamar f’xandiriet mill-2017 sad-data li mwieġba din il-mistoqsija parlamentari.

Stazzjonijiet free to air

Question

Peress li qed jiġi propost li l-pakkett ta’ stazzjonijiet lokali li jinqabdu fuq il-pjattaforma diġitali permezz ta’ antenna ser jieqfu joperaw f’Marzu tas-sena 2023 u peress li qed jingħad li fil-gżejjer Maltin hawn madwar 18,000 familja li preżentament qed jindqew b’xejn permezz ta’ antenna diġitali fuq il-bejt tad-dar tagħhom, u peress li jekk dak propost iseħħ, dan ikun ifisser li dawn il-familji issa ser ikollhom jabbonaw ma’ kumpanija privata li tipprovdi dawn is-servizzi jew permezz ta’ fibre optic cable jew streaming permezz tal-internet u b’hekk għadd ġmielu ta’ familji ser jidħlu fi spejjeż addizzjonali bla bżonn biex ikunu jistgħu jaraw stazzjonijiet lokali, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jiġu megħjuna dawn il-familji? Jekk iva, x'inhu l-pjan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 3240 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Kottonera – reserved parking għar-residenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1564 fejn il-Ministru rrisponda li l-awtoritajiet se jkomplu jiddiskutu mal-kunsilli lokali rispettivi biex ikomplu jsibu s-soluzzjonijiet plawsibbli, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi sabiex isir reserved parking għar-residenti tal-Kottonera, b'mod partikolari d-dawra ta' fejn hemm l-irmiġġi u dan għax ħafna mill-parking spaces qed jittieħdu għal ġranet sħaħ kemm minn min juża l-ferry għax-xogħol jew mis-sidien tad-dgħajjes?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Bormla – tender għal multi-level car park

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1278, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar pjanijiet sabiex il-multi-level car park li għalih kien inħareġ tender lura fis-sena 2014, jerġa’ jinħareġ u dan peress li żona li twaqqgħet quddiem l-Iskola Primarja ta' Bormla għal dan il-għan għadha fi stat ta' abbandun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata seduta oħra.

Santa Luċija – Bus Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jispjega meta u kif ser isiru x-xogħlijiet fuq il-bus shelters f'Santa Luċija u jekk f'dan ir-rigward hux qed issir kordinazzjoni mal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn qed ikun hemm dewmien esaġerat jekk xi ħadd iċempel Transport Malta mhux bħala Customer Care, iżda sabiex ikellem xi uffiċjal responsabbli minn xi materjal partikolari fi ħdan l-istess awtorità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali tal-Awtorità ta' Transport jagħtu importanza lill-klijenti u jagħmlu l-almu tagħhom biex jassistu lill-pubbliku bl-aktar mod effiċjenti u fl-inqas żmien possibbli.

Transport Malta – Ħaddiema f’pożizzjoni għolja mingħajr esperjenza

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif hemm nies f'diversi pożizzjoni għolja ma’ Transport Malta illi m’għandhomx l-esperjenza u l-kompetenza f’dak il-qasam partikolari illi mbagħad jirriżulta f’backlog enormi u dewmien straordinarju, tant illi jħalli ħafna klijenti fis-settur frustrati sabiex jinqdew kif tabilħaqq huwa dritt sagrosant tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema pożizzjonijiet għolja qed jirreferi.

Settur Marittimu – reġistrazzjoni ta’ yachts u super yachts – sistema ta’ tassazzjoni ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid is-sistema ta’ tassazzjoni ġdida, li qiegħda tiġi proposta u li se tidħol fis-seħħ fl-2025, kif se taffettwa s-settur marittimu b’mod speċjali r-reġistrazzjoni tal-yachts u s-super yachts?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fuq livell politiku, dan il-Ministeru se jkompli jara li bħala ġurisdizzjoni li dejjem kienet minn ta’ quddiem biex taddatta u tilqa' għal realtajiet ġodda ġaladarba u meta dawn jiġu implimentati f’kuntest wiesa' u globali, Malta tibqa kompetittiva u tikkonsolida dak miksub diġà fuq livell internazzjonali. B’hekk, numru ta’ diskussjonijiet interni qed isiru u oħrajn esterni huma ppjanati mal-industrija biex jiġu identifikati l-opportunitajiet u r-riskji li jista’ jkun hemm jekk u meta jidħlu fis-seħħ sistemi ġodda. Dan b’konsultazzjoni sħiħa mal-Ministeru għall-Finanzi. Ninforma lil Onor. Interpellant li domandi dwar introduzzjoni u bidliet ta’ sistemi tat-tassazzjoni għandhom jiġu rreferuti għall-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Inftastruttura u l-Proġetti Kapitali – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan Projects Plus Limited hemm persuna li huwa impjegat bħala perit u ġie ingaġġat skont il-proċessi stipulati f’Directive 7. Dan jiġi n-neputi tal-Kap Eżekuttiv. Ma' Infrastructure Malta hemm persuna waħda fil-grad ta’ Trainee Architect li ġiet impjegata mal-aġenzija fl-1 ta’ Diċembru 2020 wara li nħarġet sejħa pubblika għall-impjieg. Din tiġi n-neputija tal-Kap Ezekuttiv li kien appuntat ma’ Infrastructure Malta b’effett mill-25 ta’ Lulju 2022.