Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parental Alienation — Studju, Azzjoni u/jew Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, azzjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet li ħareġ bihom il-Kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parent alienation fl-aħjar interess tat-tfal, li ġie mwaqqaf fl-2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal vara l-istudju rigward il-parental alienation waqt konferenza li saret fid-19 ta’ Ottobru 2023. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju u rakkomandazzjonijiet.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tiegħu tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Parental Alienation — Kumitat ta’ Esperti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation, li ġie mwaqqaf minnu u mill-Ministru tal-Ġustizzja fl-2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation, li ġie mwaqqaf mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet ta’ Tfal u mill-Ministru għall-Ġustizzja, fl-2021 lesta t-terminu tiegħu u minfloku nħatar kumitat ieħor fejn hemm rappreżentanti miż-żewġ Ministeri.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi m’għandux direttivi tal-Unjoni Ewropea li jridu jiġu trasposti fil-preżent, u m’għandux direttivi li huma pendenti.

Cyber bullying — Abbozz ta’ liġi

Question

Fid-dawl tar-riċerka li turi li n-numru ta' persuni li jesperjenzaw bullying online huwa kbir u li dan il-fenomenu saħansitra qed iwassal għal suwiċidji f'ċertu każijiet, u fid-dawl li fil-leġiżlatura preċedenti kien tressaq abbozz ta' liġi li jagħmel is-cyber bullying reat speċifiku fil-Kodiċi Kriminali li jinkludi sanzjonijiet b'saħħithom, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitressaq dan l-abbozz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Konferenza Nazzjonali dwar is-Social Work – Social workers li attendew

Question

Fid-dawl li nhar il-Ħamis, 9 ta’ Novembru 2023, id-Dipartiment tal-Politika u l-Ħidma Soċjali fl-Università ta’ Malta organizza Konferenza Nazzjonali dwar is-Social Work, f’għeluq l-għoxrin sena mit-twaqqif tad-Dipartiment u peress li numru ta’ social workers impjegati mal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali kellhom jieħdu ġurnata leave biex attendew għal din il-konferenza għax il-Fondazzjoni ma kkunsidratx din il-konferenza bħala importanti biżżejjed biex tkun kunsidrata bħala ġurnata ta’ xogħol, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Fondazzjoni li ngħataw permess biex jattendu din il-konferenza bħala ġurnata ta’ xogħol u kemm kien hemm li kellhom jieħdu ġurnata leave biex jattendu għal din il-konferenza? Jekk il-Ministru jirriżultalu li l-Fondazzjoni għamlet distinzjoni bejn min seta’ jattendi l-konferenza bħala ġurnata ta’ xogħol u min kellu jieħu ġurnata leave, jista’ jgħid xi kriterji ntużaw biex saret din id-distinzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data msemmija ma saret l-ebda Konferenza Nazzjonali kif qed jingħad mill-Onor. Interpellant imma Konferenza bit-titlu ta’: Sharing the Social Work Journey: From education to practice, together. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot minn web page, fejn juri li mkien ma kien qiegħed jindika li din kienet Konferenza Nazzjonali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda talba minn l-ebda impjegat/a sabiex jingħatalhom permess sabiex jattendu din il-konferenza b’mod li din ma titnaqqasx mill-vacation leave tiegħu/tagħha. Lanqas ma kien hemm xi talba uffiċjali minn xi entità biex min ried jattendi jingħata permess li jattendi b’dan il-mod. Kull min attenda għamel hekk fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha. Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena infurmat li li kieku kien hemm talba f’dan is-sens, il-management kien jikkunsidraha favorevolment. Attwalment, l-FSWS taf biss b’erba' (4) ħaddiema soċjali li infurmaw lill-management li kienu se jattendu għal din il-konferenza. Waħda infurmat lid-Direttur tagħha li ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’wieħed mill-panels, u għal dan żgur ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni. It-tlieta l-oħra talbu li r-registration fee għall-parteċipazzjoni tagħhom titħallas mill-Continuous Professional Development Allowance (CPD) tagħhom kif huma intitolati bil-Ftehim Kollettiv. Tajjeb li jingħad li dan is-CPD Allowance ġie introdott fil-Ftehim Kollettiv propju għal avvenimenti bħal dawn u dan għax nemmnu bis-sħiħ fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema soċjali u l-professjonisti l-oħra fi ħdan l-FSWS sabiex ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Applikazzjoni għal Carer Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mara tal-missier tistax tapplika għall-Carer Allowance biex tieħu ħsieb lil ulied żewġha adulti, li għandhom diżabiltà severa, peress li mhux l-omm naturali tagħhom minkejja li jgħixu lkoll fl-istess dar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk ikun hemm żwieġ jew unjoni ċivili bejn il-koppja u sintendi jkunu jgħixu flimkien, mhix f’impjieg u l-wild b’diżabilità qiegħed jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, hija tingħata l-Carer’s Grant daqslikieku kien binha jew bintha. Mill-banda l-oħra jekk il-missier naturali ma jkunx f’impieg dan il-Grant jingħata lilu u mhux lil mara.

Benefiċċji soċjali – Fondi rkuprati

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 13179 u 13180 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol rispettivament, jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi ġew irkuprati lura minn dawk li nstabu ħatja mill-Qorti b’rabta mal-abbuż fl-għoti tal-Benefiċċji ta’ Diżabilità Severa, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill ammont li ġew assesjati fuq każijiet li ntalbu rifużjoni tal-ħlasijiet li saru, sa issa ġew irkuprati €626,653.87

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12367 u 12368 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza rispettivament u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM/2022/105)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Assistenza għal Diżabiltà Severa — Diċembru 2020 - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabiltà Severa f’Diċembru tal-2020 u kemm kienet l-ispiża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ benefiċjarji għas-sena 2020* kien ta’ 3,400 bi spiża ta’ €19.6m. *Pagament dovut fil-bidu ta’ Jannar 2021 kien antiċipat fl-aħħar ta’ Diċembru 2020.

Assistenza għal Diżabiltà Severa — Diċembru 2021 - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabiltà Severa f’Diċembru tal-2021 u kemm kienet l-ispiża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ benefiċjarji għas-sena 2021 kien ta’ 3,702 bi spiża ta’ €19.4m. Hawn wieħed irid isemmi li mill-2021 ‘il quddiem tfal li jkunu qed jirċievu l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità malli jagħlqu is-16-il sena bdew jinqalbu awtomatikament fuq l-Assistenza għal Diżabilità Severa. Ta’ min isemmi li fl-istess żmien ġiet introdotta wkoll għall-ewwel darba l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, li jgawdu minnha dawk il-persuni b’diżabilità li ma’ jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol minħabba d-diżabilità severa tagħhom.

Assistenza għal Diżabiltà Severa — Diċembru 2022 - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabiltà Severa f’Diċembru tal-2022 u kemm kienet l-ispiża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ benefiċjarji għas-sena 2022 kien ta’ 3,930 bi spiża ta’ €21.9m. Wara l-emenda ta’ 2015 fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), riforma ta 2017 u dik il-miżura ta 2021, il-Gvern ma’ waqafx hemm u fl-2022 elimina għal kollox it-test tal-mezzi f’dawn l-assistenzi sabiex aktar persuni b’diżabilità jkunu eliġibbli. Mela huwa importanti li wieħed jevalwa wkoll iż-żieda fin-numri u fl-ispiża li kien hemm fl-aħħar snin f’dan il-kuntest kollu.

Assistenza għal Diżabiltà Severa — Spiża fl-2023

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabiltà Severa sa Awwissu tal-2023 u kemm kienet l-ispiża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ benefiċjarji għas-sena 2023* kien ta’ 3,980 bi spiża ta’ €14.6m. * Sa Awwissu 2023

Abbużi ta’ għajnuniet — Miżuri kontra l-abbużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri sistemiċi qed jittieħdu sabiex abbużi fl-għoti tal-Allowance tad-Diżabiltà Severa, ma jerġgħux iseħħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi ghall-istqarrija numru 231326 tad-Dipartiment tal-Informazzjoni li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Allowance tad-Diżabiltà Severa — Lokalitajiet tal-benefiċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-Allowance tad-Diżabiltà Severa skont il-lokalitajiet li ġejjin minnhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Nefqa għal reklamar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12847 u jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fi tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.