Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija — Triq l-Oleandri - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq l-Oleandri, f'Santa Luċija, hijiex ser tiġi rranġata fil-parti ċentrali tagħha, billi tinsab fi stat xejn tajjeb?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq it-Tamar - Dawl adegwat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14597 dwar dawl adegwat fi Triq it-Tamar, f'San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-partijiet mudlama ta' din it-triq ikun fihom dawl adekwat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-istess Kunsill ser ikun qieghed jindirizza din is-sitwazzjoni.

Kunsilli Lokali – Rendikont finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif kienet il-qagħda finanzjarja tal-Kunsilli Lokali hawn taħt imsemmija sa Diċembru 2023, u jagħti rendikont finanzjarju li jagħti stampa ċara ta' dan, li jinkludi surplus jew defiċit: a. l-Imġarr; b. Ħad-Dingli; ċ. Ħaż-Żebbuġ; d. ir-Rabat; u e. l-Imtarfa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Financial Statements tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa skond kif mibghuta mid-Divizjoni ghall-Gvern Lokali. Intant infurmat illi fir-rigward tal-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, Dingli u r-Rabat, l-informazzjoni mitluba ma ġietx provduta mill-istess Kunsilli sad-data ta’ tweġiba ta' din l-Interpellanza.

Kunsilli Lokali – Attendenza ta’ sindki u kunsilliera

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' attendenza tas-Sindki u tal-Kunsilliera, laqgħa laqgħa minn Lulju 2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: a. Kunsill Lokali Ħad-Dingli; b. Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ; ċ. Kunsill Lokali Imġarr; d. Kunsill Lokali Imtarfa; u e. Kunsill Lokali Rabat, Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigwardanti l-Kunsilli Lokali tal-Imtarfa, l-Imġarr u r-Rabat skond kif mibgħuta mid-Divizjoni għall-Gvern Lokali. Intant infurmat illi fir-rigward tal-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli u Ħaż-Żebbuġ, l-informazzjoni mitluba ma ġietx provduta mill-istess Kunsilli Lokali sad-data tat-tweġiba ta’ din l-Interpellanza.

Ix-Xagħra, Għawdex — Sit vakanti - Archaeological drawing

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15567, fejn ingħatat risposta parzjali, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’lista deskrittiva ta’ features li nstabu fuq dan is-sit (cross-referenced mal-archaeological drawing tal-permess PA/00564/18 li huwa permess tal-iżvilupp fuq l-istess sit fejn hemm applikazzjoni tal-iżvilupp b'numru PA/03174/23), il-valur kulturali mogħti għal kull feature u d-deċiżjoni li ttieħdet għal kull feature hekk kif indikat fit-tabella li qed tintbagħat separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu d-Deputati tal-Oppożizzjoni, li minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji/banek fejn il-Gvern kellu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu jservu, il-kariga li kienu jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn Marzu 2008 sa Jannar 2013 jew sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt. Isem u Kunjom Grad Dipartiment/Korporazzjoni Entita Coleiro Preca Marie Louise Principal Arkivju Nazzjonali

Għawdex — Teatri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ż-żewg teatri ġewwa Għawdex jingħataw aktar baġit mis-sena l-oħra għall-organizzazzjoni tal-opri ġewwa Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess biex l-iskema li jibbenefikaw minnha ż-żewġ teatri ġewwa Għawdex tiġi ristrutturata.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista bid-dettalji tad-direct orders li ħarġu l-entitajiet jew l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu fil-perjodu bejn April sa Diċembru 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Siti ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO — Siti li kienu fuq it-'Tentative List'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mis-seba’ siti li kienu fuq it-'Tentative List' tal-UNESCO fl-1998 ġew innominati biex jingħataw rikonoxximent bħala Siti ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO mill-2018, meta l-Ministru nieda l-proġett? Jista' jgħid ukoll liema huma dawn is-siti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi ghat-twegiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 15668.

Patrimonju kulturali — Proġett tal-inventarju nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tal-inventarju nazzjonali ta' patrimonju kulturali tanġibbli u intanġibbli u jgħid kemm tpoġġew siti, oġġetti, eċċ. fuq dan l-inventarju mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jipprovdi lista komprensiva maqsuma bejn patrimonju kulturali tanġibbli u dawk intanġibbli, kif ukoll skont it-tipoloġiji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-proġett tal-Inventarju Nazzjonali għadu għaddej u dan anke in vista tal-fatt li Malta hija mogħnija b’patrimonju rikk u estensiv. Mis-sena 2018 ’l quddiem sar investiment ġdid fl-Inventarju Nazzjonlali, sew fejn tidħol teknoloġija, kif ukoll riżorsi umani. Fis-sena 2021, is-Sovrintendenza iffirmat ‘Enterprise Agreement’ mal-kumpannija ESRI sabiex l-inventarju jkun ibbażat fuq Sistema ta’ GIS. Dan il-ftehim issa ġie inkorporat mal-ftehim il-ġdid li l-Gvern Ċentrali ffirma mal-kumpannija ESRI. Is-siti tal-Inventarju li kienu nġabru sal-2014 kellhom jiġu vverrifikati kollha kemm huma minħabba li nstab li kien hemm ammont konsiderevoli ta’ żbalji, partikolarment fil-koordinati ġeografiċi, iżda anke f’dettalji oħra. Mis-sena 2018 ’l quddiem ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li l-Inventarju jingħata xeħta aktar wiesgħa u s-sejbiet arkeoloġiċi kollha ma jibqgħux jiġu mistura, iżda bdew jiġu ppublikati fuq l-istess pjattaforma tal-Inventarju. Fis-sena 2022 reġa' ġie ippubblikat l-Inventarju mill-ġdid wara li saru l-korrezzjonijiet neċessarji għal total ta’ 2,490 sit (ara d-dokument Lista A hekk kif imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra) u għall-ewwel darba ġew ippubblikati s-sejbiet arkeoloġiċi għal total ta’ 2,300 sit, u li issa jammonta għal total ta’ 3,176 sit (ara d-dokument Lista B hekk kif mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra). F’Diċembru 2023 żdiedu 48 sit ġdid (ara d-dokument Lista C hekk kif imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra) u dan filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati 9 siti oħra.

Patrimonju kulturali — Tfassil tad-dokument ta' politika dwar protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal it-tfassil tad-dokument ta' politika ta' kif għandhom jiġu protetti siti u oġġetti ta' patrimonju kulturali tanġibbli u intanġibbli li tpoġġew fuq l-inventarju nazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jispeċifika fis-sezzjoni ‘Preliminarja’ it-tifsira ta’ Patrimonju, liema tifsira tinkludi patrimonju tanġibbli u intanġibbli. Infurmat ukoll li abbażi ta’ din it-tifsira, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tevalwa proprjeta/siti/ogġġetti jekk humiex ta’ valur kulturali jew le. Filwaqt li infurmat li l-ġbir tal-Inventarju Nazzjonali huwa wieħed mill-obbligi tas-Sovrintendenza hekk kif stabilit f’Artikolu 7(5) tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, il-metodu ta’ kif jinġabar l-inventarju huwa wkoll stabilit fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, preciżament f’artikolu 53.

Applikazzjoni għal Żvilupp– Skoperti arkeoloġiċi

Question

Fid-dawl li l-Awtorità tal-Ippjanar din il-ġimgħa, ssospendiet lill-PA/03174/23 biex titlob informazzjoni mingħand is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar skoperti arkeoloġiċi fuq il-post, madankollu, l-istess Awtorità tal-Ippjanar tat tiġdid ta' applikazzjoni preċedenti (PA/03678/23) fuq l-istess footprint ġimagħtejn ilu, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza waqqfitx ix-xogħlijiet b'rabta ma' dak il-permess, jew jekk is-Sovrintendenza hux ser tippermetti lill-iżviluppatur ikompli x-xogħlijiet fuq il-bażi tal-permess PA/03678/23 bis-sogru li jinqerdu aktar fdalijiet – u għar taħt l-art – anke waqt li jidħol f'konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni mhux deċiża fuq l-istess footprint?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali illi l-istess Sovrintendenza waqqfet ix-xogħolijiet kollha li jistu jitwettqu taħt il-permess PA/03678/23 kif ukoll PA564/18 sakemm tingħata l-informazzjoni kollha lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Ġbir ta’ skart matul l-2023

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża ta' kull reġjun fuq il-ġbir tal-iskart matul is-sena 2023? Kemm ġabar flus għall-ġbir tal-iskart kull reġjun mingħand il-Kunsill Lokali li jaqa' taħtu? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm differenza bejn dak li r-reġjun ġabar u dak li għandu jħallas għall-ġbir tal-iskart għal matul is-sena 2023? Jekk iva, minn fejn ser titħallas din id-differenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Għawdex — Tiswija ta' toroq residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini u t-tiswija ta' toroq residenzjali ġewwa Għawdex hijiex responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali Għawdxin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li filwaqt li l-bini tat-toroq residenzjali mhuwiex fir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali Għawdxin, it-tiswijiet tagħhom hekk kif stipulat fil-Liġi dwar il-Gvern Lokali huma responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.

Ġbir ta’ vetturi mit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru vetturi mit-toroq madwar Malta u Għawdex matul is-sena 2023, maqsuma lokalità, lokalità? Jista' jgħid ukoll kemm baqa' vetturi abbandunati, mkissra eċċ. fit-toroq li għalkemm ġew irrappurtati, għadhom ma nġabrux, maqsuma lokalità, lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja — Kap. 291 - Petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja Kap. 291 matul is-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, jinqabeż l-advisory cost.

Creative Malta Scheme — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser taħdem il-Creative Malta Scheme u min jista’ japplika għal dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-iskema qed tiġi maniġġjata għall-ewwel darba mill-Kunsill Malti għall-Arti li bħalissa qed iwettaq ir-riċerka meħtieġa. Infurmat ukoll li hekk kif tali riċerka tiġi konkluża, ser ikunu qeghdin jinħarġu l-linji gwida tas-sena 2024 fejn tidħol din l-iskema.

Xagħra, Għawdex — Rationalisation Scheme – Rapport arkeoloġiku

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport arkeoloġiku sħiħ (inkluż pjanti assoċjati) imfassal mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali b'konnessjoni mar-'Rationalisation Scheme' taż-żona kollha magħrufa bħala Ta’ Lablab, fix-Xagħra, Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.