Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuga – analiżi mill-ERA dwar volum tat-traffiku

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19204 tat-13-il leġiżlatura, tista’ l-Ministru tindika jekk saritx l-analiżi mill-ERA biex tistabbilixxi jekk il-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq Triq Birżebbuġa (il-partijiet kollha separatament), Dawret il-Qalb Imqaddsa, Triq Żaren Dalli, Triq il-Bajja s-Sabiħa u Triq San Patrizju illum jeċċedix l-livelli meħtieġ mid-direttiva għall-preparazzjoni ta’ noise maps? Fi kwalunkwe każ liema huma t-toroq li ser ikunu inklużi fl-istudji tal-ħsejjes li suppost ser tagħmel l-ERA matul din is-sena u li huma rikjesti mill-Environmental Noise Directive kif indikat fl-istess tweġiba? Tista’ tindika f’liema perjodu jew perjodi dan l-istudju ser isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-istudju msemmi fir-risposta għal PQ 19486 tat-13 il-Leġislatura ġie ffinalizzat. L-ERA tikkonsulta lil Transport Malta biex tistabbilixxi jekk il-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq jeċċedix 3 miljun vettura fis-sena. Minn informazjzoni li ġiet mgħottija l-ERA, il-volum fi Triq Birżebbuġa (il-partijiet kollha separatament), Dawret il-Qalb Imqaddsa, Triq Żaren Dalli, Triq il-Bajja s-Sabiħa u Triq San Patrizju ma jeċċedix il-livelli meħtieġa mid-direttiva għall-preparazzjoni ta’ noise maps. Sadanittant l-Awtorità qiegħda fil-proċess li tingaġġa konsulenti biex tikkummissjona l-istudju dwar il-ħsejjes relatat mal-kumpilazzjoni tal-mapep strateġiċi tal-ħoss. Triq Għar Dalam u Triq Ħal Far ser ikunu parti minn dan l-istudju li mistenni jibda aktar tard din is-sena, bħala parti mill-obbligu ta’ rappurtar tal-Environmental Noise Directive.

Birżebbugia – Tal-Papa – low u fluctuating voltage

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 515, tista' l-Ministru telenka x-xogħlijiet li ser isiru, inkluż lista u pjanta tat-toroq li ser jinqalgħu minħabba dawn ix-xogħlijiet, jekk inhu l-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi tal-Papa u tal-Housing Estate f’Birżebbuġa jirrikjedi tħaffir ta’ trinek kif indikat fiż-żewġ site plans li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-toroq fejn ser isir dax-xogħol huma Triq l-Għerien, Triq tal-Papa, Triq il-Port Ħieles, Triq is-Sebħ, Sqaq in-Noqra, Triq in-Noqra, Triq Birżebbuġa u Triq Santa Katarina. Dan ix-xogħol għalkemm jista’ jikkawża xi ftit inkonvenjent għar-residenti qiegħed isir biex ir-residenti biex ma jibqax ikollhom varjazzjonijiet fil-vultaġġ tal-elettriku.

San Pawl il-Baħar – Triq San Ġużepp u Triq tal-Katidral – xogħlijiet

Question

Billi fi Triq San Ġużepp u Triq tal-Katidral, San Pawl il-Baħar, f’dawn l-aħħar xhur kienu qed jitpoġġew xi mains tas-servizzi ġodda, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhu x-xogħol li sar, x’inhu x-xogħol li qed isir u liema xogħol baqagħlu jsir? Billi bħalissa qegħdin jitqiegħdu xi cables fl-istess toroq, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhu x-xogħol li sar, x’inhu x-xogħol li qed isir u liema xogħol baqagħlu jsir? Meta hu mistenni li dan ix-xogħol jitlesta kompletament, inkluż il-wiċċ bl-asfalt, u dan billi t-toroq imsemmija jinsabu qrib l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar u qed jinħolqu bosta inkonvenjenti kemm għar-residenti, kif ukoll għall-istess skola? Billi qed ikun hemm ħafna trabijiet fiż-żona jista’ jibda jsir il-ħasil tat-triq filgħaxija wara li jkun tlesta x-xogħol għal dik il-ġurnata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fit-toroq indikati, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet xogħlijiet ta’ emerġenza fuq is-sistema tad-drenaġġ. Biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni, x-xogħol kien ikkordinat ma’ Enemalta plc li min-naħa tagħha lestiet xogħlijiet sabiex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Grazzi għall-istess koordinament se tkun issaħħet ukoll l-infrastruttura ta’ kumpanija privata tat-telekomunikazzjoni li s-servizzi tagħha jgħaddu wkoll minn taħt l-art. La darba x-xogħlijiet imsemmija jitlestew it-toroq se jingħataw wiċċ ġdid b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta. L-entitajiet involuti jieħdu l-passi neċessarji biex jitnaqqas kemm jista jkun l-inkonvenjent li tali xogħlijiet joħolqu, inkluż trabijiet li dawn it-tip ta’ xogħlijiet iġibu magħhom, b'kollaborazzjoni mal-kuntratturi varji u awtoritajiet kompetenti.

Qawra — materjal ta’ kostruzzjoni li ġie rrappurtat li waqa’ fil-baħar

Question

Tista’ l-Ministru tinforma x’azzjoni ġiet meħuda fir-rigward ta’ materjal ta’ kostruzzjoni li ġie rrapurtat li waqa’ fil-baħar fi Frar 2022 u f’Mejju 2022 fil-Qawra minħabba xogħlijiet li qegħdin isiru fuq moll fl-istess żona? X’miżuri ttieħdu biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ERA ilha ssegwi b’mod regolari x-xogħlijiet fuq is-sit ta’ kostruzzjoni msemmi fil-Qawra, li hu regolat bil-permess tal-iżvilupp PA04179/20. Il-proġett għandu wkoll environmental monitors ingaġġati biex jissorveljaw ix-xogħlijiet. Għal diversi drabi, uffiċċjali tal-ERA ordnaw li x-xogħol jieqaf temporanjament sakemm ikun aċċertat illi l-miżuri ta’ mitigazzjoni jkunu effettivi biżżejjed. L-operatur kien ukoll immultat mill-ERA minħabba li ħammeġ il-baħar permezz ta’ skart ta’ skavar. Fiż-żewġ okkażjonijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant, l-ERA waqqfet ix-xogħlijiet immedjatament u kkomunikat mal-Awtorità ta’ Malta għat-Trasport u mal-kuntrattur, biex jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali. L-ERA se tkompli bil-moniteraġġ tax-xogħlijiet fuq dan is-sit.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Segretarjati

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtha? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Tista’ tippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Tista’ tindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust (b) persons of trust u (ċ) taċ-ċivil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 184, ninformaha li fis-Segretarjat tal-Ministeru hemm ħames ħaddiema bħala position of trust u erbatax bħala persons of trust.

Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) ġiex rivedut b’mod speċjali dwar issues fuq l-għoli tal-bini f’kull triq fil-gżejjer Maltin?’

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Balzan — Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi n-natura tax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira Ħal Balzan u r-raġuni għaliex dawn ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu? Tista' tgħid jekk il-Kunsill ta’ Ħal Balzan u r-residenti ta’ dawn it-toroq kinux infurmati b’dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru mill-Enemalta kienu parti mill-programm vast ta’ xogħlijiet li qed isiru f’diversi bnadi tal-pajjiż għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tħaffir ta’ trinek u tqiegħed ta’ cables ġodda. B’dan il-proġett, ir-residenti ser ikollhom stabbiltà fil-provvista tal-elettriku. Wara dawn ix-xogħlijiet kellu isir l-asfaltar tul il-wiesa tat-triq kollha. Biex tagħmel dawn ix-xogħlijiet, l-Enemalta dejjem titlob il-permessi meħtieġa minn Transport Malta. Minħabba li din hija triq traffikuża u hija rotta għal karozzi tal-linja, l-permess ngħata bil-kundizzjoni li x-xogħol isir bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u l-ħamsa ta’ filgħodu.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 308 li l-Ministru wieġbet biex nirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-XIII-il Leġiżlatura li qed tikkwota, tista' għaldaqstant il-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret lil kull wieħed u waħda mill-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u ċjoè skont artiklu 3(6) ta' Kap. 545, x'kienet il-"proċedura indipendenti u imparzjali" li użat biex żgurat li għandhom il-"ħiliet u l-esperjenza meħtieġa", x'kienu l-"kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati" li bbażat fuqhom, u fejn u meta kienu pubblikati dawn il-kriterji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — segretarjat

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tagħha? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Tista’ tippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess segretarjat? Tista’ tindika wkoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust; (b) persons of trust; u (ċ) taċ-ċivil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 39.

Birżebbuġa – Qajjenza – parkeġġ

Question

Wara numru ta' talbiet li l-Kunsill Lokali Birżebbuġa għamel lill-Ministri kkonċernati fiż-żewġ leġiżlaturi li għaddew, sabiex parti mill-art tal-ex-impjant tal-gass fil-Qajjenza, Birżebbuġa tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi fis-sajf u għad-dgħajjes u l-karozzi fix-xitwa, u dawn ġew miċħuda jew ma ġewx imwieġba, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li parti minn din l-art tintuża għal dan l-iskop?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor Interpellant għat-tweġibiet li kienu ngħataw fit-13 il-Leġislatura għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari fuq il-materja, fosthom 872, 888, 5693, 8543 u 11561, ninsab infurmata li sakemm l-Enemalta tieħu deċiżjoni finali dwar din l-art, fil-ġimgħat li ġejjien se tkun qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex parti’ mill-art tkun tista’ tintuża bħala parkeġġ temporanju.

Żurrieq — Triq Carmelo Caruana – ġnien

Question

Tista' l-Ministru tindika kemm ilu ma jinxtegħel il-ġnien fi Triq Carmelo Caruana ż-Żurrieq u meta hu mistenni li jitlestew it-tiswijiet u/jew ix-xogħlijiet relatati mad-dawl f'dan il-ġnien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġnien huwa responsabilita' tal-Kunsill Lokali. Ninsab infurmata li l-Kunsill Lokali qiegħed f'diskussjoni mal-Enemalta biex tingħata provista adegwata u permanenti għal dan il-ġnien.

COP 26 — tnaqqis ta' emissjonijiet tal-karbonju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi effettivament ttieħdu wara COP 26 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-Karbonju f’pajjiżna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li kienu ngħataw fit 13 il-Leġislatura għall-Mistoqsijiet Numru 16197 u 22112 dwar l-istess materja. Fl-istess ħin infakkru li bis-saħħa tal-investimenti tal-Gvern f’dan il-qasam illum l-emissjonijiet tal-karbonju f’pajjiżna, ras għal ras, huma l-inqas fl-Unjoni Ewropea, Il-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam ma tieqafx. Illum pajjiżna għandu strateġiji speċifiċi biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fosthom il-Low Carbon development Strategy u l-Long Term renovation Strategy. Sadanittant l-implementazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji ġa għaddejja fuq diversi fronti, inklużi skemi ta sapport għal-karozzi elettrici u PHEVs, xogħol fuq interconnector ieħor ma Sqallija u kif ukoll l-introduzzjoni ta’ karozzi tal-linja elettriċi, fost l-oħrajn.

Livelli ta' emissjonijiet tal-karbonju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kienu l-livelli ta’ emissjonijiet ta’ karbonju ġewwa pajjiżna fis-snin 2020 u 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-2020, l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-karbonju(carbon dioxide) għal Malta kien 1597.3 elf tunnellata netti. Għal dak li jirrigwardja l-2021, l-informazzjoni tinġabar u tiġi kkumpilata matul l-2022 u tkun magħluqa fl-2023. Dan il-proċess isir dejjem skont ir-rekwisiti internazzjonali dwar l-inventarji nazzjonali ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHGs)

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-prezz medju li bih inxtara kull unit ta' enerġija minn Delimara 4 (Electrogas), kull unit ta' enerġija minn Delimara 3 (l-impjant tal-BWSC li kien ġie mgħoddi lil Shanghai Electric), u kull unit tal-enerġija mill-Interconnector, f'kull xahar bejn April 2017 u April 2022? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll kemm-il unit inxtara minn kull wieħed minn dawn is-sorsi f'kull xahar fil-perjodu msemmi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettal speċifiku tal-informazzjoni li talab jippreġudika l-interess kummerċjali tal-Enemalta. Tajjeb li ninforma li l-Enemalta tħaddem politika ta’ dispatch optimisation billi tikkunsidra kemm il-prezzijiet fis-suq, kif ukoll kunsiderazzjonijiet tekniċi u kummerċjali oħra, fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.

Ir-Rabat — Triq tat-Tabija - Solar Car Charging Unit

Question

Tista’ l-Ministru tispjega r-raġuni għaliex is-solar car charging unit fi Triq tat-Tabija r-Rabat Malta mhux qed taħdem, wara li ġiet installata inqas minn sena ilu? Huwa minnu li ħafna mix-xhur ma kinetx qiegħda taħdem? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll kull meta qed isiru testijiet fuqha biex ikun żgur li din qed taħdem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-charging pillar in kwistjoni mhix waħda minn dawk li kienu installati mill-Ministeru tiegħi iżda mil-Ministeru ta’ Trasport.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – karigi u pożizzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tagħha u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni tgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenzi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Tista’ tgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.