Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u tagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Tista’ tippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

L-Imġarr – Project Green — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hemm għaddej preżentement minn Project Green fil-lokalità tal-Imġarr u fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll meta nbeda u meta spiċċa kull wieħed minn dawn il-proġetti u kemm hu stmat li ġej jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-Imġarr, Ambjent Malta qed taħdem biex tibda proġett fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Darrenzi. Dan il-proġett li l-investiment għalih hu stmat li jammonta għal €150,000 hu maħsub biex żona rurali mitluqa tindbidel għal waħda ta’ rikreazzjoni u jinkludi restawr tal-ħitan tas-sejjieħ kif ukoll-preservazzjoni tal-pajsaġġ preżenti. F’dan il-proġett hemm pjanat ukoll xogħol għall-bini taċ-ċentru ta’ esibizzjoni/osservazzjoni bil-għan li jitwettqu inizjattivi edukattivi dwar l-ambjent. Għalkemm għalissa għad m’hemmx xogħol li qed isir minn Project Green f’din il-lokalità, infakkar li ftit wara li twaqqfet l-aġenzija kienet nediet il-Community Greening Grant intiża biex isirulha proposti għal proġetti ta’ tisbiħ ambjentali fil-komunità. Wara li għalqet din l-ewwel skema, nediet l-inizjattiva tal-Local Greening Programme fejn saħansitra individwi jistgħu jidentifikaw spazji mitluqa, jew li forsi ma jintużawx, biex jiġu kunsidrati biex noħolqu spazji ħodor f'żoni urbani bi tħawwil ta’ aktar siġar fil-komunità. Dettalji dwar din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-aġenzija.

Il-Mosta – Project Green — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol minn Project Green għaddej preżentement fil-lokalità tal-Mosta u fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll meta nbeda u meta spiċċa kull wieħed minn dawn il-proġetti u kemm hu stmat li ġej jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fiż-żona tal-Mosta, Project Green lestiet il-proġett tal-Green Open Campus (Milbrae Grove), spazju rikreattiv biswit il-kulleġġ tal-MCAST li sar b’investiment ta’ €103,947 u għamlet xogħlijiet marbuta ma’ riġenerazzjoni tal-ekoloġija, l-idroloġija u l-ġeoloġija f’Wied Speranza. Ix-xogħlijiet tal-Valley Walkway f’Wied Speranza se jibdew f’Mejju minħabba li ma jistgħux isiru fix-xhur tax-xita biex tiġi protetta l-ekosistema ta’ dan is-sit. Dawn ix-xogħlijiet se jestendu wkoll għal Wied il-Qlejgħa u huwa mmirat li jitlestew din is-sena b’investiment stmat ta’ madwar €1.6 miljun. L-aġenzija qed tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’Wied Għajn Mula b’investiment ta’ madwar €225,000. Bħalissa qed tħejji wkoll l-abbozz tas-sejħa għall-offerti għall-proġett ta’ Ġnien Reggie Cilia f’Wesgħet Marco Montebello li l-investiment għalih hu stmat li se jilħaq €1.7 miljun, filwaqt li saret ukoll l-applikazzjoni biex jinħareġ il-permess għall-proġett ta’ Ġnien Kevin Vella fi Triq iz-Zakkak. Fil-Mosta wkoll, Ambjent Malta wettqet proġett b’investiment ta’ €481,275 tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Carmelo Dimech li jkopri aktar minn 1,600 metru kwadru ta' spazju miftuħ. Waqt li GreenServ ħolqot Ġnien Victor Calvagna b’investimen ta’ €1 miljun, fejn spazju ta’ 4,000 metru kwadru li kien żona għall-iżvilupp minflok ingħata għat-tgwadija mill-pubbliku

Project Green – Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġux direct orders minn Project Green u jekk iva, għal kemm proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 24186, ninasb infurmata li l-aġenzija ħarġet 4 direct orders b’rabta ma’ proġetti li l-ebda waħda minnhom ma qabżet il-valur ta’ €10,000.

Birżebbuġa – Triq tax-Xerriek – Konnessjoni tan-new water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux possibbli li ssir konnessjoni tan-new water biswit il-ġardina pubblika ġewwa Triq tax-Xerriek, f’Birżebbuġa, sabiex tkun tista’ tissaqqa l-istess ġardina u jkunu jistgħu jiġu servuti minn tal-inqas sitt bdiewa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha l-ħsieb li twassal is-servizz tal-provvista tan-New Water, għalkemm mhux fl-immedjat, viċin l-akkwata indikata f’din il-mistoqsija parlamentari.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12045 u 18986 u tgħid kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21835.

Għawdex — Tibdil tal-mains ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm u fejn inbidlu mains ta’ drenaġġ u ilma ġewwa Għawdex minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma raħal b'raħal u tgħid liema minnhom kienu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm kienu ffinanzjati jew li kienu ffinanzjati mil-Green Bonds tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mil-baġit tal-WSC u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża globali lokalità b’lokalità u triq b’triq u xi pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tad-drenaġġ u tal-ilma raħal b’raħal u triq b’triq ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll liema minnhom ser ikunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm ser ikunu ffinanzjati u liema minnhom ser ikunu ffinanzjati mill-Green Bonds tal-WSC jew mil-baġit tal-WSC u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Mina tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal u meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu relatat mal-mina tad-drenaġġ li għandha tgħaqqad l-inħawi ta’ Kennedy Grove mal-inħawi tax-Xemxija ġewwa San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li din il-mina tibda topera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma investiet mas-€7 miljun fil-proġett indikat u li għalih qed tintuża teknoloġija avvanzata biex ma jsir l-ebda tħaffir fuq wiċċ l-art, imma kollox isir minn taħt l-art. Dan huwa biss parti minn pjan ħolistiku fejn il-Korporazzjoni qiegħda kontinwament tirriċerka u tinvesti f’tali strateġiji biex matul il-perjodu li jkun qed isir ix-xogħol, l-inkonvenjent ikun l-inqas possibbli. Il-Korporazzjoni tara wkoll li d-domanda tal-pajjiż tkun dejjem milħuqa bl-aħjar mod possibbli u bl-iktar mod effiċjenti. Infurmata li x-xogħol fuq dan il-proġett miexi tajjeb u tlestew ix-xaftijiet li jagħtu aċċess biex seta’ jinbeda x-xogħol tal-microtunneling. In-natura ta’ dan it-tip ta’ xogħol li huwa minn tal-ewwel tesiġi preċiżjoni kbira.

San Pawl il-Baħar – Triq San Ġorġ

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-generators li tpoġġew f’għalqa fi Triq San Ġorġ, f’San Pawl il-Baħar, jiċċaqalqu minn fejn qegħdin, jew almenu jsirulhom xi sound barriers minħabba l-inkonvenjenzi ta’ storbju li qed joħolqu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-generators li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta qed jintużaw temporanjament minn kuntrattur li qed jagħmel xogħlijiet għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-inħawi. Infurmata wkoll li dawn huma ta’ għamla partikolari biex meta jitħaddmu l-inkonvenjent tal-ħoss ikun l-inqas possibbli.

Wied ta’ Għajn Riħana – Proġett ta’ riġenerazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni li sar fil-Wied ta’ Għajn Riħana, liema proġett tlesta fis-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm ġie jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-istqarrija (PR 241999) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar is-7 ta’ Diċembru 2024, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra, ninfurmaha li dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €1.1 miljun.

San Pawl il-Baħar – Project Green — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hemm għaddej preżentement minn Project Green fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll meta nbeda u meta spiċċa kull wieħed minn dawn il-proġetti u kemm hu stmat li ġej jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Project Green lestiet xogħlijiet marbutin ma’ riġenerazzjoni ta’ ekoloġija, idroloġija u ġeoloġija f’Wied Qannotta u f'Wied Għajn Riħana, proġett vast li sar b’investiment ta’ €1.1 miljun kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24463. Bħalissa l-aġenzija għaddejja bit-twettiq tat-tieni fażi tal-proġett tal-Erba’ Mwieżeb, liema proġett għandu valur stmat ta’ madwar €110,000. Għandha ppjanat ukoll il-proġett tar-Riserva Naturali tas-Simar b’valur stamt ta’ €163,173 biex tingħata ħajja mill-ġdid lil żona li bħalissa hija mitluqa. L-aġenzija qed tistenna l-approvazzjoni tal-SPD għal dan il-propett qabel jiġi ppubblikat it-tender.

Il-Mellieħa – Project Green — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hemm għaddej preżentement minn Project Green fil-lokalità tal-Mellieħa u fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll meta nbeda u meta spiċċa kull wieħed minn dawn il-proġetti u kemm hu stmat li ġej jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità tal-Mellieħa, Project Green għandha ppjanat il-proġett ta’ Ġnien Triq il-Għasel li se jkun mifrux fuq medda ta’ 2,000 metru kwadru b’valur stmat ta’ €1,900,000. B’dan il-proġett l-aġenzija se toħloq spazju miftuħ aċċessibbli għall-pubbliku b’veġetazzjoni varja, numru ta’ bankijiet u ġibjuni tal-ilma taħt l-art.

In-Naxxar – Project Green — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hemm għaddej preżentement minn Project Green fil-lokalità tan-Naxxar u fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll meta nbeda u meta spiċċa kull wieħed minn dawn il-proġetti u kemm hu stmat li ġej jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għaż-żona tan-Naxxar, Project Green għandha ppjanat il-proġett tal-Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li se jkun mifrux fuq medda ta’ 5,600 metru kwadru b’valur stmat ta’ madwar €1.6 miljun. Dan il-proġett se jkun qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil żona bejn it-triq ta’ mal-kosta u żona residenzjali biex tattira lill-familji u viżitaturi oħrajn permezz ta’ spazju għall-picnics, żona bil-logħob għat-tfal u mogħdijiet għall-mixi fost attrazzjonijiet oħrajn.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Project Green — Tħawwil ta’ arbuxxelli - Tenders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ tenders li ħarġu minn Project Green għat-tħawwil ta’ arbuxelli, mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Tista’ tgħid ukoll liema minnhom kienu direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24186.

Project Green — Manutenzjoni tal-ġonna - Tenders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ tenders li ħarġu minn Project Green għall-manutenzjoni tal-ġonna operati minn Project Green, mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Tista’ tgħid ukoll liema minnhom kienu direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni ġenerali tal-ispazji miftuħa mmaniġġjati minn Project Green issir fuq bażi regolari mill-impjegati tal-aġenzija stess. Dan filwaqt li tenders għax-xogħlijiet marbuta ma’ spazji miftuħa ġodda maħruġa minn Project Green jinkludu l-manutenzjoni tat-tali spazju sa massimu ta’ ħames snin.

Containers fl-Enemalta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħattu containers fl-Enemalta plc ta’ tenders li nxtraw taħt is-sistema tad-DDP, matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa hemm appell quddiem il-Public Contracts Review Board fuq tender għal xogħlijiet tal-istess natura bejn l-Enemalta u kumpanija privata, fejn l-Onor. Interpellant huwa wkoll rappreżentant legali tal-istess kumpanija li qed toġġezzjona. Kien ikun xieraq u etiku li jekk dan hu l-każ, l-Onor. Interpellant jiddikjara dan fid-domanda parlamentari li qed jagħmel f’din l-istituzzjoni. Filwaqt li l-Enemalta ssegwi l-obbligi tal-pubblikazzjoni skont il-liġi, ninsab infurmata wkoll li dan l-appell mistenni jibda jinstema x-xahar id-dieħel u wieħed għandu jkun kawt li ma jipreġudikax dawn il-proċeduri.