Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Safar fuq xogħol tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza; b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali; c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha; d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #22569 Sitting 501 2021-10-25 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Baġit 2022 – Vot 5903 — Financial Services Gozo Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-Financial Services Gozo Foundation li qed jiġi propost li ħa jiġu vvutati €20,000 fl-2022 (Vot 5903)? Kif hija mmexxija din il-fondazzjoni u jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-att li tikkostitwixxiha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, se jkunu qegħdin jaraw kif l-għanijiet ippjanati għall-imsemmija Fondazzjoni jiġu mgħoddija lill-l-Awtorità għall-Izvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, flimkien ma xi fondi li qegħdin jiġu ivvutati ghalijha.
Leg 13 PQ #22570 Sitting 501 2021-10-25 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Baġit 2022 – Vot 5876 – żieda fin-nefqa tal-programmi tal-Jobsplus

Question

Fir-rigward ta' Vot 5876, jista' l-Ministru jispjega għala l-gvern qed jipproponi żieda ta' €600,000 fin-nefqa tal-programmi tal-Jobsplus li primarjament hija l-Community Workers Scheme li fiha diġà hemm aktar minn 1,200 ħaddiem meta l-figuri tal-qagħad huma tant baxxi li min iħaddem qed isibha diffiċli biex isib biżżejjed ħaddiema għall-attività ekonomika tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Filwaqt li l-Onor. Interpellant qed jirrikonoxxi li l-gzira Għawdxija qatt ma kellha l-ammont ta’ Għawdxin f’impjieg daqs illum, ngħarrfu li z-zieda ta' €600,000 fin-nefqa tal-programmi ta’ Jobsplus tinkludi zidiet fl-ispiza ta’ skemi/inizzjattivi mogħtija: · Mil-Lino Spiteri Foundation biex issib impjieg lil persuni b’dizabilità u tgħinhom izommu l-impjieg permezz ta’ job coaching ; · mil- Community Work Scheme Enterprise Foundation biex tgħin persuni vulnerabbli billi tagħmillhom profil, tħarrighom, tpoġġihom fuq xogħol komunitarju u tibqa’ iseggwihom; · taħt l-inċentivi fiskali biex kumpaniji li jħaddmu jiġu mgħejuna jimpjegaw persuni b’ dizabilità; · -minn Jobsplus biex torganizza u tiprovdi taħriġ relatat mas-suq tax-xogħol.
Leg 13 PQ #22571 Sitting 501 2021-10-25 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Baġit 2022 – Jobsplus – fondi strutturali ewropej

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fl-2022, Jobsplus beħsiebha tutilizza l-ammonti li ser iġġib mill-Fondi Strutturali Ewropej 2014-2020 taħt Vot 7836 (ii) (€6,751,000) u Vot 7936 (ii) (€3,688,000)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Jobsplus beħsiebha tutilizza l-ammonti li ser iġġib mill-Fondi Strutturali Ewropej 2014-2020, taħt Vot 7836 (ii) (€6,751,000), u Vot 7936 (ii) (€3,688,000), fuq proġetti u skemi imsemmijja hawn taħt: · Access to Employment Aid Scheme · Training for Employment Project · Investing in Skills Aid Scheme · VASTE Programme · Youth Guarantee Scheme
Leg 13 PQ #22196 Sitting 499 2021-10-20 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma ntlaħaq l-ebda ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers.

Swiss Leaks – politically exposed persons

Question

Jista’ l-Ministru jonora l-wegħda li kien għamel l-ex Prim Ministru Joseph Muscat f’Marzu 2015 (wara li qal li ħa l-parir mill-Avukat Ġenerali) u jippubblika l-lista ta’ ismijiet tal-politically exposed persons kollha li jissemmew fl-iSwiss Leaks, issa li huwa fatt maqbul minn kulħadd li n-nuqqas ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa mill-Gvern Malti wasslet għall-grey listing ta’ Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jiena infurmat mill-Kummissarju tat-Taxxa li ma japprovax li din id-data titpoġġa fil-pubbliku.

Użu ta’ private jet għal-Libja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-użu tal-private jet kull meta huwa mar il-Libja fl-2021, inkluż f’Mejju u f’Lulju ta’ din is-sena? Jistax jgħid minn liema ditta inkera u kif saret l-għażla?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’Seduta oħra

Talba lill-Awtoritajiet tal-Gvern Ġermaniż – aċċess għal data biex jiġi miġġieled l-ħasil ta’ flus u l-evażjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jiddikjara jekk il-Gvern Malti sal-lum għamilx talba lill-awtoritajiet tal-Gvern Ġermaniż sabiex ikollu aċċess għad-data li l-Gvern Ġermaniż akkwista iktar kmieni din is-sena (u li qiegħed jagħmel disponibbli lill-pajjiżi terzi li jridu jiġġieldu bis-serjetà l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa) dwar ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom moħbija assi jew kontijiet jew proprjetà ta’ kull tip ġewwa Dubai, u dan bl-iskop uniku li tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, iktar u iktar peress li Malta ġiet grey listed mill-FATF u allura jeħtieġ li Malta turi li trid tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa bil-fatti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-awtoritajiet tat-taxxa juzaw u jirrikjedu kull mezz u informazzjoni disponibbli skont il-liġi biex jikkumbattu l-evazjoni tat-taxxa.

Talba lill-awtoritajiet Ġermaniżi – aċċess għad-data dwar kontijiet sigrieti f’Dubai

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li l-Gvern Malti ‘lbieraħ, il-Ħadd 25 ta’ Lulju, ġie rrapurtat li qal li huwa kiteb jew bagħat lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jitlob ikollu aċċess għad-data kollha dwar min għandu kontijiet sigrieti f’Dubai?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 22083.
Leg 13 PQ #22332 Sitting 497 2021-10-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Negotiated Procedures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Negotiated Procedures’ ġodda mil-1 ta' Jannar 2021 sal-lum, u x'tip ta’‘Negotiated Procedures’ kienu? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x' kienu r-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MFSA – surrender of licences

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm u fil-kas, kemm, surrender of licences lil MFSA din is-sena sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba titpoġġa għad-dispozizzjoni tal-pubbliku mill-MFSA.

Working permits lir-residenti tas-South Africa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ work permits li nħarġu lir-residenti ta’ South Africa, kull sena fl-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ work permits(1) li nħarġu minn Jobsplus liċ-ċittadini ta’ South Afrika huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt; Sena Numru ta’ work permits 2016 3 2017 8 2018 16 2019 11 2020 3 Total 41 ( 2 ) (1) Din it-tweġiba tinkludi biss work permits maħruga minn Jobsplus u ma tinkludix permessi li nħargu taħt is-Single Residence Permit. (2) Il-Permess ta’ work permit jista jiġġedded kull sena għalhekk in-numri ma jirreflettux persuni iżda applikazzjonijiet approvati għal work permits .
Leg 13 PQ #22312 Sitting 496 2021-10-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Fond Konsolidat f’Għawdex — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20190 u jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Gvern mill-Fond Konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2013 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, pereżempju investiment produttiv, infrastrutturali u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-Fond Konsolidat għall-istess oqsma ta’ investiment?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21724.
Leg 13 PQ #22314 Sitting 496 2021-10-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – Flats f’taċ-Ċawla — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala tender li ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu mid-Dipartiment tal-Kuntratti biex tinbena u titlesta blokka flats ġewwa Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex, ftit ġranet qabel kellha tagħlaq din it-tender ma baqgħatx tidher fuq il-website 'www.etenders.gov.mt'? Jista’ jgħid x'ġara eżatt?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ġie kkanċellat minħabba inkonsistenza teknika fid-dokument ippubblikat. Se tiġi ppublikata sejħa ġdida għall-offerti.
Leg 13 PQ #22423 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Rendikont ta’ nefqa fuq konsultazzjoni pubblika dwar il-Baġit 2022 fiċ-Ċittadella

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22303 u jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-attività ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-Baġit għas-sena 2022 u li saret ġewwa ċ-Ċittadella, f'Għawdex nhar il-Ġimgħa 24 ta' Settembru 2021? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija attività?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika saret fil-5 t’Ottubru u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Cheque tar-reviżjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jistgħu jċemplu persuni li għadhom ma rċevewx iċ-cheque tar-reviżjoni tat-taxxa? F’każ li persuna nħarġilha dan iċ-cheque u ntilef, x’inhi l-proċedura li trid issegwi biex isir cheque ieħor? Kemm huwa ż-żmien li wieħed irid jistenna sabiex jerġa’ joħroġlu cheque ieħor bil-ħlas dovut?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li persuni li huma eliġibbli għal dan iċ-ċekk u ma rċevewhx, jew irċevewh izda tilfuh, jistgħu jċemplu l-Freephone 153 ta’ servizz.gov. Meta jċemplu jiġu vverifikati d-dettalji personali u jekk hemm bzonn isiru aġġustamenti fir-reġistru, (bħal bdil ta’ indirizz eċċ). Sakemm jitlesta dan il-proċess, flimkien mal-istampar u impustar taċ-ċekk, jieħu medja ta’ xahar sabiex isiru l-verifiki kollha.
Leg 13 PQ #22159 Sitting 494 2021-10-11 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.
Leg 13 PQ #22160 Sitting 494 2021-10-11 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari 20990.

Ħal Tarxien – servizzi bankarji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20366, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarux rappreżentazzjonijiet ma’ banek kummerċjali sabiex ġewwa Ħal Tarxien ikun hemm servizzi bankarji adegwati, almenu ATM?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni ta’ ATMs ġewwa Malta u Għawdex minn banek kummerċjali liċenzjati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) hija deċiżjoni kummerċjali f’idejn kull bank liċenzjat f’Malta. L-MFSA, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, u ebda awtorità oħra, m’għandhom is-setgħa legali sabiex il-banek kummerċjali joffru servizz ta’ ATM, u wisq anqas li joffruh f’xi belt jew raħal partikolari tal-pajjiż.
Leg 13 PQ #22420 Sitting 494 2021-10-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Rendikont tan-nefqa marbuta mal-attività dwar konsultazzjoni pubblika dwar il-Baġit 2022

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22300 u jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-attività li matulha tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Baġit għas-sena 2022 u li saret nhar it-Tlieta 14 ta' Settembru 2021? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija attività?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika saret fil-5 t’Ottubru u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.