Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema postijiet madwar Malta u Għawdex isiru t-testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar? B’liema frekwenza jsiru dawn it-testijiet u kif jintgħażlu s-siti? Jista’ jgħid ukoll jekk is-siti jinbidlux minn sena għal oħra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm li jkopri l-perjodu bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru jittieħdu kampjuni u jsiru testijiet tal-ilma baħar kull ġimgħa. Dan il-monitoraġġ ikopri 87 sit madwar Malta u Għawdex, hekk kif qed jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-siti ġew stabbiliti b’obbligu mad-Direttiva 2006/7/EC dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm. Dawn ir-rekwiżiti jgħidu li l-monitoraġġ għandu jsir f'siti fejn hu mistenni l-akbar numru ta’ għawwiema u huwa mistenni l-akbar riskju ta' tniġġis. Is-siti ta' monitoraġġ ma nbidlux mill-2004 ’l hawn.

Servizz ta’ CYPS

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28567 u jikkonferma li kien hemm sessjonijiet u appuntamenti ma’ professjonisti fi ħdan is-servizz CYPS li kellhom jiġu kkanċellati minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, saħansitra ċerti każijiet fejn tfal ilhom aktar minn sena mingħajr ma jaraw psikjatra? Jista’ jispjega għaliex hemm dan in-nuqqas ta’ professjonisti, u x’miżuri qed jittieħdu biex dan jiġi indirizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttiva 2012/29/UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Settur Pubbliku — Infermiera li rreżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm infermiera li rreżenjaw mis-Settur Pubbliku minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena ġew inganġġati 38 il-infermier u irriżenjaw 19. Hu mistenni li matul din is-sena jidħlu iktar infermiera wara li jtemmu l-istudji tagħhom.

Settur Pubbliku — Health Professionals li rreżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Allied Health Professionals li rreżenjaw mis-Settur Pubbliku minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena ġew inganġġati 42 Allied Health Professional u irriżenjaw 8. Hu mistenni li matul din is-sena jidħlu iktar Allied Health Professionals wara li jtemmu l-istudji tagħhom.

Applikazzjoni għat-Telecare

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hemmx problemi bl-applikazzjoni għat-Telecare tal-persuna anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li ilha li saret minn Jannar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna konċernata kienet applikazzjoni għat-Telecare on the Move. Is-servizz tat-Telecare on the Move huwa differenti mit-Telecare u jingħata lill-persuni li jgħixu bid-dimensja. Fil-fatt din il-persuna sarilha assessment u rriżulta li mhix eliġibbli għat-Telecare on the Move.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Nefqa fuq fjuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23487 fejn ġejt infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mill-Line Item 22 Materials and Supplies fl-Estimi Finanzjarji tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Servizz ta’ Nutritionist fil-polyclinics

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta’ Nutritionist fil-polyclinics ta’ Għawdex bediex u jekk le, meta ser jibda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jiġi offrut is-servizz ta’ Dietician. Barra minn hekk, mit-13 ta’ Frar 2025, beda servizz ta’ Dietician fil-Klinika tal-Komunità tal-Qala, kull nhar ta’ Ħamis.

Oqbra tal-Gvern — Ċittadini Maltin u barranin midfuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċittadin Malti u kemm-il ċittadin barrani li mietu matul l-2023 u l-2024, indifnu fl-oqbra tal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2023 kien hemm 661 persuna li ndifnu fl-oqbra komuni tal-Gvern. Minn dawn 563 twieldu Malta, filwaqt li 98 twieldu barra minn Malta. Infurmat ukoll li matul l-2024, kien hemm 558 persuna mwielda Malta u 109 mwielda barra minn Malta li ndifnu fl-oqbra komuni.

Persuni bil-kundizzjoni ta’ cystic fibrosis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ cystic fibrosis u x’miżuri jew inizjattivi qed jittieħdu mill-Gvern biex jassisti lil dawn il-persuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26473.