Legislature:
Category:
Reset
Active:

Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2014

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament sena b'sena, mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.

Skejjel tal-Gvern – spiża ta’ trasport għat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa l-ispiża fis-sena biex jiġi pprovdut trasport b’xejn lit-tfal fi skejjel tal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża fis-sena biex jiġi pprovdut trasport b’xejn lit-tfal fi skejjel tal-Gvern hija ta’ €8.1 miljun.

Skejjel tal-Gvern – tfal li jużaw it-trasport b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal fl-iskejjel tal-Gvern jużaw it-trasport b’xejn imħallas mill-Gvern u kemm jiġi dan f’perċentwal mit-total ta’ studenti li jattendu dawn l-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal fl-iskejjel tal-Gvern li jużaw it-trasport b’xejn imħallas mill-Gvern huwa ta’ 12,000. Dan jiġi 34.7% mit-total ta’ studenti li jattendu dawn l-iskejjel.

Skejjel Indipendenti u tal-Knisja — Trasport b’xejn lil studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' implimentazzjoni qiegħed l-impenn elettorali tal-Gvern li jipprovdi trasport b'xejn anke għal tfal li jmorru fi skejjel Independenti u tal-Knisja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-Tnejn 26 ta’ Frar 2018 ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika li ser iddum miftuħa għal xahar. Kopja tad-dokument jinstab fuq il-link http://newsbreak.edu.mt/2018/02/26/all-you-need-to-know-about-the-free-supervised-school-transport-initiative/

Skejjel tal-Knisja u Indipendenti – spiża ta’ trasport għat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiswa l-ispiża fis-sena biex jiġi provdut trasport b'xejn lit-tfal fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex jiġi provdut trasport b’xejn lit-tfal fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hi stmata li se tlaħħaq €10 miljun għal sena.

Privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa? Min huma l-persuni esperti li qegħdin jinnegozjaw f’isem il-Gvern Malti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati dwar l-għotja ta’ art f’konċessjoni għal ħamsa u sittin sena (65) tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa waslu fi stadju avvanzat ħafna u l-uffiċjali tal-Privatisation Unit assistiti minn konsulenti legali u tekniċi qegħdin iħarsu u jsostnu l-interessi tal-Gvern Malti għal din il-konċessjoni. Ta’ min wieħed jirrimarka illi l-Gvern mhux qed jinnegozja fi spirtu ta’ privatizzazzjoni imma qed jikkonkludi ftehim ta’ konċessjoni fejn l-iżvilupp kollu li jkun sar fil- kumpless tal-Korsa tal-Marsa jirritorna lura għand il-Gvern Malti fi tmiem il-konċessjoni. Dan kollu fi spirtu tar-Request for Proposal maħruġ mill-Gvern fl-2015.

Bordijiet sportivi – persuni li qed jokkupaw ħatra ta’ tmexxija/diretturi/kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li attwalment qegħdin jokkupaw pożizzjoni ta’ ħatra ta’ tmexxija/diretturi/kumitati fil-bordijiet sportivi kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-isport? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħlas jew perkaċċi qed jingħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-assistenza ta’ SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-assistenza ta’ SportMalta u mid-diversi skemi tagħha mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-għotja finanzjarja, materjalità jew ta’ natura oħra, għal kull wieħed u għal liema skop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-snin 2014 - 2017 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Primarja ta’ San Ġorġ – xogħol ta’ tisbiħ u mmodernizzar

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4364 dwar il-bżonn immedjat li jsiru xogħlijiet infrastrutturali fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta dawn l-imsemmija xogħlijiet ta’ tisbiħ, se jibdew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin iridu jistabbilixxu wkoll it-timelines tal-proġett. Bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada mhijiex f'pożizzjoni li jagħtu data, anke in vista tal-fatt li l-prijorità tal-FTS hi li jitlestew il-proġetti li kienu mħabbrin fil-baġit.

Skola Primarja ta’ San Ġorg – lift għal persuni b’diżabilità f’siġġu tar-roti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4365 dwar il-bżonn li jsir lift minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun kbir dan l-imsemmi platform lift u fejn hemm il-ħsieb li jiġi stallat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-daqs u l-post eżatt fejn se jkun installat il-platform lift huma indikati fil-pjanta li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat Għawdex – carpark tal-iskola sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-carpark tal-karozzi li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, m’għadux jinfetaħ b’mod regolari għall-użu tal-pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-imsemmi carpark hu għall-użu tal-istaff tal-iskejjel u jkun miftuħ għall-pubbliku f’okkażjonijiet partikolari u dan fuq talba speċifika. Infurmat ukoll li ġieli ikun miftuħ għal aċċess u użu ta' dipartimenti jew entitajiet oħra.

Ċentru tal-Università ta’ Għawdex – investiment fl-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena x’tip ta' investiment fl-infrastruttura sar fiċ-Ċentru tal-Università ta’ Għawdex ġewwa x-Xewkija mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? X'tip ta' investiment infrastrutturali hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2018 ġewwa ċ-Ċentru tal-Università ta’ Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Kampus tal-Università ta’ Malta f'Għawdex sar ix-xogħol infrastrutturali li ġej:- · Ottubru 2014: ġew installati numru ta' airconditioners għal spiża ta’ €5,235.60 · Diċembru 2014: ġew mixtrija numru ta’ siġar u pjanti għall-ġnien tal-istess kampus għal spiża ta’ €672.10 · Lulju 2015: inxtraw sitt konki kbar biex fihom tpoġġew xi siġar fil-bitħa tal-Kampus għal spiża ta’ €1,020.00 · Settembru 2017: saret manutenzjoni fuq il-bjut, li għadha inparti għaddejja, għal spiża ta’ €5,790.00 · Novembru 2017: sar titjib fil-provista tal-elettriku għal mitejn (200) Amps għal spiża ta’ €20,953.00 L-Università għandha permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ estensjoni fil-ġenb tal-binja tal-Kampus li stmata li se tqum madwar €900,000. L-intenzjoni hi li l-post ikabbar u jtejjeb il-faċilitajiet operattivi tiegħu fil-limiti finanzjarji li l-Università għandha biex isir dan ix-xogħol.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – passi dixxiplinarji kontra eks canvasser

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kenux inbdew passi dixxiplinarji mill-Ministeru tiegħu jew mill-entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, dwar l-eks canvasser tiegħu u ċjoè l-individwu (a) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament b’relazzjoni mal-akkuża ta' tixħim miġjuba kontrih mill-individwu (b) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn dan l-individwu kien insista li l-eks canvasser tal-Ministru kien talbu ħlas minn taħt, ta’ €30,000 biex jitħallas il-flus li kienu dovuti lilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’rabta ma’ xogħol fuq estensjoni tas-sixth form f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant illi hemm proċeduri ġudizzjarji fil-konfront ta’ dan l-individwu li bħalissa jinsab sospiż. Għaldaqstant, mhux għaqli li jsiru kummenti addizzjonali minħabba li l-kawża hija sub judice.

Salarju ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament ġie ttrattat b’mod privileġġjat minn ħaddiema oħrajn meta f’Novembru 2016 huwa kien ingħata l-awtorità li jissospendi lilu nnifsu mix-xogħol filwaqt li kompla jirċievi s-salarju sħiħ tiegħu mingħand il-Gvern, biex b’hekk baqa’ jirċievi paga sħiħa daqslikieku għadu jaħdem meta fil-fatt kien sospiż mix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1889 u Informazzjoni Addizzjonali mogħtija lill-Kamra fid-19 ta’ Ottubru u fit-30 ta’ Ottubru 2017 rispettivament.

Salarju ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħata trattament differenti minn ħaddiema oħra akkużati b’reati kriminali ħafna inqas serji, li ġew sospiżi mix-xogħol mill-ewwel filwaqt li matul il-perjodu ta’ sospensjoni tagħhom ma rċevewx proporzjon ta’ salarju ogħla min-nofs il-paga u f'ċerti każi anke kienu arrestati taħt kustodja preventiva għal perjodu ta' żmien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4447.

Valletta United Water Polo – titolu tal-Pitch — proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proċess biex il-club ta Valletta United Water Polo li jinsab f'Marsamxett Wharf fil-Belt Valletta, jingħata t-titolu tal-pitch tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-mozzjoni parlamentari li tipproponi t-trasferiment tal-art imsemmija lill-Valletta Waterpolo Club, flimkien mal-kuntratt, tressqet quddiem il-Parlament sabiex tiġi diskussa fil-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Malta Libraries — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema mal-Malta Libraries minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid fejn ħarġet is-sejħa biex ġew ingaġġati dawn il-ħaddiema u jpoġġi kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid f’kull każ x’tip ta’ sejħiet ta’ xogħol kienu? Xi kwalifiċi u/jew esperjenza ġiet mitluba? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jikkonferma jekk dawn li ġew ingaġġati llum humiex qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew qed jagħmlu xogħol ieħor u jekk qed jagħmlu xogħol ieħor x’inhu dan ix-xogħol? Mil-liema lokalitajiet huma l-ħaddiema li ġew ingaġġati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Malta Libraries li minn Marzu 2013 ‘l hawn ġew ingaġġati dawn il-persuni: 12 Library Assistants (1 part-time), 1 Deputy Librarian, 2 Library Attendants, 1 Manager Projects u 1 Administrative Officer. Is-sejħiet ħarġu jew public call jew minn Jobsplus u kienu għal Part-time Library Assistant, Library Assistant, Deputy Librarian, Library Attendant, Manager Projects u Administrative Officer. Il-kwalifiċi meħtieġa, barra kompetenzi oħra, kienu NQF level 1 għal-Library Assistants u Library Attendants, u NQF level 6 għal Deputy Librarian, Manager Projects u Administrative Officer. L-etajiet ivarjaw bejn 19 u 53 sena. Dawk kollha li ġew ingaġġati mill-Jobsplus kienu jirreġistraw jew f’part 1 jew part 3. Infurmat li dawn il-persuni qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati. Dawn il-ħaddiema huma mil-lokalitajiet li ġejjin: Sliema, Fgura, Għaxaq, Birkirkara, Gżira, Pietà, Mellieħa, Sannat u Rabat Għawdex.

Community Work Scheme — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm ħaddiema fil-Community Work Scheme ġewwa Malta u kemm hemm ħaddiema fl-istess skema ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema kemm ilhom jaħdmu ma’ din l-iskema u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x’ħinijiet u ġranet qed jaħdmu dawn il-ħaddiema u jgħid kemm hemm minnhom jaħdmu b’shift u x’tip ta’ shift qed jaħdmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għadd ta’ ħaddiema fil-Community Work Scheme, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, kienu sa Jannar 2018 kif ġej: Diċ-16 Diċ-17 Jan-18 Malta 419 499 503 Għawdex 132 168 336 Total 551 667 839 Ix-xogħlijiet imwettqa minn dawn il-ħaddiema ivarjaw minn xogħol klerikali, għal dak ta’ manutenzjoni u upkeep, ħarsien ta’ postijiet u tindif ġenerali. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li 833 ħaddiem jaħdmu ħinijiet ta’ matul il-jum, ħamsa (5) day-in day-out u wieħed (1) shift ta’ bil-lejl.

Għalliema fl-iskejjel statali –festi pubbliċi li jiġu fil-weekend

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għalliema fl-iskejjel statali ġewx innotifikati meta ser tingħata l-ġurnata leave ta’ dawk il-festi pubbliċi li jaqgħu fil-weekend, hekk kif anke kien ġie miftiehem fil-ftehim settorjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema kollha ġew informati permezz ta’ ċirkolari li l-ġurnata leave bħala kumpens ser tingħata l-Ħamis 5 ta’ April 2018.

Università ta’ Malta – servizz ta’ individwu

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4026, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess individwu huwiex involut fl-assesjar tal-istudenti, kemm jekk assessjar b'mod orali u kemm jekk hux bil-kitba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-individwu kkonċernat mhuwiex involut fl-assessjar tal-istudenti.