Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dementia Helpline — telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet telefonati kuljum id-Dementia Helpline minn mindu twaqqfet? X’tip ta’ għajnuna ntalbet minn min ċempel fuq dan il-helpline? Kemm minn dawn it-telefonati kienu kklassifikati bħala emerġenza?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kemm ilha li twaqqfet id-Dementia Helpline minn Awwissu ta’ l-2015 sa l-10 ta’ Ġunju 2018 irċeviet total ta’ 1,868 telefonata. Minn dawn it-telefonati, 18-il telefonata kienu meqjusa bħala urġenti, li kienu jvarjaw bejn persuni bid-dimensja li ġew irrapurtati nieqsa, u suspetti ta’ abbużżi varji jew aggressività minn persuni bid-dimensja. L-għajnuna li ntalbet kienet ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta' Dimensja inġenerali, kif ukoll informazzjoni dwar servizzi eżistenti relatati ma' l-anzjani. Ammont ta' telefonati oħra kienu dawk meqjusa bħala mhux urġenti, fejn il-carer jew il-familjari, isibu diffikultà fl-imġieba tal-persuna bid-dimensja u jistaqsu għall-pariri, dwar x'għandhom jagħmlu.

Ħal Qormi – Xogħlijiet neċessarji fuq Tal-Blat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija jibdew ix-xogħlijiet neċessarji fuq Tal-Blat 1 Ħal Qormi peress li kull meta tagħmel ix-xita, qiegħed jidħol l-ilma fil-lift tal-Blokka C? Jista’ jagħti prijorità lil dawn ix-xogħlijiet peress li r-residenti ilhom jistennew dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, min-naħa tal-Awtorita` tad-Djar, ġiet milqugħa t-talba tar-residenti tal-Blokk imsemmi u ġiet approvata għajnuna finanzjarja biex ir-residenti jkunu jistgħu iħallsu għat-tiswijiet tal-lift inkluż l-installazzjoni ta’ pompa fil-lift pit biex awtomatikament tneħħi l-ilma li jinġema’ hemm. L-amministratriċi tal-blokk ġiet infurmata li t-talba tagħha ġiet approvata fit-2 ta’ Mejju 2018 u għaldaqstant tista’ tipproċedi bit-tiswijiet neċessarji minnufih. Sadanittant l-Awtorità diġà kienet għamlet diversi tiswijiet biex issolvi l-problema msemmija imma, minħabba li jidher li qatt ma ssolviet għal kollox, għad irid jiġi stabbilit jekk il-ħsara hux ġejja minn barra il-blokk u f’dak il-każ, min hu responsabbli biex isewwiha.

Ħal Qormi – akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn, hemm ippjanat li jinbnew djar ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Qormi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett preżenti m’hemmx ippjanati units ta’ akkomodazzjoni Soċjali f’Ħal Qormi, iżda hemm diversi siti li qed jiġu ‘kkunsidrati f’diversi lokalitajiet bħala parti mill-proġett ta’ 50 miljun ewro. Għalhekk id-dettalji ser jingħataw aktar 'il quddiem.

Residenza San Vinċenz de Paul – pjan għal tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjanijiet għat-tkabbir tar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule hemmx pjanijiet biex issir binja biex isservi bħala residenza għal każijiet inqas akuti u b’hekk jiżdiedu l-postijiet fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-investiment li qed isir ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, huwa mmirat għal residenti b’livell ta’ dipendenza għolja. Diġà jeżistu numru ta’ residenzi fin-naħa t’isfel ta’ Malta għal dipendenza fuq livell inqas akut.

Servizzi fil-komunità għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema servizzi fil-komunità qed jiġu offruti biex aktar anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizzi fil-komunità li d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffri, huma ; • Għajnuna fid-Dar ( Home Help ) • Servizz ta’ Handyman • Servizz ta’ Kontinenza • Telephone Rent Rebate • Ċentri ta’ Anzjanità Attiva • Meals on Wheels • Telecare+ • Night Shelters • Social Work • Servizz ta’ Respite • Domicilliary Nursing/Caring • Dementia Intervention Team • Dementia Activity Centre • Carer at Home • Servizz ta’ Ġerjatrija fil-Komunita` • Respite at Home • Servizz ta’ Occupational Therapy • Servizz ta’ Fiżjoterapista • Servizz ta’ Podjatrija Aktar informazzjoni dwar dawn is-servizzi tinsab fis-sit eletroniku, www.activeageing.gov.mt fejn hemm il-lista ta’ servizzi, nformazzjoni fuq kull servizz, kif ukoll dettalji ta’ kif tista’ tibbenifika mis-servizzi.

Persuni separati u single mothers — relief

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni separati u single mothers li qed jirċievu r-relief? Mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, sew ta’ persuni separati, kif ukoll ta’ single mothers.

Djar tal-Anzjani — Xiri ta’ Statwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex inxtrat statwa tal-Madonna li dwarha s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva reċentement stqarr pubblikament li qiegħda ddur id-djar tal-anzjani biex tkun esposta fihom? Jista' jgħid f'liema djar tal-anzjani ttieħdet din l-istatwa tal-Madonna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ispiża biex inxtrat l-istatwa tal-Madonna, inkluż il-bradella, kienet ta’ €750. S’issa l-istatwa tal-Madonna ttieħdet, fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa.

Is-Siġġiewi – Housing soċjali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-housing soċjali tas-Siġġiewi li qed isir bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett mhux ser isir bl-għajnuna ta’ fondi li huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Rigward l-istadju li fih wasal dan il-proġett, bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ skavar waqt illi ġie ppubblikat l-appalt għall-kostruzzjoni ta’ dan is-sit.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – social media advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Bini ta’ units għal housing soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġu ppjanati li jinbnew units ta’ housing soċjali f’dawn il-lokalitajiet: a. Ħal Kirkop; b. Il-Qrendi; c. Iż-Żurrieq; d. Ħal Safi; e. Birżebbuġa; u f. L-Imqabba?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ units ta’ housing soċjali fl-imsemmija lokalitajiet huwa kif ġej ; · Ħal Kirkop – 149 units · Il-Qrendi - 86 units · Iż-Żurrieq – 53 units · Ħal Safi, Birżebbuġa u l-Imqabba, fil-mument xejn.

Awtorità tal-Ippjanar — Proġett ta’ disability hub – pjanti approvati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti approvati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar tal-proġett li oriġinarjament kien ġie msejjaħ bħala disability hub u li għandu jsir fiż-żona biswit fejn qabel kien hemm il-bini taċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-pjanti tal-proġett jinsabu fid-dominju pubbliku u huma aċċessibli mis-sit elettroniku tal-Awtorita` tal-Ippjanar, bħalma huma l-pjanti tal-proġetti l-oħra kollha, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat.

Persuni li jbatu bid-Dementia u/jew Alzheimer’s

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm hawn persuni li hu kkalkulat li jbatu bid-Dementia jew/u Alzheimer’s f’pajjiżna? Kemm hu kkalkulat li se jiżdied dan in-numru fl-għaxar snin li ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, skont studju li sar mill-Universita` ta' Malta u li kien ġie ppublikat f'rivista akkademika fis-sena 2012, kien instab illi fis-sena 2010, f'Malta kien hawn 5,198 persuna bid-dimenzja u/jew Alzheimer. Dan in-numru kien maħsub illi jilħaq is-6,071 persuna fis-sena 2015, u 9883 persuna fis-sena 2030.

Spiża totali marbuta mad-Dementia/Alzheimer’s

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm hu kkalkulat li hi l ispiża totali f pajjiżna marbuta mad-Dementia/Alzheimer’s?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, studji ta' kemm id-dimenzja tiswa’ lil Malta qatt ma saru lokalment. Iżda skont studju li sar mill-Universita' ta Karolinska, fl-Izvezja u li ġie ppublikat fis-sena 2010, instab illi f'Malta n-nefqa totali fuq id-dimenzja tvarja bejn 63.1 miljun Ewro, għal 96.2 miljun Ewro. Id-differenza f'dawn il-figuri, jiddependi mill-ammont ta' kura informali (ċioe dik li tingħata mill-familja). L-ewwel figura tikkorrespondi għal 1.6 siegħat ta' kura nformali kuljum, filwaqt illi t-tieni figura tikkorrespondi għal 3.7 siegħat ta' kura nformali kuljum. Għalkemm għaddew kważi għaxar snin minn dan l-istudju, huwa jibqa l-aktar studju ricenti li għandna ta' din ix-xorta.

Helpline — telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm telefonati ġenwini tal-Helpline għall-għajnuna u li saru minn persuni bi problemi ta’ saħħa mentali bħal depressjoni, solitudni u każijiet ta’ suwiċidju matul is-sena l-oħra u matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ; TIP TA’ TELEFONATA SENA 2017 Telefonati Ġenwini 8895 Raġunijiet għal Telefonati marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali 2017 Ansjetà ( Anxiety ) 96 Saħħa Mentali ( Mental Health ) 1040 Dipressjoni ( Dipression) 369 Solitudini ( Loneliness ) 684 Affarijiet Suwiċidali ( Suicidal Issues ) 54 Total ta’ telefonati marbuta ma’ kwsitjonijiet ta’ saħħa mentali 2243 Għas-sena 2018 l-informazzjoni għadha mhux magħrufa minħabba li tinġabar kull sitt xhur u għaldaqstant l-informazzjoni tkun tista’ tiġi provduta aktar tard.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ; 2013 - (minn Marzu) ma kien hemm l-ebda spiża. 2014 - €2,950 2015 - €2,950 2016 - €5,034 2017 - €53,362.68 2018 - €5,737.55

Tqassim ta’ kuruni mbierka mill-Papa Franġisku lill-anzjani – sejħa għal offerti

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5848, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għall-akkwist ta' 3,100 kuruna mbierka mill-Papa Franġisku? Jista' jgħid kemm offerti ġew preżentati u minn min? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti u tar-rapport dwar l-aġġudikazzjoni tal-istess sejħa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minħabba l-karatteristikà u l-partikolarità tal-prodott, ma ħarġet l-ebda sejħa għall-offerti.