Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jirrigwarda l-lampi li suppost għandhom jitwaħħlu wara l-Knisja ta' San Pawl tal-Ħġejjeġ, (ta' ħdejn il-Gillieru), fuq il-bollards li hemm matul it-triq ta' fuq, liema bollards jaslu sa ħdejn il-breakwater ta' Buġibba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif kont spjegajt fit-tweġiba moghtija għall-Mistoqsija Parlamentari 23546, kienet saret l-investigazzjoni mwiegħda u peress li l-ispiża prevista ma tistax tkun koperta mill-estimi għal din is-sena finanzjarja, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol se jkun konsidrat għal proġetti futuri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu annimali ġewwa l-biċċerija b'emergenza biex jinqatlu matul is-snin 2005 sa 2010 separatament? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' bhejjem daħlu u għamlu użu minn dan is-servizz? Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta' emergenza fil-biċċerija huwiex se jibqa' jingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-emergenza bħalissa għaddej minn fażi ta’ transizzjoni fejn is-servizz li kien qiegħed jingħata ġewwa l-biċċerija inbidel f’servizz li jingħata direttament fl-irziezet, u dan skont kif jitolbu r-regolamenti tal-“Animal Welfare”.
Dan qed isir ukoll fuq kollox biex ir-raħħal jingħata sevizz aħjar u b’anqas skomdu u skariġġ għalih. Barra hekk inaqqas b’mod qawwi t-tbatija lill-annimali
studju ta' trends ta' importazzjoni fuq affarijiet agrikoli
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed isir studju ta' trends ta' importazzjoni fuq affarijiet agrikoli? Jista' jgħid kemm allura daħlu prodotti agrikoli matul is-sena 2005, 2006, 2007,2008,2009, 2010 u jekk kienx hemm importazzjoni li żdiedet? F'liema settur u kemm żdiedet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazjoni fuq x’jiġi mpurtat f’Malta tista’ tinkiseb mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-MInstru konċernat.
produzzjoni u l-konsum tal-laħam tal-prodotti lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm inqatlu u kemm kienet il-produzzjoni u l-konsum tal-laħam tal-prodotti lokali? Jista' jgħid x'tip ta' produzzjoni ta' laħam kien dan u kemm kienet il-produzzjoni ta' dan il-laħam matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008. 2009,2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-qtil ta’ bovini, majjal, nagħaġ, mogħoż u żwiemel isir kollu fil-Biċċerija tal-Gvern, dak tat-tiġieġ isir f’biċċeriji privati. Fil-każ tal-fniek, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma teżistix statistika kif mitluba.
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni miġbura.
siġar tal-palm attakkati mill-bumunqar — informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' fiex waslet il-problema li kienet qed tiġi iffaċċjata mis-siġar tal-palm li jiġu attakkati mill-Bumunqar? Hija kkontrollata s-sitwazzjoni issa u kemm intilfu jew inħarqu u nqatlu siġar tal-palm minħabba dan il-każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26053
pjanijiet biex l-industrija tal-biedja f'Malta tibqa' tagħti servizz
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu xi pjanijiet biex l-industrija tal-biedja f'Malta tibqa' tagħti servizz lill-poplu tagħna u tipproduċi prodotti għas-suq lokali mingħajr ma jkollha żżarma minħabba l-importazzjoni kbira ta' prodotti agrikoli, fid-dawl tal-effetti li din l-importazzjoni qed tħalli fuq dan l-istess settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern preżenti f’dawn l-aħħar snin dejjem ta importanza lil dan is-settur ibda mill-fondi li nnegozja b’suċċess waqt it-taħdidiet li waslu għad-dħul fl-Unjoni Ewropea u għall-pjan tat-twettieq tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali fis-sena 2004 sa l-2006 segwit mit-tieni pjan imniedi fl-2007 li jwassal sas-sena 2013. B’dawn il-fondi stajna nsaħħu dan is-settur billi ngħatat l-opportunità li l-operaturi jimmodernizza ruħhom kif ukoll jingħatalhom sostenn kontinwu.
Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant, bħala l-kelliem ewlieni min-naħa tal-Oppożizzjoni rigward dan is-settur, huwa familjari sew mal-Programm għall-Iżvilupp Rurali, x’inhuwa l-oġġettiv ta’ dan il-pjan u kif dan il-Ministeru miexi skond dan il-pjan biex jintleħaq l-iskop li dwaru qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant.
Dan il-Ministeru jemmen li l-prodott tal-biedja lokali ghandu sehmu fis-suq speċjalment dak lokali, u għalhekk , permezz tad-Direttorat ta’ l-Agrikoltura, qiegħda ssir enfasi fejn jidħol support fuq prodotti Maltin bħalma huwa l-inbid, għasel, żejt taż-żebbuġa, ħalib, ġbejniet, u prodotti tal-laħam. Il-kampanja Naturalment Malti hija waħda mill miżuri ta’ promozzjoni mmirata biex tiżgura li prodotti Maltin jingħataw importanza xierqa u biex il-konsumatur jkun mgħarraf dwar il-prodott lokali. Ma nistax ma nsemmix ukoll is-Suq tal-Bdiewa li kien milqugħ b’suċċess mill-pubbliku Malti
Ovvjament jibqa il-fatt li aħna nemmnu f’suq fejn id-dritt tal-għażla jibqa’ f’idejn il-konsumatur u għalhekk l-Istat m’għandux jintroduċi miżuri li jfixklu l-għażla ħielsa tal-konsumatur
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26931, jista' l-Ministru jagħti lista ta' annimali eżotiċi u mhux li kienu impurtati f'pajjiżna fl-aħħar erba' snin, sena b'sena u jispeċifika x'tip ta' annimal/rettilu hu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninformal lill-Onor Interpellant li skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, dak kollu li joriġina mill-Istati Membri ma jitqiesx bħala importazzjoni għax dan huwa suq intern.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar erba’ snin ma kien hawn ebda importazzjoni ta’ annimali eżotiċi minn pajjiżi terzi. L-uniku importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi kienu klieb u qtates.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26897 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26747 li diġà saret lill-Minsitru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol ta' restawr tas-swar taċ-Ċittadella huwa wieqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ix-xogħol kien wieqaf għal xi ġimgħat, pero issa reġa’ inbeda. Il-waqfien m'għandux ikollu impatt fuq iż-żmien ta' tlestija tal-progett
Fir-rigward tax-xogħol fuq il-Waterpolo Pitch ta' Birżebbuġa, jista' l-Ministru jgħid:
a) fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol u jekk hemmx il-pjanti u l-istima tax-xogħol kollha lesti;
b) kemm se jiswa dan ix-xogħol u jekk l-impjant tal-pool huwiex inkluż f'din l-ispiża;
ċ) kemm hu maħsub li se jdum biex jitlesta dan ix-xogħol;
d) jekk il-gvern hux qed jikkordina jew jikkonsulta mal-kumitat tal-istess club jew mal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa jew ma' xi entità oħra; u
e) jekk l-area fejn qed isir ix-xogħol hux se tingħalaq minħabba raġunijiet ta' safety peress li s-sit u l-inġenji huma aċċessibbli anke għal tfal li jkunu jgħumu fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27017, ninfurmah li l-pjanti proposti u l-applikazzjoni tal-permess mill-MEPA saru mill-istess Kumitat tal-klabb tal-Waterpolo. Għaldaqstant, kif jista’ jifhem l-Onorevoli Interpellant, sar ferm iktar minn sempliċi konsultazzjoni mal-parti konċernata.
Id-Dipartiment, bħal kull każ ieħor jieħu kull miżura ta’ saħħa u sigurtà se titieħed kemm fir-rigward tal-ħaddiema kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.
San Pawl il-Baħar — Kennedy Grove - spazju pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol se jsir fiż-żmien li ġej għal dak li jikkonċerna l-estensjoni tal-ispazju pubbliku li nbeda (parti minnu diġà tlesta) ħdejn Kennedy Grove limiti ta' San Pawl il-Baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li fiz-zona ndikata fil-Mistoqsija Parlamentari bħalissa għaddejjin bi pjanijiet għal estensjoni tal Park tas-Salina. Dawn il-pjanijiet jaħsbu biex ikun hemm iktar zoni miftuħa għall-pubbliku, b’ apparat tal-logħob għat-tfal u żoni dedikati għar-rikreazzjoni. Il-pjanti qed ikunu finalizzati u ser jiġu sottomessi għall-approvazzjoni tal-MEPA.
Energy Performance of Building Directive — implimentazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment huwa responsabbli li jara li jkun hemm implimentazzjoni tal-Energy Performance of Building Directive? Jista' jgħid jekk hemmx xi obbligi li l-gvern irid jagħti rendikont tal-konformità ma' din id-Direttiva? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li jagħtu rendikont tal-konformità ma' din id-direttiva għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Energy Performance of Building Directive hija l-Awtorità ta’ Malta Dwar ir-Rizorsi. Din għanda Memorandum of Understanding mal-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini biex dan l-Uffiċċju jara li jkun hemm implimentazzjoni tad-Direttiva. Sa ma meta nħarget ir-Recast tad-Direttiva 2002.91/EC fis-19 ta’ Mejju 2010 ma kien hemm l-ebda obligu li l-Gvern jirraporta lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiziti ta’ din id-Direttiva. Fir-Recast (2010/31/EC) hemm numru ta’ obligi ta’ rapportar li jaqgħu taħt artikoli differenti li huma Artikli 5, 14 u 15.
Rigward Artiklu 5, iż-żmien biex jintbgħat ir-rapport jagħlaq fit-30 ta’ Ġunju 2012 u għalhekk għad ma sarx dan ir-rapport. Fir-rigward ta’ Artikoli 14 u 15. Malta addottat transpozizzjoni għall-artikoli 14 u 15 abbażi tar-rekwiżiti ta’ paragrafi 1,2 u 3 ta’ dawn iż-żewgt Artikoli. Għaldaqstant Malta mhijiex obbligata li tirraporta lill-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid min hi l-entità responsabbli mill-Carbon Trading għan-nom ta' Malta? Jista' jagħti rendikont tal-ħidma ta' din l-entità għal dawn l-aħħar tliet snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn nofs is-sena 2010, l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi assumiet ir-rwol ta’ awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi skema kummerċjali dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Direttiva 2003/87/EC; EU Emissions Trading Scheme Directive). Dan wara li l-MRA ħadet dawn ir-responsabbiltajiet li qabel kienu f’idejn l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, li jinkludu:
· l-amministrazzjoni kontinwa tal-iskema lokalment li fost l-oħrajn jinkludu:
- il-ħruġ u reviżjoni kif meħtieġ ta’ permessi relevanti,
- l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ kif rikjest mid-direttiva,
- l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni,
- l-amministrazzjoni tas-sistema ta’ reġistru kif provdut mid-direttiva;
· l-implimentazzjoni tal-estensjoni tal-iskema għall-operaturi tal-ajruplani, kif provdut taħt id-Direttiva 2008/101/EC li temenda d-Direttiva 2003/87/EC;
· parteċipazzjoni attiva fil-
fora
relevanti fuq livell ta’ Unjoni Ewropea li jittrattaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’mod partikolari il-Kumitat tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Bdil fil-Klima;
· kontribut tekniku għall-pożizzjoni ta’ Malta meta l-kummerċ ta’ emissjonijiet [emissions trading] ikun diskuss fil-
fora
tal-UE u
fora
oħra internazzjonali (per eżempju, ir-reviżjoni tad-direttiva bħala parti mill-Pakkett dwar il-Bdil fil-Klima u l-Enerġija li kien adottat fl-2008).
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Offshore Wind Farms?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejin studji ambejntali u tekniċi relatati mal-applikazzjoni mal-MEPA biex jkun jista’ isir dan it-tip ta’ żvilupp. Tajjeb li ngħid li nġabret iktar minn sena ta’ data dwar is-saħħa u direzzjoni tar-riħ li bħalissa qed tiġi analizzata.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħa d-dipartiment tiegħu biex jara li ħaxix infettat (bħal ħjar) li kkawża mwiet fil-pajjiżi tal-Ewropa fil-ġranet li għaddew ikun ċert li ma jidħlux f'Malta u fil-każ li jidħlu dawn ikunu distrutti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26534.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux kuntatti ma' min huwa responsabbli fl-Unjoni Ewopea jew jekk dawn in-nies għamlux kuntatt ma' min huwa responsabbli f'Malta u x'kordinament isir ħalli sitwazzjoni bħal fil-każ tal-ħjar u ħxejjex oħra li jistgħu jikkawżaw problemi ta' saħħa lill-poplu jiġu kontrollati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26528.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitkomplew ix-xogħlijiet marbutin mas-Salini fil-limiti ta' San Pawl il-Baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ħafna mis-sejħiet għall-offerti marbuta ma’ dan il-progett diġa ġew ppublikati u jinsabu fil-istadju ta’ evalwazzjoni.
Jekk kollox imur kif inhu pjanat, hu mistenni li x-xogħol fuq dan il-proġett jinbeda aktar tard din is-sena u hu mistenni li jitlesta lejn l-aħħar tal-2013.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex obbligata mal-Unjoni Ewropea li sa tmiem is-sena 2013 ikollha f’postu waste prevention and minimisation programme? Jista' jgħid fiex waslu dawn il-pjanijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont id-Direttiva 2008/98 Malta hija obbligata li jkollha f’postu waste prevention and minimisation programme. Billi l-obbligu huwa relatat ma tfassil ta’ policies, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex f’dan ir-rigward jirreferi it-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat responsabbli mill-MEPA.
Apparti minn dan kollu, l-gvern diġà ħa l-mizuri meħtieġa biex jitnaqqas ir-rimi tal-iskart u jiżdied ir-
re-use
, l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart. Biex tiskoraġġixxi r-rimi u tippromovi r-riċiklaġġ, permezz tal-avviżlegali 382/2009 il-ħlas għar-rimi tal-iskart fil-mżbla għola minn €0.71 ghal €20.00 kull tunellata, filwaqt li għal skart mifrud ir-rata tnaqqset minn €0.71 ghal €0.50 kull tunellata. L-WasteServ qiegħda bħalissa tfassal inizjattivi mmirati biex jitnaqqas l-iskart u wara tinħareġ tender li tkun imfassla fuq il-bazi ta’ dawn l-inizjattivi. Il-kampanja hija maħsuba li tiġi mplimentata matul l-2012 u l-2013. Il-Gvern ħaseb ukoll, permezz tal-WasteServ, biex jagħmel talba għal-fondi mill-Ewropa biex tissaħħaħ il-kampanja għat-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart. Ta’ min jinnota illi bl-inizjattiva li ttieħdet immirata biex tipromovi t-tnaqqiss tal-iskart matul Novembru 2010 Malta rebħet premju Ewropew għal inizjattiva biex jitnaqqas l-iskart.
pjan nazzjonali tal-enerġija alternattiva — feedback mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kellux xi feedback mill-Unjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni li għamlu fuq l-informazzjoni u l-kredibbiltà tal-pjan nazzjonali tal-enerġija alternattiva ta’ pajjiżna li ġie sottomess lill-Unjoni Ewropea f’Lulju 2010? Jekk iva, x’kien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-proċess ta’ evalutazzjoni, fid-9 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali tal-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea talab lil Malta tagħmel xi kjarifiki fuq il-pjan sottomess. Malta ssottomettiet il-kjarifiċi meħtieġa dwar id-dettalji tal-pjan fl-24 ta’ Mejju. Dawn il-kjarifiċi ma jinħtieġu ebda tibdil fil-miri tal-pjan.
waste electrical and electronic equipment — collection volumes
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif jipparaguna pajjiżna ma' stati membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea, speċjalment dawk li ssieħbu magħna f’dak li għandu x’jaqsam ma' collection volumes ta' WEEE – waste electrical and electronic equipment? X’inhi l-figura tagħna ras għal ras?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali 63 tal-2007, ninformah li l-ġbir ta’ informazzjoni dwar kemm u kif maqsum f’tipi ta’ skart li nġabar f’pajjizna, jaqa’ taħt it-termini ta' responsabbiltà tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.