Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tħallas Transport Malta fix-xahar għas-servizz tal-call centre li ngħata lill-Aviation Group? Jista' jgħid ukoll jekk l-impjegati f'dan il-call centre ġewx magħżula minn fost l-impjegati ta' Transport Malta stess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u allura ta’ natura kunfidenzjali.
Għar-rigward tal-aġenti tal-Call Centre li qed jaqdu l-funzjonijiet tagħhom għan-nom ta' Transport Malta, ninsab infurmat li dawn ma ġewx magħżula minn fost l-impjegati ta’ Transport Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31949, jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-multa fil-każ tal-proġett ta' Xatt ir-Risq li mhux se jitlesta sa dan ix-xahar u kemm tkun il-multa jekk ix-xogħol fil-Baċir Nru 1 ma jitlestiex sa Awwissu 2012?
Response (GATT, AUSTIN)
Jekk ix-xogħol ma' jitlestiex skond kif miftiehem fil-kuntratt oriġinali jew skont ftehim ta’ estensjoni taż-żmien tat-tlestija tax-xogħol, il-korporazzjoni għandha d-dritt titlob ħlas għad-danni kif ġej:
Xatt ir-Risq - €2,000 kuljum marbuta ma’ 20% tal-valur tal-kuntratt
Baċir Nru 1 lot 1 - €1,000 kuljum marbuta ma’ 20% tal-valur tal-kuntratt
Baċir Nru 1 lot 2 - €1,000 kuljum marbuta ma’ 20% tal-valur tal-kuntratt
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31619 u jgħid x'servizz qed jiġi offrut mill-Arriva lir-residenti li joqogħdu ġewwa Wied il-Għajn fiż-żona magħrufa bħala s-Siberja? Hemm il-ħsieb li dan is-servizz jiġi mtejjeb speċjalment fejn għandha x'taqsam il-frekwenza tas-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 31079, ninsab infurmat li kemm ir-rotta X5 li tmur il-Belt Valletta u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta, kif ukoll ir-rotta 135 li tmur l-isptar Mater Dei u li għandha frekwenza ta’ kull 60 minuta jgħaddu qrib l-inħawi magħrufa bħala tas-Siberja, jiġifieri minn Triq Qaliet.
Infurmat ukoll li preżentament qed tiġi mistħarrġa l-possibbilta’ li s-servizz tat-trasport pubbliku offrut ikun imtejjeb għaż-żona msemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31394 u jgħid kemm-il arloġġ hemm fuq il-bus stops f'pajjiżna? Fl-aħħar spezzjoni, kemm minnhom instabu in working order?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 34 arloġġ fuq diversi bus stops madwar Malta u Għawdex. Minn dawn l-arloġġi, 29 qed jiffunzjonaw tajjeb filwaqt li l-5 l-oħra qed issir manutenzjoni fuqhom.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — allowances lill-Impjegati fuq xogħol f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu allowances l-impjegati tal-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom xi xogħol Għawdex mill-2011 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma tħallsux allowances ta' din ix-xorta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex il-ħaddiema tal-enforcement section fi ħdan Transport Malta tnaqqsulhom diversi allowances li kellhom u baqgħu ma ngħatawx dawn l-allowances fil-paga li kellhom matul din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma tnaqqsu l-ebda allowances li kienu ntitolati għalihom l-impjegati fid-Direttorat tal-Enforcement.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra tibdil speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu Żejtun fejn għandu x’jaqsam is-servizz tal-Arriva minħabba l-fatt li issa fiż-Żejtun m’għadx hemm venda u qed ikun hemm ħafna aktar nies jistennew fuq l-istages sabiex jirkbu, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu? Jikkunsidra li jkun hemm servizz aktar frekwenti f’dawn il-ħinijiet anke minħabba l-fatt li xi drabi l-karozza tkun mimlija u ma jkunx hemm spazju għal min irid jitla’ miż-Żejtun?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament hemm ħames rotot li jipprovdu servizz lir-residenti taż-Żejtun li huma:
· Rotot 81 u 84 li jipprovdu servizz lejn il-Belt Valletta u li bejniethom jipprovdu servizz ta’ 4 karozzi fis-siegħa
· Rotta 135 li tipprovdi servizz lejn Ħal Għaxaq, l-Ajruport, Marsascala u Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
· Rotta 206 li tipprovdi servizz lejn Marsaxlokk u Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 90 minuta
· Rotta X5 li tgħaqqad lill-lokalita' taż-Żejtun ma’ Marsaskala, Għaxaq, Gudja, l-Ajruport ta’ Malta, Luqa, Marsa P&R u l-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta tistabbilixxi l-ħin li passiġġier għandu jdum jistenna fuq kull rotta, iżda huwa kompitu ta’ l-operatur li jara li jipprovdi skedi li huma adegwati għar-rekwisiti tal-passiġġiera u li jkun hemm xarabanks biżżejjed fuq kull rotta sabiex jinżamm il-ħin ta’ stennija stipulat mill-Awtorità.
Madanakollu, minn moniteraġġ li għamlet Transport Malta ġie nnutat li f’ċertu ħinijiet, l-ammont ta' vjaġġi li saru fuq dawn ir-rotot ma’ laħqux mad-domanda ta’ passiġġieri. Għaldaqstant, Transport Malta nnotifikat lill-operatur tat-trasport b’ dan ir-riżultat bil-għan li l-operatur jieħu l-passi neċessarji, filwaqt li Transport Malta ser tkompli timmoniterja dawn ir-rotot.
Żona tal-Housing Estate ta' Ġebel San Martin — servizz tal-Arriva
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31844 u wara li jiena kkonfermajt mar-residenti taż-żona tal-Housing Estate ta’ Ġebel San Martin, ġie konfermat li l-ħtiġijiet ta’ din iż-żona huma ħafna aktar minn dak li hemm fil-preżent, jikkunsidra l-Ministru li jagħti s-servizz li dawn l-istess residenti kellhom qabel bdiet topera l-kumpannija Arriva li għal dawn ir-residenti s-servizz mar lura u mhux 'il quddiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja ta’ din it-talba iżda preżentament mhux qed isiru tibdil fir-rotot sabiex jingħata ċans li s-servizz jistabbilizza ruħu.
Infurmat ukoll li l-Awtorità qed tikkunsidra kull soluzzjoni sabiex jingħata servizz aħjar f’din iż-żona.
Jista' l-Ministru jara għaliex is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Manikata, rotta numru 47 ġie mwaqqaf? Jista' l-Ministru jieħu passi biex isiru alternattivi ta’ trasport pubbliku mill-Manikata peress li f’din is-sitwazzjoni kważi impossibbli biex it-tfal jaslu l-iskola fil-ħin? Jista’ jgħid meta din is-sitwazzjoni se tirranġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-passiġġieri tal-Manikata għandhom servizz permezz tar-Rotot 101 u 102 li bejniethom għandhom frekwenza ta’ kull 30 minuta. Permezz ta’ dawn ir-rotot, l-passiġġieri jistgħu faċilment jibdlu r-rotot billi:
· Jieqfu l-Imġarr u minn hemm għandhom l-possibilitajiet li jirkbu
- Rotta 23 lejn il-Belt Valletta via tas-Sliema li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta 44 lejn il-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta 244 lejn l-isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
· Jieqfu l-Mellieħa u minn hemm għandhom diversi possibilitajiet ta’ rotot fosthom:
- Rotta 41 lejn il-Belt Valletta via Mosta u B’ Kara bi frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta X1 lejn l-isptar Mater Dei u l-Ajruport ta’ Malta bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
- Rotta X6 lejn il-Belt Valletta via l-Ħamrun bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
- Rotta 221 lejn Buġibba bi frekwenza ta’ kull 20 minuta
- Rotta 222 lejn San Ġiljan u tas-Sliema bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.
San Pawl il-Baħar — traffiku ddevjat minn toroq differenti
Question
Jista’ l-Ministru jara jekk Transport Malta jistgħux jikkunsidraw li meta Mosta Road San Pawl il-Baħar tingħalaq għal xogħlijiet jew xi attività oħra, it-traffiku lejn il-Belt jiġi ddevjat minn Triq Parades u t-traffiku fid-direzzjoni l-oħra minn Triq San Ġorġ? B’dan l-arrangament, tista’ Triq San Ġwann Battista tibqa' kollha one-way?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jieħu passi sabiex Transport Malta tibni xelter fil-bus terminus tas-Savoy, Sliema peress li kelli ħafna ilmenti minn residenti tal-lokal u n-nuqqas ta’dan is-servizz huwa inkovenjent serju, partikolament għall-anzjani ta’dan il-lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta hija konxja ta’ dawn l-ilmenti u huwa ppjanat li dan il-bus shelter se jitwaħħal aktar tard din is-sena wara li jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa.
Arblu tat-traffic lights imwaħħal f'nofs apertura ta' proprjetà privata
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif Transport Malta iddeċidiet li twaħħal arblu tat-traffic lights fi Triq il-Ġdida f'Ħal Luqa f'nofs apertura fuq il-faċċata ta' proprjetà privata u li llum tintuża bħala Club ta' Luqa FC? Jista' jgħid x'passi se tieħu Transport Malta biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi fejn twaħħal l-arblu kien diskuss mal-kunsill lokali. Minn dak in-nhar 'l hawn, l-arblu nqala' u se jinstab post alternattiv ieħor għalih. Sal-lum għad ma' saret l-ebda komunikazzjoni min-naħa tal-kunsill lokali rigward il-post alternattiv.
Residenti li joqogħdu tal-Ħawli l-Birgu — servizz ta' trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenti li joqogħdu tal-Ħawli l-Birgu se jkollhom servizz tat-Trasport Pubbliku għall-Belt u għall-Isptar Mater Dei bħalma għandhom lokalitijiet oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li jeżisti servizz bejn il-Birgu u l-Isptar Mater Dei. Mhux fattibbli li jkun provdut servizz dirett lejn Mater Dei minn kull triq jew grupp ta' djar f'kull lokalità.
Kalkara — Santa Liberata - Servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenti ta' Santa Liberata fil-Kalkara se jkunu moqdijin bis-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament mhux qed isiru tibdil fir-rotot sabiex jingħata ċans lis-servizz jistabbilizza ruħu.
Infurmat ukoll li Transport Malta hija konxja ta’ din it-talba u qed taħdem biex issib soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru toroq minn Transport Malta f'kull lokalità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-ġbir ta' informazzjoni mitluba jirrikjedi ammont kbir ta' ħin u riżorsi. Madankollu nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari nru. 24717, 25243, 27923, 31256, 31656, 31658 u 31659, fejn hemm informazzjoni dwar xogħol fuq toroq.
Inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri — vetturi tat-trasport pubbliku
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32310, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li t-toroq li jinsabu fl-inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri huma wesgħin aktar min-normal u allura m'hemmx problema ta' aċċess għall-vetturi tat-trasport pubbliku? Jista' jara jekk hux possibbli li Transport Malta testendi s-servizz tat-trasport pubbliku f'dawn l-inħawi ukoll minħabba li residenti qed isibuha diffiċli li jimxu sal-pjazza tas-Siġġiewi peress li hemm distanza twila?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li Transport Malta għamlet stħarriġ fl-inħawi imsemmija sabiex tevalwa l-possibbiltà li r-rotta tiġi estiża fl-inħawi tal-Qasam ta’ Djar ta’ Binja Ħesri. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li hemm possibbiltà li r-rotta tgħaddi kemm jista' jkun viċin il-Qasam tad-Djar ta’ Binja Ħesri. Din is-soluzzjoni se tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx rotta li tmur direttament mill-Ħamrun għall-Isptar Mater Dei u x'inhi l-frekwenza fil-ħin tal-viżitaturi tal-istpar filgħaxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament hemm żewġ rotot li jipprovdu servizz bejn il-Ħamrun u l-Isptar Mater Dei li huma:
· Rotta 122 li tgħaddi mill-inħawi tal-Mile End u l-Knisja tal-Kunċizzjoni u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
· Rotta 123 li tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġużepp u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq is-Siġġiewi li tinsab bejn il-Qrendi u s-Siġġiewi, issa li spiċċat fi stat diżastrus u ta' perikolu għal min jużha, hiex se tingħata wiċċ tarmak?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Transport Malta — sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili
Question
Fid-dawl tas-sentenza tal-Prim' Awla Qorti Ċivili tat-8 ta' Marzu 2012 li sabet lil Transport Malta responsabbli tal-inċident stadali mertu tal-każ, jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li ma ġiet ppreżentata l-ebda nota tal-eċċezzjonijiet da parti ta' Transport Malta in difiża? Jista' jgħid x'passi se tieħu kontra l-uffiċċju legali inkarigat in vista ta' dan in-nuqqas? Jekk in-nuqqas mhux wieħed konsegwenza ta' nuqqas da parti tal-uffiċċju legali inkarigat, jista' jgħid min kienet il-persuna li ħadet n-notifika tal-att ġudizjarju u x'kienet r-raġuni li din waslet tard f 'idejn l-uffiċċju legali inkarigat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31560, jista' l-Ministru issa jgħid x'inhi l-proċedura biex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jagħmel permess għal parker?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proċedura ta’ kif wieħed għandu japplika għal liċenza ta’ car park attendant, hija dettaljata fis-sub regolament 2 tar-regolament 65 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur (L.S 65.11).
Minkejja dan, ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta m’hijiex tilqa’ applikazzjonijiet ġodda għal tali liċenzi, kemm minħabba li s-siti ta’ parkeġġ pubbliku huma kollha assenjati, kif ukoll għar-raġuni li Transport Malta u l-Ministeru jinsabu f’taħdidiet mar-rappreżentanti tal-
car park attendants
bil-għan li jiġi riformat dan is-settur.